.png)
Did-dinja kaotika li tagħtik ordni
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Ħaley Xuereb tħares lejn il-ktieb It-Togħma Morra taċ-Ċiċri (Merlin Publishers) ta’ Noah Fabri, u tinnota 'ideat ġodda għal-letteratura Maltija.'

Wieħed mill-inqas qwiel favoriti tiegħi bil-Malti hu “l-ewwel ma tiekol l-għajn.” Forsi għax meta kont żgħira kont nużah wisq fil-komponimenti tal-Malti, u forsi għax kelli nitgħallem traduzzjoni tiegħu bilfors għall-picture essays tal-eżami tal-orali – “the eye eats first”, “das Auge isst mit”, u “anche l’occhio vuole la sua parte”, qisni qed nipprepara għall-Eurovision tat-traduzzjonijiet.
Ironikament però, il-qoxra ta’ It-Togħma Morra taċ-Ċiċri ta’ Noah Fabri kienet li ġibditni jien u nagħżel ir-riċensjoni ta’ dil-ġimgħa. Fil-verità, b’enfasi fuq ir-rumanz ewponimu, fid-dinja tal-pubblikazzjoni Maltija, ħafna qxur tal-kotba jinħassu qishom ċimiterju għat-templates tal-PowerPoint. Xbajt nara qxur li jħallu l-qarrej prospettiv bla togħma, bi stampa ġenerika li ħafna drabi qajla jkollha x’taqsam mal-kontenut tal-ktieb. Però, f’dan il-ktieb għamlet ħafna sens qoxra b’mappa fi stil astratt, b’kulur aħdar katartiku jistieden fl-isfond, donnu Google Maps bid-destinazzjoni mixtieqa ta’ dimensjoni oħra. U tassew, l-awtur jieħu l-persona ta’ Heimdall bi ċwievet għal disa’ dinjiet, u bejn virgola u oħra, jalterna minn dinja għall-oħra.
Din id-darba, minflok dinja ta’ fantaxjenza fi pjaneti oħra, għandna rumanz li jidħol fil-linja rqiqa ta’ bejn ir-realtà u l-għidli x’rajt wara t-tielet espresso. Għandna liminal fiction, jew realtà spekulattiva – dak l-ispazju kkulurit ta’ bejn l-ordinarju u s-surreali. Mill-Midgard sigura fl-Engineering Building tal-Università fejn kont qed naqra l-ktieb, It-Togħma Morra taċ-Ċiċri reġa’ fakkarni fid-dinja tal-artisti, tal-immigranti, u tal-ħaddiema, fi żmien mhux normali ta’ pandemija, imma fl-istess ħin żmien komuni – għax ilkoll għexnieh; u hekk il-mhux normali sar normali fil-komunità tiegħu. Żmien stramb, u b’xi mod, jinħass distanti fl-avventuri ta’ Eli u Leo u l-ħbiberija tagħhom f’appartament wieħed f’nofs lockdown – u l-imwieġ li jġibu magħhom sħabhom, l-eklettiku Eiro u r-reżiljenti Faye. U permezz ta’ Fabri, il-qarrej jinduna li hemm bosta realtajiet paralleli għaddejjin madwarna, u aħna, nafu biss b’dik tagħna.
Aktarx dan kien l-ewwel ktieb bil-Malti li qrajt li uża pronomi nonbinarji b’kunfidenza sħiħa, u lil hinn mill-postijiet tas-soltu tal-Bajja tal-Għadira u Putirjal semma postijiet ‘alternattivi’ li niffrekwentahom bħaż-Zion, l-iStoreroom u l-Ġugar. Għoxejt naqra r-rappreżentazzjoni tal-kelma diżmorfja erba’ linji ’l fuq mis-Semitiku grazzjuż tal-kelma “sorġiet.” Naraw li l-laqmijiet tipiċi Maltin baqgħu hemm, u saru ġodda għal soċjetà ġdida – L-Għaġina, il-Valju. Fabri tilgħab bil-kliem, u xi frażijiet tant għoġbuni li rrid niċċitahom f’dir-riċensjoni – “il-qarċilla ta’ madwarha”, “dija safranija ta’ orkestra kaotika tferraħ xi party tat-tfal” u “tgħid f’għoxx ħajti ħames darbiet lis-saqaf tal-kamra”. Maġiċi, b’mod stranjament relatibbli.
