Wirja bix-xogħlijiet ta’ Lorenzo Agius

Din il-wirja esklussiva, li tkun esebita matul ix-xahar ta’ Ġunju, toffri ħarsa intima lejn is-17-il ritratt mill-aktar attreanti ta’ ċelebritajiet meħudin minn Agius – preambolu b’saħħtu għall-wirja retrospettiva li se tiftaħ f’nofs Settembru fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta

Uħud mir-ritratti ta’ atturi prominenti ta’ Lorenzo Agius, f’dal-każ Angelina Jolie (xellug) u Pierce Brosnan (lemin)
Uħud mir-ritratti ta’ atturi prominenti ta’ Lorenzo Agius, f’dal-każ Angelina Jolie (xellug) u Pierce Brosnan (lemin)

Il-Phoenicia u l-kuratriċi Prof. Charlene Vella għandhom l-unur li jippreżentaw wirja bix-xogħlijiet ta’ Lorenzo Agius, wieħed mill-aktar fotografi tar-ritratti prominenti ta’ żmienna. Din il-wirja esklussiva, li tkun esebita matul ix-xahar ta’ Ġunju, toffri ħarsa intima lejn is-17-il ritratt mill-aktar attreanti ta’ ċelebritajiet meħudin minn Agius – preambolu b’saħħtu għall-wirja retrospettiva li se tiftaħ f’nofs Settembru fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta. 

Din it-titwila turi xbihat ikoniċi ta’ atturi u mużiċisti ta’ fama dinjija, magħżula mill-kollezzjoni estensiva u rinomata ta’ Agius li tmur lura sas-snin 90. B’għajn unika għall-emozzjoni u l-atmosfera, Lorenzo ma jaqbadx biss ix-xbieha, iżda jimmortalizza l-preżenza: jiddistilla l-attrazzjoni intanġibbli tas-suġġetti tiegħu fi stqarrijiet viżivi li jibqgħu għal dejjem. Kull ritratt huwa mument sospiż, rikk bin-narrattiva, il-vulnerabbiltà u l-kariżma. 

Lorenzo Agius, imwieled fir-Renju Unit minn ġenituri Maltin, kiseb fama internazzjonali fis-snin 90 bir-ritratti ċinematiċi tiegħu, fosthom ir-ritratti promozzjonali għall-film Trainspotting — ritratti li issa saru leġġendarji. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-lenti tiegħu qabdet il-wiċċ ta’ ġenerazzjonijiet — mill-irjali ta’ Hollywood sal-leġġendi tal-mużika — f’ritratti li għadhom jifformaw il-kultura viżiva kontemporanja. Kopertini ta’ Vanity Fair, kampanji ta’ films u kummissjonijiet privati lkoll juru l-influwenza dejjiema u l-kapaċità bla paragun tiegħu li juri l-bniedem wara l-fama. 

Din il-wirja fil-Phoenicia mhijiex biss esebizzjoni tal-ħiliet tekniċi ta’ Agius, iżda hija stedina biex wieħed jinteraġixxi mal-intelliġenza emozzjonali wara l-kamera. Ir-ritratti tiegħu juru bilanċ delikat bejn l-istruttura u l-ispontanjetà — koreografiċi iżda mimlijin mumenti mhux mistennija. Dan huwa l-arti tar-ritratt fil-quċċata tagħha: ċinematika, pittoreska u profondament personali. 

Għal Lorenzo, li għandu edukazzjoni fl-arti fina, ir-ritorn f’Malta għandu sinifikat emozzjonali. Il-wirja hija maħsuba biex tonora l-oriġni tiegħu u ċelebrazzjoni tal-potenzjal kreattiv: ispirazzjoni għal ġenerazzjonijiet futuri ta’ artisti Maltin. 

Lorenzo għażel lil Malta bħala s-sit għall-ewwel wirja retrospettiva komprensiva tiegħu, bħala ġest ta’ gratitudni lejn art twelidu. Billi joffri ħarsa immersiva lejn il-karriera tiegħu f’pajjiżu, jittama li jqanqal l-ispirazzjoni fost artisti żgħażagħ Maltin. Il-vjaġġ tiegħu ma kienx faċli: snin ta’ twemmin fih innifsu, xogħol bla waqfien u reżiljenza wassluh għas-suċċess. Jixtieq li l-artisti friski jkunu jafu li l-ħolm tagħhom huwa akkwistabbli, jekk jiddedikaw ruħhom bl-istess passjoni u determinazzjoni li għandu hu. Lorenzo diġà ppreżenta xogħlu f’lettura pubblika fl-Università ta’ Malta f’Marzu 2024 u ħa sehem f’jum il-kultura fi skola primarja indipendenti f’April 2025. Din is-sena skolastika li ġejja, se jkun qed jippreżenta wirja akbar tiegħu wkoll lill-istudenti tal-iskejjel u oħrajn. 

Din it-titwila lejn il-wirja se tkun miftuħa mit-3 sat-30 ta’ Ġunju 2025, fil-Palm Court Lounge fil-Phoenicia, Malta. 

Aktar dwar Lorenzo Agius 

Imwieled minn ġenituri Maltin u mrobbi Londra, Lorenzo beda l-karriera tiegħu billi ħoloq ir-ritratti memorabbli u ikoniċi ta’ Ewan McGregor u l-kast tal-film rivoluzzjonarju Trainspotting ta’ Danny Boyle. Wara dan, kompla jiċċelebra l-era ta’ Cool Britannia tar-Renju Unit bir-ritratt famuż ta’ Liam Gallagher u Patsy Kensit fuq kutra tal-Union Jack għall-kopertina ta’ Vanity Fair. 

Bl-istil fotografiku tiegħu, li huwa studjat u deliberat ħafna, Lorenzo jipproduċi xogħlijiet varjati, umoristiċi u rfinuti. Illum huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa fotografi tar-ritratti ta’ żmienu u jibqa’ jaħdem ma’ bosta klijenti kummerċjali, tal-film u editorjali madwar id-dinja kollha. 

Ir-ritratti tiegħu jinkludu personalitajiet ta’ fama kbira bħalma huma: Tom Cruise, Cate Blanchett, Will Smith, Beyoncé, Helena Bonham Carter, Robert Downey Jr, Jack Nicholson, Gwen Stefani, Pink, Madonna, Rachel Weisz, Samuel L. Jackson, Jared Leto, Kate Winslet, Muhammad Ali, Margot Robbie, Helen Mirren, Sharon Stone, Michael Fassbender, Denzel Washington, Viola Davis, ir-Reġina Rania tal-Ġordan, ir-Re Karlu III, Oprah Winfrey, Jude Law, Eddie Redmayne, Jamie Foxx, Christian Bale, Vivienne Westwood, Paul Smith, Valentino, Donatella Versace, Azzedine Alaïa, u ħafna oħrajn. 

Lorenzo għandu seba’ ritratti tiegħu fil-kollezzjoni permanenti tan-National Portrait Gallery f’Londra, ir-Renju Unit. Din is-sena, Lorenzo qed jikkollabora fi proġett artistiku ma’ Doming Zapata, artist Spanjol rinomat, fejn se jinterpretaw b’mod ġdid u kreattiv xi wħud mill-aktar xbihat ikoniċi tiegħu. 

Lorenzo kellu għaxar wirjiet individwali fil-passat. Din il-wirja fil-Phoenicia Malta hija titwila għall-ewwel wirja retrospettiva u individwali tiegħu f’Malta, li se tiftaħ f’nofs Settembru fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta. 

More in Arti