Malta International Contemporary Arts Space jħabbar wirja tal-artist mibki Malti Ray Pitrè

Il-MICAS iħabbar skultura kkummissjonata riċentement tal-artist mibki Malti Ray Pitrè, li se titqiegħed f’post promenenti fil-Kampus bħala parti mill-kollezzjoni permanenti tal-mużew

Il-MICAS, l-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta, iħabbar skultura ewlenija li għadha kif ġiet ikkummissjonata mill-artist Malti Ray Pitrè (1940-2024), li se tkun pożizzjonata b’mod permanenti u prominenti fil-Kampus bħala parti mill-kollezzjoni permanenti tal-MICAS. 

Fid-9 ta’ Jannar 2025, il-MICAS se jagħti ġieħ lil-legat tal-mibki Pitrè – wieħed mill-esponenti ewlenin tal-arti kontemporanja f’Malta – li x-xogħol finali tiegħu Figure in Rods (2024) jgħaddi għand il-MICAS il-legat ta’ dan l-artist dinamiku Malti. 

Wirja oħra dwar Pitrè kkurata mill-istoriku tal-arti Malti Joseph Paul Cassar, espert ewlieni dwar l-arti moderna u kontemporanja Maltija bbażat f’Washington, tiftaħ ukoll bl-inawgurazzjoni tal-iskultura. 

Fil-11 ta’ Jannar 2025, il-MICAS se jospita lil Cassar għal taħdita interessanti dwar l-arti ta’ Figure in Rods. Id-dħul huwa b’xejn iżda huwa obbligatorju tibbukkja. 

“Il-MICAS ikkonsulta mill-qrib ma’ Pitrè dwar ir-rappreżentazzjoni ta’ Figure in Rods u l-pożizzjoni permanenti tiegħu fuq il-Kampus tal-mużew. Ninsabu kuntenti li x-xewqat eżatti tiegħu dwar it-twettiq u t-tqegħid tiegħu ġew onorati. Imnikktin għat-telfa tiegħu u li ma setax ikun hawn biex jara l-inawgurazzjoni ta’ xogħlu,” qalet Edith Devaney, Direttur Artistiku tal-MICAS. 

“Għall-viżitaturi tal-MICAS, din l-opra tiġbor fiha l-kapaċità bla paragun ta’ Pitrè li jesplora temi psikoloġiċi u emozzjonali profondi. Figure in Rods se sservi bħala mafkar għal Pitrè u l-legat tiegħu.” 

Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-MICAS Phyllis Muscat qalet li l-ikkummissjonar u t-tqegħid permanenti ta’ Figure in Rods jiċċelebraw il-legat artistiku ta’ wieħed mill-ifjen artisti ta’ Malta, u jissottolinja l-missjoni tal-MICAS li jġib l-arti u l-artisti Maltin fi djalogu ma’ komunità artistika internazzjonali. 

“Huwa tabilħaqq ta’ unur għalina li nsiru l-kustodji tax-xogħol finali ta’ Ray Pitrè, f’dan l-istadju bikri tal-missjoni tal-MICAS biex iġib l-arti kontemporanja internazzjonali f’Malta, iżda wkoll li nuru l-arti kontemporanja Maltija lill-bqija tad-dinja,” qalet Muscat. 

Il-wirja se tinkludi wirja ta’ tpinġijiet, pitturi u skultura iżgħar minn Pitrè relatata ma’ Figure in Rods. 

Dħul bi ħlas fil-MICAS jagħti lill-viżitaturi aċċess għall-wirja ta’ Ray Pitrè, kif ukoll dik ta’ Joana Vasconcelos u għax-xogħlijiet ta’ Conrad Shawcross fuq is-sur tal-La Vittoria u l-kmamar ta’ taħt. 

 

Dwar l-Artist 

Ix-xogħol ta’ Pitrè ġie esebit internazzjonalment f’Londra, Berlin, Firenze, Copenhagen, Brussell, Palermo, Algiers, New York u Kyoto. Huwa rrappreżenta lil Malta fil-Biennale ta’ Venezja fl-1999, u xogħlu jinsab f’kollezzjonijiet nazzjonali u istituzzjonijiet oħra. 

Imwieled fl-1940 ftit wara li bdew l-ewwel attakki mill-ajru fuq Malta matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Pitrè akkredita s-surrealiżmu ta’ Salvador Dalì bħala l-ewwel togħma tiegħu tal-arti internazzjonali. 

