Għaxar snin wara: il-legat ta’ Boissevain iċċelebrat f’wirja ġdida fil-Palazz tal-Inkwiżitur

Imnedija fl-għaxar anniversarju mill-mewt tiegħu fis-26 ta’ Ġunju 2015, il-wirja l-ġdida msemmija ‘Legat ta’ Antropologu: l-Arkivju ta’ Jeremy Fergus Boissevain’ tiċċelebra r-rabtiet profondi u dejjiema tal-Professur Boissevain ma’ Malta

Kollezzjoni arkivjali mdaqqsa tal-mibki Professur Jeremy Boissevain (1928–2015), antropologu pijunier li għen fit-tiswir tal-istudju tas-soċjetà Maltija u l-kultura Mediterranja, ing ħatat lill-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija fil-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu. Wirja temporanja ġdida timmarka din l-għotja.  

Imnedija fl-għaxar anniversarju mill-mewt tiegħu fis-26 ta’ Ġunju 2015, il-wirja l-ġdida msemmija ‘Legat ta’ Antropologu: l-Arkivju ta’ Jeremy Fergus Boissevain’ tiċċelebra r-rabtiet profondi u dejjiema tal-Professur Boissevain ma’ Malta. Boissevain wasal Malta għall-ewwel darba fis-snin ħamsin, irritorna fil-bidu tas-snin sittin waqt li kien qiegħed ilesti d-dottorat tiegħu fil-London School of Economics u kompla jżur il-pajjiż ta’ spiss fis-snin ta’ wara.  

Affaxxinat bil-ħajja komunitarja u t-tradizzjonijiet tal-festi vibranti tal-Maltin, huwa kiteb il-ktieb influwenti ‘Saints and Fireworks: Religion and Politics in Rural Malta’ (1965), li jaqbad fih stil ta’ ħajja li kien qed jimmodernizza ruħu b’rata mgħaġġla.  

Xogħlu kompla għal għexieren ta’ snin, b’titli bħal ‘Friends of Friends’ (1974) jiksbu rikonoxximent internazzjonali. Deskritt minnu nnifsu bħala ‘barrani li jħares ’il ġewwa’, Boissevain daħal bis-sħiħ fil-ħajja tar-raħal, speċjalment f’Ħal Kirkop u n-Naxxar, fejn hu u l-familja tiegħu għexu għal żminijiet twal. Kien figura akkademika familjari, ta’ lekċers fl-Università ta’ Malta u sar kritiku magħruf tal-iżvilupp żejjed u t-turiżmu tal-massa.  

Trasferit mill-Olanda fl-2024, l-arkivju tar-riċerka marbuta ma’ Malta tal-Professur Boissevain ġie fdat mill-familja tiegħu lil Heritage Malta għall-aċċess pubbliku u r-riċerka. Din id-donazzjoni ssaħħaħ l-irwol tal-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija bħala gwardjan tal-memorja kulturali ħajja ta’ Malta. Imtellgħa fl-ambjent evokattiv tal-Palazz tal-Inkwiżitur, il-wirja toffri ħarsa lejn l-interessi ta’ Boissevain u r-riċerka u l-istħarriġ li kien jagħmel fuq il-post fl-ibliet u l-irħula Maltin mis-snin sittin ’il quddiem, u tinkludi intervisti oriġinali, noti miktuba bl-idejn, gazzetti li kien iżomm, l-ewwel verżjonijiet tad-diversi kitbiet tiegħu, u ritratti.  

Il-wirja tipprovdi lill-viżitaturi lenti interessanti fuq l-identità ta’ Malta li qed tevolvi, mill-għajnejn ta’ osservatur dedikat u ħabib tal-gżejjer. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, ikkummenta: “Aħna grati ħafna lejn il-familja Boissevain. Turija ta’ fiduċja bħal din tagħtina enerġija biex inkomplu nwettqu l-missjoni tagħna.  

Dan il-ġest mhux biss jonora d-dedikazzjoni tal-Professur Boissevain lejn Malta iżda jibbaża l-istudju tiegħu fl-istess kultura li tant kien iħobb jirriċerka.” Kenneth Cassar, il-Kuratur Anzjan tal-Etnografija ta’ Heritage Malta, stqarr li: “L-imħabba u l-impenn li l-Professur Jeremy Boissevain wera lejn Malta u niesha se jibqgħu ħajjin fostna, mhux biss permezz tal-kotba magħrufa u l-istudji li ppubblika imma anke permezz ta’ din id-donazzjoni importanti tal-arkivju ta’ riċerka tiegħu marbuta ma’ Malta, li l-familja Boissevain għoġobha tafda bih lil Heritage Malta għall-benefiċċju ta’ kulħadd.” 

Lietje Bonello Boissevain, bint il-professur, qalet: “B’din id-donazzjoni lil Heritage Malta, aħna fiduċjużi li l-għarfien imprezzabbli u uniku li missieri ġabar dwar il-Gżejjer Maltin matul is-snin se jkompli jitgawda. Nittamaw li dan l-arkivju jqanqal fir-riċerkaturi u fil-pubbliku l-istess imħabba li kellu missieri biex jifhem in-nies u l-ambjenti tagħhom, liema mħabba tibqa’ tkebbes il-legat tiegħu.” 

Il-wirja se tibqa’ għaddejja sa Settembru u tiftaħ mit-Tlieta sal-Ħadd, mid-09:00 sal-17:00 (l-aħħar dħul fl-16:30). Id-dħul huwa inkluż fl-esperjenza tal-Palazz tal-inkwiżitur. Persuni bi sfidi ta’ mobbiltà jistgħu jsibu diffikultà biex ikollhom aċċess għas-sala minħabba t-taraġ. Għal aktar tagħrif żur www.heritagemalta.mt/whatson u segwi lil Heritage Malta fuq il-midja soċjali. 

More in Arti