Jinfetħu disa’ swali ġodda fil-Palazz tal-Gran Mastru

F’dawn is-swali sar restawr estensiv tas-soqfa tal-injam iddekorat, tal-affreski u l-pitturi, tad-damask u l-pittura fuq il-ħitan u tal-art, magħmula kemm mill-irħam, kif ukoll miċ-ċangatura

Il-viżitaturi fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta issa għandhom aċċess għal disa’ swali ġodda li qatt qabel ma kienu miftuħin għall-pubbliku. Bl-inawgurazzjoni ta’ dawn is-swali, se tkompli tissaħħaħ l-esperjenza tal-pubbliku f’dan l-aktar sit popolari ta’ Heritage Malta.  

Ċerimonja li saret fil-Piano Nobile tal-Palazz fetħet uffiċjalment dawn l-ispazji ġodda, fejn sar restawr estensiv tas-soqfa tal-injam iddekorat, tal-affreski u l-pitturi, tad-damask u l-pittura fuq il-ħitan u tal-art, magħmula kemm mill-irħam, kif ukoll miċ-ċangatura. 

Dawn is-swali kienu jiffurmaw parti mill-appartament tas-sajf tal-Gran Mastru, u jinkludu s-Salott u l-Istudju, il-Kamra tas-Sodda u l-Kappella. Infetħu wkoll il-Cabinetto di Curiosità, il-Kamra tal-Kappillan Konventwali u l-Uffiċċju tat-Teżor, u tliet swali oħra li fihom wirjiet tematiċi li jiffukaw fuq l-istorja tal-Palazz fi żmien il-perjodu Franċiż, l-Ordni ta’ San Mikiel u San Ġorġ, u l-Parlament Malti, li sa ftit snin ilu kien jiltaqa’ f’dan l-istess Palazz.  

Bosta mill-ispazji msemmija jinkludu fihom għamara u artefatti mis-sekli 16 sa 18, li ngħataw lill-aġenzija aktar kmieni din is-sena mill-kollezzjonist lokali Paul Zammit bħala parti minn donazzjoni ġeneruża b’tifkira tal-ġenituri tiegħu. Din kienet waħda mill-akbar u l-aqwa għotjiet li qatt irċeviet il-kollezzjoni nazzjonali sa mit-twaqqif tal-Kumitat għall-Amministrazzjoni tal-Mużew fl-1903. 

Il-Palazz tal-Gran Mastru reġa’ nfetaħ għall-pubbliku f’Jannar 2024, mat-tlestija tal-ewwel fażi tal-proġett ta’ restawr. Il-proġett qed jitwettaq b’investiment ta’ aktar minn €40 miljun iffinanzjat mill-Gvern Malti u bi 18-il miljun minnhom b’kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.  

Fl-indirizz tagħha waqt iċ-ċerimonja, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, irrikonoxxiet l-isforzi ta’ dawk kollha li ħadmu biex dawn is-swali jinfetħu għall-pubbliku. Il-President ta’ Malta aċċennat ukoll għad-donazzjoni tas-Sur Paul Zammit, li fissritha bħala ġest imprezzabbli biex l-artefatti storiċi tal-epoka jkomplu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet futuri. Appellat biex iktar kollezzjonisti u sidien ta’ artefatti simili jsegwu l-eżempju tas-Sur Zammit, u huma wkoll, permezz ta’ arranġamenti, jgħaddu dawn l-oġġetti għat-tgawdija tal-pubbliku, sew jekk huma pitturi jew għamara imma wkoll manuskritti u pubblikazzjonijiet rari li jistgħu jkomplu jsaħħu l-Arkivji u l-Biblijoteka Nazzjonali. 

Dr Owen Bonnici, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, qal: “Komplejna ninvestu fil-wirt kulturali tagħna hekk kif il-Palazz tal-Gran Mastru — ġawhra fil-qalba tal-Belt — mhux biss fetaħ beraħ biex il-poplu jiskopri l-maestà u l-istorja tiegħu imma komplejna naraw li l-esperjenza tissaħħaħ. Minn żmien il-Kavallieri sa Malta moderna, dan il-Palazz jifforma parti mill-qalba tal-identità tagħna. 

“B’investiment ta’ 40 miljun ewro tajna lil dan il-Palazz id-dinjità li jixraqlu biex ikun jista’ jitgawda aħjar mill-Maltin u t-turisti. Illum qed ninawguraw disa’ swali ġodda biex din l-esperjenza tkompli tissaħħaħ u ngawdu l-Palazz aħjar minn qatt qabel. Grazzi lill-ħaddiema kollha ta’ Heritage Malta u lil kull min ħadem biex dan isir realtà,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.  

Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, saħaq fuq l-importanza tal-użu għaqli tal-fondi Ewropej fi proġetti li jippreservaw u jagħmlu aktar aċċessibbli l-wirt storiku tal-pajjiż. “Dan il-proġett jirrifletti kif il-fondi Ewropej jistgħu jikkontribwixxu f’inizjattivi li jagħtu aktar valur lill-identità kulturali tagħna u joffru esperjenzi ġodda ta’ kwalità għolja, kemm għall-Maltin, kif ukoll għat-turisti li jżuru dan il-post,” qal il-Ministru.  

Is-Sur Mario Cutajar, iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, qal li: “Il-Palazz għall-pajjiż ifisser iktar minn simbolu ta’ awtorità għal mijiet ta’ snin. Huwa wkoll l-istorja nnifisha ta’ pajjiżna, minn wara l-Assedju l-Kbir ’l hawn. Kull investiment fih huwa investiment fl-istorja. Bħala l-aġenzija fdata bil-ħarsien tal-patrimonju Malti, irridu nfissru u nwasslu speċjalment ir-relazzjoni bejn id-deċiżjonijiet li ttieħdu fih u n-nies hemm barra, li tul is-snin inġabru fil-pjazza ta’ quddiemu, daqqa għal raġuni u daqqa għal oħra. Il-kollezzjonijiet li nsibu fil-mużewijiet tagħna huma għodod biex nagħmlu dan, u donazzjonijiet b’saħħithom bħal tas-Sur Paul Zammit ikomplu jgħinuna fil-missjoni.” 

Is-Sur Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, ikkummenta li: “F’dawn l-aħħar snin, Heritage Malta ħadmet qatigħ biex treġġa’ lura lejn dan il-palazz artefatti li lura fiż-żmien kienu parti minnu. Xtrajna wkoll artefatti li jixraq li jkunu f’dan il-palazz u li wħud minnhom saħansitra kienu nbiegħu mill-palazz stess sekli ilu. Din il-ħidma, li għadha għaddejja, qed tagħti l-frott mixtieq, hekk kif il-Palazz jinsab fuq quddiem nett fil-lista tas-siti ta’ Heritage Malta li l-aktar iżuruhom nies, u ċ-ċifri juru żidiet konsiderevoli.” 

More in Arti