Is-sopran Christine Dalli: 14-il spettaklu b’aktar minn 20,000 ruħ
Is-sopran Christine tibqa’ impenjata fil-vjaġġ artistiku tagħha, u b’pass kostanti qed tibni isem barra minn xtutna, filwaqt li tirrappreżenta lil pajjiżha fuq xeni prestiġjużi internazzjonali.

Is-sopran Maltija Christine Dalli għadha kif temmet serje ta’ 14-il spettaklu bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-ftuħ ta’ Brusk fi Bruges, il-Belġju, matul il-ġimgħa li għaddiet, fejn laħqet udjenza stmata ta’ aktar minn 20,000 ruħ. Hija esegwiet flimkien mal-orkestra tal-kordi Sonare Collective u l-kompożitur Patrick Hamilton. Il-kunċert il-ġdid bl-isem “Brusk, Forms in Motion” inħoloq apposta minn Hamilton għal dan l-avveniment speċjali. Il-mużiċisti u l-artisti kienu parti mill-installazzjoni artistika Numen li bidlet l-ispazju f’esperjenza multisensorjali.
Il-festival “WELKOM BRUSK” kien introduzzjoni festiva għall-binja l-ġdida ta’ Brusk, gallerija tal-arti innovattiva fil-qalba ta’ Bruges, li nfetħet b’weekend spettakolari ta’ arti viżiva, mużika, u performance. Iċ-ċelebrazzjonijiet inkludew La Grande Araignée, brimba ġganta tal-kumpanija Compagnie La Machine fuq it-torri tal-Belfry u madwar il-belt, kif ukoll spettakli fuq highline (ħabel ta’ kważi 400 metru fit-tul imdendel f’għoli ta’ 70 metru bejn il-Belfry u l-Knisja ta’ Our Lady), akrobaziji fl-arja u installazzjoni artistika minn Numen/For Use ġewwa Brusk. Brusk se jiftaħ uffiċjalment għall-pubbliku fit-8 ta’ Mejju 2026. Il-ftuħ tiegħu qed jitqies fil-Belġju — u lil hinn — bħala att kuraġġuż ta’ investiment kulturali u bħala parti minn pjan ambizzjuż ta’ mużew fil-qalba tal-belt storika ta’ Bruges, li tinsab fil-Lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO.
“Li ninterpreta fi Brusk kienet esperjenza tassew speċjali għalija. Fi Brusk rajna kif l-arti u l-mużika jistgħu jingħaqdu flimkien biex jispiraw, jgħaqqdu u jqajmu l-komunità. Li stajt nilħaq daqstant nies kien umli u ispiranti. Kont ukoll tassew affettwata mill-kummenti mill-qalb li rċevejt mill-pubbliku,” qalet Christine Dalli.
Is-sopran Christine tibqa’ impenjata fil-vjaġġ artistiku tagħha, u b’pass kostanti qed tibni isem barra minn xtutna, filwaqt li tirrappreżenta lil pajjiżha fuq xeni prestiġjużi internazzjonali.