Merlinu Jerħilha Lejn Malta

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Daniel Cossai jaffaxxina ruħu bl-istil u l-kitba ta’ Norman C. Borg fl-addattament ta’ ġabra ta’ stejjer dwar il-mit tar-Re Arturu, bil-ktieb L-Ifirsa tal-Mejda t-Tonda (Horizons)

Fl-imgħoddi, f’ħafna kulturi madwar id-dinja, kien hemm ħafna li ddedikaw ruħhom u ġisimhom għall-istudju tal-alkemija: qasam ta’ studju psewdoxjentifiku li wieħed mill-għanijiet primarji tiegħu kien it-trasformazzjoni ta’ metalli komuni f’deheb. Kif nafu, qatt ma rnexxew, u l-alkemija baqgħet fid-dinja tal-maġija, dinja li tibqa’ ħajja fl-istejjer li ngħidu. Il-kittieba tal-adattamenti nistħajjilhom xi ftit bħall-alkemisti. Jaqbdu materjal sors, jgħadduh mill-proċess alkemiku tat-talent u l-kitba tagħhom, u jittrasformawh f’xi ħaġa li, forsi mhux deheb, imma tista’ tiswa daqsu għall-udjenza l-ġdida. 

Eżempju riċenti ta’ din l-alkemija lingwistika li veru ħadt pjaċir naqra huwa L-Ifirsa tal-Mejda t-Tonda ta’ Norman C. Borg, ippubblikat minn Horizons (2025). Kif jista’ jassumi kull min ġieli sema’ bil-mejda t-tonda, din hija ġabra ta’ stejjer dwar il-mit tar-Re Arturu, ir-re Brittaniku leġġendarju li, flimkien mas-saħħar Merlinu u wħud mill-ifirsa ta’ miegħu, bħal Lancelot u Gawaine, tista’ tgħid li daħlu fil-kuxjenza kulturali dinjija. 

Li wieħed jaqbad stejjer li diġà ntqalu għexieren ta’ drabi u jirrakkontahom mill-ġdid b’mod li jibqa’ attraenti teħtieġ ħila partikolari ħafna li tmur lil hinn minn kwistjonijiet ordinarji ta’ stil. Borg kien diġà wera li għandu dan it-talent bil-proġett online mill-aqwa tiegħu Kotba fil-But, fejn joffri rakkonti mill-ġdid bil-Malti ta’ għadd ta’ rumanzi klassiċi tal-letteratura Ewropea, fi ftit eluf ta’ kliem biss. Borg ma jfittixx li jittraduċi l-materjal sors, iżda li jaqrah, jgħarblu, u jerġa’ jirrakkonta fi kliemu stess il-qofol tal-istorja. F’L-Ifirsa tal-Mejda t-Tonda, bis-saħħa tal-forma ta’ ktieb, seta’ jirrakkonta mill-ġdid b’mod iżjed komplut. 

Ħaġa li taffaxxinani fil-pinna ta’ Borg hija kemm kapaċi jadotta stil pjuttost universali. Universali fis-sens li juża Malti pjuttost sempliċi u aċċessibbli, li m’għandux iħabbat wisq lil qarrejja żgħar (għad illi m’iniex espert tal-litteriżmu, inqis li hu adattat għal tfal fil-bidu tas-sekondarja), anki hekk kif ma jiddejjaqx juża kliem bħal ‘fieres’ minflok dik li spiss jgħallmuna, ‘kavallier’ — kelma li fil-fatt jispjegaha fl-ewwel paġna. Iżda fl-istess ħin l-istil li juża qatt ma jinħass infantili; għal adult li jaqra l-ktieb, ma jħossux daqstant li qed jaqra ktieb tat-tfal. U f’rakkont ta’ stejjer Arturjani, dan aspett veru importanti, għax għalkemm huma stejjer li bla dubju fihom elementi li jagħtu pjaċir lit-tfal, mhumiex sewwasew stejjer tat-tfal, iżda stejjer essenzjali tal-psike kulturali li kulħadd, hu minn fejn hu u għandu kemm għandu żmien, idealment għandu jkollu xi forma ta’ familjarità magħhom. Għal min hu familjari ma’ Le Morte d’Arthur ta’ Thomas Malory, is-sors Medjevali primarju ta’ dawn il-miti, forsi r-rakkont ta’ Borg jinħass li hu nieqes minn ċerta kumplessità, madankollu dan mhuwiex rifless fl-istil innifsu. Ir-reġistru użat huwa sempliċi iżda jżomm id-dinjità li jistħoqqilhom dawn l-istejjer. 

