.png)
Il-poetessa Leanne Ellul taqra l-poeżija tagħha ‘A Résumé of Bees’ f’Westminster Abbey f’Jum il-Commonwealth
Il-poeżija ġiet ikkummissjonata apposta għaċ-ċerimonja biex tiċċelebra r-reżiljenza tal-popli tal-Commonwealth

Il-poetessa u kittieba Leanne Ellul qrat il-poeżija ġdida tagħha, “A Résumé of Bees”, f’ċerimonja li seħħet f’Westminster Abbey bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Commonwealth 2025.
Il-poeżija ġiet ikkummissjonata apposta għaċ-ċerimonja biex tiċċelebra r-reżiljenza tal-popli tal-Commonwealth. Fil-poeżija, Ellul tqabbel il-ħidma u l-kollaborazzjoni tan-naħal mal-ħidma li twettaq il-Commonwealth.
Il-maġġoranza tal-poeżija hija bl-Ingliż iżda tibda bi kwotazzjoni ta’ “Ġejja x-Xita,” poeżija ta’ Mary Meilak, u għandha numru ta’ versi bil-Malti wkoll.
Iċ-ċerimonja kienet qed tiċċelebra l-aqwa aspetti tal-Commonwealth, mill-mużika u l-popli tagħha, għall-kisbiet sportivi u l-kontribuzzjonijiet tagħha lejn il-paċi dinjija.
Numru ta’ mexxejja u personaġġi oħrajn attendew iċ-ċerimonja, inklużi r-Re Karlu III, il-Prinċipessa ta’ Wales Catherine, il-Prim Ministru tas-Samoa Fiamē Naomi Mataʻafa, il-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer, u diversi membri oħra tal-familja rjali Ingliża.
Ir-Re kien ilu ma jattendi ċ-ċerimonja sentejn minħabba l-kura tal-kanċer li kien qiegħed jirċievi. Il-Prinċipessa Catherine, sen’ilu wkoll ma attendietx iċ-ċerimonja minħabba l-istess raġuni.
Il-Commonwealth hija assoċazzjoni volontarja ta’ 56 pajjiż indipendenti li kważi kollha kienu taħt l-Imperu Brittaniku.