Il-karattri għandhom rwol importanti ħafna f’dan ir-rumanz. Li kieku dal-ktieb kien pjaneta, il-karattri kienu jkunu l-forza tal-gravità, jiġbduk u jdaħħluk fl-istorja, però fl-istess ħin iġegħluk tistaqsi x’jien nagħmel hawn norbita fl-ispazju? II-karattri huma ferm dettaljati, b’teknika li għandha tiġi mfaħħra minħabba li f’rumanz ta’ karattri, faċli jiġu Flanderised iżżejjed. Ġieli narawhom passivi żżejjed, bħal persuna li meta tiftaħ it-televixin biex tara xi ħaġa ġdida, tqatta’ siegħa ddur fil-menu u fl-aħħar terġa’ tara Simpatiċi, għax ma tafx x’se tagħżel. Il-motifs tal-ktieb – iċ-ċiċri, il-Lachryma Vitis, u nazzarda ngħid anke l-karattru ta’ Eiro jservu biex jankraw lill-qarrej u fl-istess ħin jgħinu lill-ktieb ma jegħriqx fiż-żejjed tiegħu. Waqtiet ħassejtni qed nintilef wisq fil-ħsibijiet tal-karattri u ninsa l-istorja l-kbira. Biex nissellef żewġ termini mil-letteratura Ġermaniża, dik il-lingwa perfetta ta’ kliem litterali, ir-Rahmenhandlung (li bi tradizzjoni kelma b’kelma tfisser frejm-storja) tal-ktieb kienet qed tisfoka wisq fil-Binnenhandlung (il-kontenut tal-frejm). Din hija arti fiha nnifisha, però waqtiet ġegħlitni naħseb li l-artista, fil-faċilità u n-naturalezza li tikteb biha, kienet qed tintilef fil-ħsibijiet intrinsiċi tagħha. U f’rumanz relattivament oħxon, din il-ħaġa taf taqta’ qalb il-qarrej.
L-istil mexxej tar-rumanz għenni nissendika l-binja ta’ dan ir-rumanz dwar “it-toroq u n-nies li jibnu ħajjithom madwarhom”. Ir-rumanz hu ambjentat il-Ħamrun, u f’dan iż-żmien ta’ bla Xarabank, skjettament jintervista l-irwejjaħ, il-ħsejjes, u l-kuluri kollha tal-pajjiżi kollha li jiltaqgħu magħhom. Ħassejtni tifla ta’ erba’ snin bilqiegħda f’tal-linja l-ewwel darba li niftakar li tlajt il-Ħamrun minn Għawdex, skantata lejn l-ammont ta’ ħwienet u nies differenti ħdejn xulxin li kont qed nara mit-tieqa l-kbira tax-xarabank. Dan il-multikulturaliżmu ta dimensjonalità lill-karattri barranin. Naraw differenza kbira mill-barrani li mdorrijin naraw fil-letteratura Maltija u li ddomina fl-Era Romantika, l-iswed li seraq lil iben Żgugina, li waddab it-tfajla mill-irdum, li ħalef fuq ġebla. Ir-rumanz juża l-bilingwiżmu b’mod naturali, li ma jdejjaqx lil dak il-Malti li jogħxa jikkummenta ‘tkellem bil-Malti’ lil kull imsejken li taqbiżlu kelma bl-Ingliż.
Il-ktieb fakkarni fil-playscript tat-Teatru tal-Miskin għar-realiżmu kwir tiegħu. Forsi fakkarni fih għax sempliċement uħud mill-ftit kotba li għandna li jippruvaw jimlew il-lakuna tal-letteratura kwir Malta. Bil-kontra ta’ Teatru, fejn id-dramm inqara qisu ktieb, jien u naqra xogħol Fabri ħassejtni faċilment qed naqra dramm imqassam f’paragrafi. Is-sentenzi twal mogħnija virgoli jgħallmuk taqra b’mod li għajnejk ikollhom jieqfu bilfors fil-ħofor ta’ bejn punteġġatura u oħra, u biex tifhimha jkollok tinżel tesploraha sakemm jirnexxilek tniżżel bandirtek f’dit-toqba fil-qamar.
It-Togħma Morra taċ-Ċiċri jqajjem ħafna ideat ‘ġodda’ għal-letteratura Maltija. Joffri ċerta polifonija, it-terminu li Mikhail Bakhtin juża biex jiddeskrivi lil Dostoevsky. Permezz tat-tattika polifonika, Fabri jirnexxilu juża stil li jħalli, anzi, jistieden, diversi ilħna jeżistu flimkien mingħajr vuċi ċentrali. Ma tiddettax tifsira, imma tħalli t-tifsira toħroġ organika mit-toroq u l-bnedmin, u forsi, dik hi l-vera togħma tal-ktieb, it-togħma morra li ġġiegħlek tirrealizza li inti, anke inti, ukoll parti minn dinja kaotika.