Il-ktieb jieħu forma episodika. Ir-rakkonti differenti huma faċilment identifikabbli b’titli u werrej, u wieħed m’għandux ikollu wisq problemi jekk jaqbad jagħżel storja bl-addoċċ u jaqra lilha. Madankollu hemm ukoll sens ta’ kontinwità usa’, minn storja għal oħra. Ngħidu aħna, l-ewwel rakkont huwa dwar l-oriġini tar-Re Arturu, jiġifieri l-famuża storja tax-xabla fil-blata. Ta’ warajh, fuq it-twaqqif tal-Ordni tal-Ifirsa tal-Mejda t-Tonda, u minn hemm inkomplu b’minn fejn ġiet ix-xabla leġġendarja Excalibur u l-ħafna stejjer l-oħra. 

Billi jingħadu bil-Malti, il-letteratura Maltija tafferma ruħha bħala letteratura Ewropea — kif dejjem qieset ruħha — hekk kif dawn il-karattri ewlenin fid-DNA kulturali Ewropew jgħaddu minn proċess ta’ kokreazzjoni bil-Malti. Borg donnu jrid jgħid li l-Malti mhux qiegħed għall-ħrejjef tagħna biss, m’hemmx stejjer tagħna u ta’ barra; aħna parti min-nisġa kulturali Ewropea, u lsienna se jgħid dawn l-istejjer ukoll. Dan mhuwiex att ta’ kannibaliżmu, mhux qed nisirqu l-istejjer ta’ ħaddieħor. Huwa att li joħodna f’dinja barranija u familjari fl-istess ħin, b’karattri u ambjenti aljeni għalkollox għalina iżda li jġegħluna nħossuna li aħna wkoll għandna post madwar il-mejda t-tonda mis-sempliċi fatt li jitkellmu bħalna. 

Min-naħa tiegħu, ir-rakkont bil-Malti jiftaħ il-bieb għal ġenerazzjoni ġdida għall-miti li jisilfu tant lil dawk il-kotba aktar moderni mill-ġeneru tal-fantasija li t-tfal jaqraw u jħobbu bl-Ingliż; mezz kif, minn età bikrija, jitgħallmu jaraw l-interkonnessjonijiet bejn dak li jaqraw fil-ħin tal-qari bil-Malti u dawk li jiltaqgħu miegħu fil-ħin tal-qari bl-Ingliż. Dan il-ktieb mhuwiex biss sors ta’ divertiment iżda ċavetta għal ftit mis-simboloġija Ewropea, l-ewwel żerriegħa li jaf tinbet fi mħabba dejjiema. 

Inħoss li hu ktieb adattat ħafna wkoll għall-qari fi grupp, fejn xi ħadd jaqrah jgħajjat jew anki jiġi rreċtat. Fil-fatt anki fl-istil innifsu li jadotta Borg, tinħass il-preżenza ta’ rakkontatur anki jekk qatt ma jiġi identifikat. Qisu Borg innifsu qed jistedinna npoġġu madwar il-mejda ħalli jirrakkontalna — kif fil-fatt qed jagħmel, għalkemm b’mod iżjed maqtugħ permezz tal-kitba. 

L-Ifirsa tal-Mejda t-Tonda għandu jogħġob lil udjenza varja. Ktieb tajjeb għat-tfal li jixtiequ stejjer immaġinattivi u eċitanti bil-Malti. Għal dawk li qegħdin jitgħallmu l-lingwa u diġà huma familjari mal-istejjer irrakkontati, li mingħajr dubju għandhom isibuha eħfef jifhmu l-kontenut u jkunu jistgħu jiffokaw iżjed fuq il-kliem innifsu u l-grammatika użata. U għall-adulti li ilhom ħafna jafu bir-Re Arturu u forsi jixtiequ jiltaqgħu mal-istejjer proprji iżjed mill-qrib.

More in Arti