Ta’ żagħżugħ, għal xi żmien qasir ittanta ħajja kunventwali bħala novizz, iżda finalment sar kuntistabbli tal-pulizija biex jibqa’ għaddej fil-karriera artistika tiegħu. 

Apparti l-ewwel xogħlijiet tiegħu mis-serje Scream fis-sittinijiet, huwa pproduċa wkoll xogħlijiet sperimentali bl-użu ta’ collage u mezzi mhux konvenzjonali bħal fildiferru tal-gaġeġ, hardboard, metall, ħadid maħdum, u diversi objet trouvé, ispirat minn Duchamp u Calder. 

L-impatt ta’ Pitrè beda sewwasew bħala wieħed mill-artisti ewlenin Maltin għar-ritratti ppużati: imsejjaħ minn uffiċjal għoli tal-pulizija biex jesegwixxi r-ritratt tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Dom Mintoff, fl-1973, is-suċċess ta’ dan ir-ritratt fetaħlu t-triq għal kummissjoni ġdida tar-ritratt ta’ Sir Anthony Mamo, l-ewwel President tar-Repubblika ta’ Malta. 

L-ewwel wirja personali tiegħu fil-Mużew tal-Arti Nazzjonali fl-1976 ġabitlu fama nazzjonali, u minn hemm seta jniedi l-istudjow il-kbir tiegħu fis-Swieqi biex jiddedika ħajtu kompletament għall-arti. 

Fl-1999, Pitrè ntgħażel flimkien ma’ Vince Briffa u Norbert Attard għall-padiljun nazzjonali ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja, bl-iskulturi Guerriero. 

Fl-2000, Pitrè ġie onorat bħala Membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu tar-Repubblika ta’ Malta għas-servizzi tal-arti. 

 

Dwar ix-xogħol 

Oriġinata minn assemblaġġ ta’ materjal divers u konċeput għall-ewwel darba fl-1969, waqt wieħed mill-booms ta’ żvilupp aggressiv f’Malta, Figure in Rods hija esplorazzjoni qawwija ta’ konfinament psikoloġiku. 

Bħala wieħed mill-ewwel esponenti Maltin tal-Arte Povera, il-moviment artistiku li oriġina fl-Italja fis-sittinijiet tas-seklu għoxrin, Pitrè kien magħruf li jmur ifittex fuq is-siti ta’ bini biex jiġbor il-vireg tal-metall u skart ieħor biex imbagħad jagħtihom għan ġdid fil-kreazzjonijiet tiegħu. L-artist ta’ spiss irrifletta fuq in-natura tan-nasba ristrettiva li toħloq l-urbanizzazzjoni, li hija kwistjoni relevantissima għas-soċjetà kontemporanja. 

Ix-xogħol huwa karatterizzat b’figura solitarja mpoġġija qalb densità qawwija ta’ vireg weqfin, fejn il-preżenza ta’ din il-figura tiġi żvelata jew moħbija hekk kif li l-viżitaturi jduru madwarha. 

Figure in Rods huwa xogħol li jagħti eżempju tal-proċess artistiku profondament introspettiv ta’ Pitrè, ibbażat f’memorja awtobijografika u l-ispazji liminali tal-esperjenza umana. Permezz ta’ assemblaġġ kumpless ta’ vireg tal-ħadid, l-artist ibiddel il-figura umana fi preżenza elużiva li tissuġġerixxi simultanjament eżistenza u assenza. Il-vireg wieqfa, simili għal sentinelli silenzjużi, iqanqlu sens ta’ iżolament u diskonnettività, simbolu tal-barrieri inviżibbli li jħabblu l-moħħ uman. 

B’manipulazzjoni ta’ spazji negattivi u pożittivi, Pitrè joħloq esperjenza viżwali dinamika li fiha l-iskultura titbandal bejn il-materjalità u l-eterealità. Ir-rendiment fil-bronż jippermetti d-dawl u d-dell jilagħbu fuq ix-xena surreali b’saffi multipli, jistieden lill-viżitaturi biex jinvolvu ruħhom fir-relazzjonijiet kumplessi bejn il-forma, il-perċezzjoni, u r-restrizzjoni psikoloġika. 

More in Arti