![[L-ewwel parti] Films dwar il-mafja](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/2_planet_of_apes.png)
[L-ewwel parti] Films dwar il-mafja
Fl-ewwel parti ta' din is-sensiela l-ġdida tal-analiżi tal-films, Carmel Bonnici jiddiskuti films fuq il-mafja, kemm dawk klassiċi u kif ukoll dawk li forsi mhux daqshekk magħrufa

Il-films dwar il-kriminalità organizzata minn dejjem kienu popolari fiċ-ċinema. Fis-snin tletin, fl-eqqel tad-Dipressjoni Amerikana, il-kumpanija Warner Bros. għamlet suċċess u spikkat fil-produzzjonijiet ta’ dan il-ġeneru. Aspett reali ta’ dawn ix-xogħlijiet ċinematografiċi huma dawk li juru xi organizzazzjoni potenti ta’ kriminalità li jkun hemm imdaħħal fihom anki membri korrotti mlaħħqin fil-ġerarkija tal-pajjiż, bħal pulizija jew is-superjuri tagħhom, membri parlamentari, imħallfin u oħrajn. Huma l-films dwar il-Mafja li l-aktar juru dan. Il-kelma Mafja li tqanqal ħsibijiet koroh ta’ biża’, terrur u mwiet, kulħadd sema’ biha.
Ħa naraw issa x’inhu l-oriġini ta’ din is-soċjetà sigrieta li l-għeruq tagħha jinfirxu mal-istrati kollha tal-popolazzjoni, sa mill-ogħla postijiet tal-pajjiż. Il-kelma Mafja teħodna lejn Sqallija u r-relazzjoni ta’ dan il-pajjiż mal-Mafja kienet reali ħafna. Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha, Sqallija hi lok favorevoli għan-negozju u trattati minn nies ta’ pajjiżi oħra biex jabitaw hemm. Dan il-post sar qisu d-destinazzjoni perfetta lejn il-Mediterran, l-Afrika ta’ Fuq u l-Adrijatiku. Ħafna jaħsbu li l-Mafja hija organizzazzjoni sigrieta ta’ kriminalità li bdiet qabel waslu l-armi u d-drogi. Il-Mafja bdiet bħala kwalità ta’ ħajja, raġuni kif wieħed jipproteġi lil familtu u lill-għeżież tiegħu mill-inġustizzji ta’ min jaħkem. Kien biss ħafna aktar tard, bil-qawmien tal-midja, tat-televiżjoni u ta’ Hollywood li l-Mafja ħadet dik l-arja glamoruża li sirna nafu biha.
L-istorja ta’ gvernijiet vjolenti u oppressivi ta’ Sqallija u n-numru kbir ta’ ħakkiema korrotti u inkonsistenti, speċjalment fis-sistema ġudikali, sawret l-atmosfera li wieħed jafda fih innifsu biss u dwar koperazzjoni qalb in-nies. Il-biża’ ġiegħel li wieħed jibda jafda b’dan il-mod u jirrispetta lil dak tal-kalibru tiegħu megħjun mill-burokrazija tal-familja u ħbieb. Il-Mafja hija organizzazzjoni kriminali fi Sqallija, l-Italja. Din hija assoċjazzjoni mferrxa ta’ gruppi kriminali li jħaddnu bejniethom struttura organizzata u kodiċi ta’ unur. Il-gruppi bażiċi jissejħu “familja” jew “għaqda”. Kull familja tikkapparra reġjun, ġeneralment belt jew villaġġ, jew xi subborg ta’ belt kbira fejn topera bl-attività illegali tagħha. Minkejja li l-pubbliku jirreferi għall-membri tagħha bħala “mafjosi”, huma jqisu lilhom infushom bħala “rġiel tal-unur”. Il-qalba tal-attivitajiet huma li jitolbu flus biex jipproteġu ħwienet u stabbilimenti u jarbitraw bejn ġlied u argumenti bejn il-kriminali li jorganizzaw negozju illegali u reati kriminali oħra.
