
Ċikli ta’ abbuż
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Miriam Galea tagħraf il-qlubija meħtieġa biex Donna Darmanin tikteb dwar ħajja domestika mkissra u ċikli ta’ abbuż fil-ktieb 68 Seconds, però temmen li l-kittieba fadlilha x’timmatura.

It-taqsira fuq il-qoxra tal-ktieb 68 Seconds (Kotba Calleja) tavżana li dan mhux ktieb li faċli taqrah. Dan għax jittratta suġġett iebes u personali ta’ ħajja domestika mkissra, qerda familjali u abbuż. Minn dan il-lat, f’din il-ġabra magħmula minn entrati fid-djarju u poeżiji, Donna Darmanin kienet qalbiena biżżejjed biex tikteb dwar l-istorja kiefra tat-trobbija diffiċli tagħha b’mod frank u intimu. Hija tindirizza suġġett delikat li spiss għadu tabù fis-soċjetà u titfa’ dawl fuq in-natura tal-abbuż u kif dan jifforma ċiklu li jitnissel fit-tfulija ta’ abbandun u vjolenza domestika, u jiġġedded fi drawwiet u vizzji simili li tfittex il-vittma fil-ħajja adulta tagħha jekk ma tasalx biex tfiq mill-ħsara li tkun ġarrbet.
“It’s about healing my inner child”, tikteb, “This book is about my struggle to give and accept love. [...] an attempt at reclaiming my narrative and my life.” Darmanin tirrakkonta kif wara li nfirdu ommha u missierha li kellhom relazzjoni li falliet u esponiet lit-tfal għall-ġlied, nuqqas ta’ mħabba u instabbiltà, hi nfirdet minn oħtha u spiċċat f’foster home. Taqsam magħna l-uġigħ u s-sens ta’ ħtija li ħasset meta nfirdet minn oħtha, meta missierha għeb u għażel li jmur ma’ familja oħra, kif ukoll esperjenzi koroh bħal stupru u anoressija, u relazzjonijiet tossiċi li spiċċat fihom frott ta’ dil-weġgħa inizjali fi tfulitha li ħallietha b’nuqqas ta’ kunfidenza u sigurtà. L-awtriċi tikteb minn perspettiva vulnerabbli u mitlufa ta’ “An unseen seventeen-year-old adrift in the crowd”, impressjonabbli bħala “a seeker of artistic light”.
Minkejja l-esperjenza speċifika u delikata tal-kittieba, il-qsim ta’ sitwazzjonijiet bħal dawn hu rilevanti għal kull minn spiċċa f’sitwazzjonijiet ta’ ħsara lilu nnifsu minħabba insigurtà frott ċaħda ta’ mħabba li tħallih b’“distrust in the world” u għatx għall-affezzjoni, anki minn postijiet problematiċi — “seeking affection in all the wrong places, drowning in a sea of faces”. Bosta jistgħu jidentifikaw maċ-ċiklu awtodistruttiv li ssemmi l-awtriċi, jiħux forma ta’ eċċess ta’ alkoħol, sess, jew relazzjonijiet tossiċi. Il-kittieba tiddeskrivi relazzjoni tipika ta’ abbuż u umiljazzjoni ma’ sieħba narċisista: “I noticed I have a type: narcissistic, possessive individuals who thrive on humiliating and demean me. The worst part is I am drawn to that humiliation, to feeling belittled; it feels familiar, it’s all I ever knew growing up. It’s a self-fulfilling prophecy that I’m unloved, unwanted, unworthy.” Tiddeskrivi wkoll karattru diżilluż li biex jaħrab mid-dipressjoni — “Her hair is a mess and her clothes reek of sweat. I can feel her pain in every breath she takes. [...] She won’t eat, she won’t bathe” u mill-ħolm mitluf — “she chases distant dreams [...] She gave up her scholarship, her dreams put on hold” jindifen f’sensiela ta’ laqgħat sesswali każwali — “In her realm of chaos [...] A whirlwind of one-night-stands.”
Il-fejqan għal vittmi ta’ trawma u abbuż isir billi jfejqu t-tifel/tifla midrub/a li kienu, fejqan li jirnexxilha tibda tikseb il-kittieba kif tixtri l-post tagħha li fih issib is-sigurtà u l-kontroll, espress f’poeżija lejn it-tmiem. Wara li tagħmel id-deċiżjoni b’saħħitha li fl-aħħar tpoġġi lilha nnifisha l-ewwel meta tagħżel li twaqqaf ħbiberija li ma taħdimx — issuq lejn il-baħar li jilqagħha fih bħallikieku f’ġuf: “I broke up with you on a Friday afternoon/Undressing, surrendering to sea’s sacred womb/[...] In its depths, I’m both mortal and immortal.” Hekk kif tkun qed tgħum f’dan l-abbiss, id-daħka ta’ tifla teħodha lura għall-innoċenza tat-tfulija, meta weġgħet jistgħu jħallu tant trawma: “A vision of my inner child in that fleeting scene/ [...] The echo of innocence, a reminder so sweet/In the dance of her curls.” Il-fejqan jinsab ukoll meta l-abbużat jirnexxilu fl-aħħar jinħall mir-relazzjoni tossika u vizzjuża ma’ min iwettaq l-abbuż. Darmanin tirrifletti kif bħala tifla mhux mixtieqa mill-ġenituri tagħha ħassitha “a symbol of disappointment/[...] a harsh reminder of/Opportunities lost”. Imma issa tirrifletti li “I spent a lifetime protecting/Loving you/But I’m tired of hurting. I need to heal too.”
Il-mertu tal-ktieb jinsab fl-onestà kruda li biha jinqasmu esperjenzi brutali u ibsin, iżda mhux fl-aspett letterarju. Kont diżappuntata b’dan il-ktieb, finalist fil-konkors għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fis-sezzjoni tal-poeżija. Il-poeżiji huma litterali, miżgħuda klixejiet u b’ritmu li spiss jintilef. Ir-rima hi prevedibbli sal-punt li tinħass infantili, u l-Ingliż mhux wisq figurattiv. Għal din ir-raġuni, ippreferejt l-entrati fid-djarju f’forma ta’ proża, u kien ikun aħjar kieku l-ġabra nżammet bħala waħda ta’ entrati personali fi djarju li, minkejja li xorta kultant jinħassu pjuttost adolexxenti, tal-inqas għandhom valur fil-ġenwinità u l-onestà taghhom, u r-rilevanza għal minn għadda minn emozzjonijiet simili. Il-kittieba, madankollu, għadha żgħira, u nemmen li hemm lok fejn timmatura.