Bis-saħħa tal-emigrazzjoni, il-Mafja xterdet ma’ pajjiżi oħra, speċjalment lejn l-Istati Uniti, naturalment fl-Italja u anki l-Kanada u l-Awstralja. Insibu wkoll mafja sħiħa fil-Lvant tal-Ewropa u l-Amerika t’Isfel. Niġu issa għall-Mafja Amerikana. Fl-Istati Uniti l-Mafja jirreferu għaliha bħala “Mob” jew “Cosa Nostra” (il-ħaġa tagħna). F’Napli jsejħulha “Camorra” li teżisti wkoll fl-Istati Uniti u l-Kanada. F’Sardinja għandha l-isem ta’ “Ndrangheta”.
Fl-Istati Uniti l-Mafja nibtet f’reġjuni fqar jew il-Ghettos ta’ East Harlem, New York, Lower East Side u Brooklyn. Infirxet ukoll f’partijiet oħra tal-East Coast u fi bliet metropolitani bħal Chicago u New Orleans lejn l-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20, meta emigranti mill-Italja u Sqallija invadew l-Amerika. Il-Mafja Amerikana hi wkoll taħlita ta’ gruppi kriminali minn Napli, Reggio Calabria u postijiet oħra bħal Corsica li ngħaqdu mal-Mafja Siċiljana. Fil-preżent, din l-organizzazzjoni vasta hija l-aktar attiva lejn it-Tramuntana/Lvant tal-Istati Uniti, f’diversi postijiet bħal New York City, New Jersey, Philadelphia u New England, ukoll f’Boston, Chicago, Detroit u Cleveland u mifruxa sa Florida fis-Sud u Las Vegas fil-Punent.
Iċ-ċinema ma qagħadx lura biex jesebixxi produzzjonijiet dwar l-attivitajiet diversi ta’ din l-għaqda bi swaba’ twal li jwasslu ma’ kullimkien, imlaqqma wkoll mit-Taljani bħala “Piovra” (qarnita). Dan is-suġġett ġie ttrattat ġo films bħal The Black Hand, The Don Is Dead, Pay Or Die, The Sicilian Clan, The Brotherhood, Johnny Cool, New York Confidential, The Brothers Rico, Honour Thy Father, The Valachi Papers, Charley Varrick, Goodfellas, Mobsters u speċjalment bi grandezza u vitalità fit-triloġija The Godfather. Films Taljani li ttrattaw din l-affari huma ħafna u jinkludu La Conseguenze Dell’Amore, (The Consequences Of Love), Cadaveri Eccellenti (Illustrious Corpses), Salvatore Giuliano, Il Prefetto Di Ferro, The Sicilian, Gomorrah (li tfisser Camorra) u l-kolossali C’Era Una Volta l’America (Once Upon A time In America).
Kif diġà semmejt, fl-Amerika, il-Mafja jsibuha wkoll bħala Cosa Nostra (il-ħaġa tagħna jew il-kawża tagħna). Cosa Nostra talludi għall-frażi “Morte alla Francia, Italia Anela” (mewt għall-Franċiżi hija l-għajta Taljana). Minn telefonata rrikordjata bil-moħbi mill-FBI, Johnny Formosa qal dan il-kliem lis-sid tiegħu, Sam Giancana, wara li Dean Martin irrifjuta jew injora talba biex ikanta f’Chicago, “Ejjew nuru lil dawn iċ-ċwieċ ineffiċjenti ta’ Hollywood li dawn ma jistgħux jiskappaw qisu ma ġara xejn. Ejjew naħbtu għal Sinatra, jew nista’ nsawwat xi tnejn oħra, Lawford u Martin u nattakka lill-iswed (Sammy Davis Jr.) u naqlagħlu l-għajn l-oħra ’l barra”. Dawn l-atturi kollha magħrufa bħala The Rat Pack dejjem jidhru flimkien u anki ġieli ssemmew li kellhom xi konnessjonijiet mal-Mafja.