Il-kundizzjoni apatetika
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Daniel Cossai jaqra l-ġabra ta’ novelli ‘Fil-Gżira Apatija’ u jirrifletti dwar sehem l-apatija fil-ħajja tal-lum. Imma bejn ħsieb frammentat u nofs preżent, id-duwa jaf tinsab xi mkien.
Apatija. Kelma li ma nużawhiex wisq, imma li aktarx kollha nafu l-qagħda li tfisser. Mill-Grieg, pathos, jiġifieri emozzjoni, u bil-prefiss ‘a-’ miżjud fil-bidu, li jfisser ‘mingħajr’. Mingħajr emozzjoni, jew mingħajr interess, jew forsi l-iżjed preċiża: indifferenza. L-affarijiet iseħħu, u, jew ma nagħtux kashom, jew nitbaqbqu għal ftit, imbagħad ninsewhom, qisu qatt ma kien xejn, hekk kif niġu ddesensitizzati bid-daqq tan-notifika li jmiss fuq il-mobile jew bl-aħbar jew il-ġrajja ta’ wara. Lanqas nindunaw biha. Rari tkun konxja. L-apatija tiġi meta nċedu, bla ma nafu, il-kapaċità tagħna li nżommu l-attenzjoni. Hija l-kundizzjoni soċjali ta’ żminijietna.
U fil-ktieb riċenti ta’ Patrick Sammut, Fil-Gżira Apatija u Rakkonti Skomdi Oħra, ippubblikat minn Horizons (2025), Apatija, b’ittra kbira, issir l-isem ta’ post, ta’ gżira li mhix sfaċċatament Malta, imma fl-istess ħin x’aktarx hi. Imma mhux biss, għax fid-dinja moderna, is-soċjetajiet u l-mentalitajiet tagħna f’kull rokna tad-dinja m’għadhomx daqstant differenti daqskemm xi darba kienu, u l-imxija tal-apatija ilha li nxterdet mal-erbat irjieħ u ħolqot pandemija inviżibbli. Il-Gżira Apatija sservi bħala mezz komdu biex titbexxaq tieqa fuq realtajiet, biex nuża l-kelma tal-awtur, ‘skomdi’. Hija soċjetà impersonali, bħan-narraturi differenti ta’ dawn ir-rakkonti li jibqgħu bla isem, imma fiha naqraw mera tagħna nfusna.
Fil-verità, il-Gżira Apatija tidher biss fi storja waħda. Ir-rakkonti fil-ktieb, f’termini tal-plott, mhumiex marbuta ma’ xulxin u huma għalkollox distinti. Uħud minnhom ambjentati f’Malta, oħrajn fl-Eġittu, oħrajn ma jimpurtax wisq. Imma fil-qofol, ifittxu li jagħmlu l-istess ħaġa: huma rakkonti soċjokritiċi li jġegħluna nieqfu u nirriflettu fuq aspetti ta’ ħajjitna li, għax aħna apatetiċi, mhux soltu ndumu naħsbu wisq fuqhom. Sammut jistidinna nosservaw l-assurditajiet u, kultant, id-dnubiet ta’ madwarna u jinħass affaxxinat bis-sbuħija tal-ordinarju. U dak li jikkritika, ħafna drabi, minnu nnifsu jeżisti minħabba l-apatija …
Għalhekk, it-titlu forsi ma kellux juża daqstant dik il-prepożizzjoni “u”. Il-Gżira Apatija mhix separata mir-rakkonti l-oħra. Hija ċ-ċavetta. Fl-aħħar mill-aħħar, kollox idur ma’ dan il-kunċett, għax hu l-qagħda dominanti soċjali u politika ta’ żminijietna. Il-post ta’ kull rakkont, mela, mhux wisq importanti. Jekk qatt ma morna l-Eġittu, xorta nidentifikaw mal-istess esperjenzi u osservazzjonijiet jekk inqabblu ma’ postijiet oħra li żorna. Ir-referenzi diretti li hemm għal postijiet f’Malta jservu, l-iżjed l-iżjed, biex jixxokkjawna f’li nintebħu li din is-soċjokritika tgħodd għalina wkoll.
Għalkemm kollox ma’ kollox, il-ġabra laqtitni, inħoss li mhix bla difetti. L-ewwel żewġ stejjer, pereżempju, ma tantx ħassejt li jżommuk. Huma bidu dgħajjef għal ktieb li, iżjed ma jmur, iżjed jissoda. Ħassejthom naqra superfiċjali żżejjed, tant li kważi bdejt nistaqsi x’inhu l-iskop li qed naqra bħal rendikont ta’ x’rat, sal-inqas dettall, persuna waqt vjaġġ. Dawn l-ewwel żewġ rakkonti fakkruni naqra f’The Art of Travel ta’ Alain de Botton, fis-sens li jittrattaw l-ivvjaġġar, mhux kif aħna mdorrijin niktbu dwaru, imma b’attenzjoni għall-iżjed affarijiet ordinarji, li ħadd ma jagħti kas. U l-istess Sammut jgħaddi, mis-superfiċjali għal osservazzjonijiet profondi. Kultant tfeġġ dik ix-xena qasira b’bixra kważi filososfika. Sammut jara opportunità fl-ordinarju. Isemmi, imqar għal ftit sentenzi, karattri u stejjer li ftit naħsbu fuqhom, u bid-dawl li jixħet fuqhom, jistieden lill-qarrejja jaraw il-ġrajjiet ta’ kuljum minn lenti differenti, li ninnotaw il-forzi emozzjonali u filosofiċi fl-oġġetti ta’ kuljum. Fi kliem ieħor, jistedinna ma nibqgħux diżinteressati u minflok nimpenjaw ruħna emozzjonalment fl-affarijiet ta’ kuljum. Imma forsi, ħassejt, ma jagħmilx hekk spiss biżżejjed, speċjalment fil-bidu.
Għal min ikompli jaqra, it-tweġiba għall-mistoqsija “imma x’inhu l-iskop?” naħseb titwieġeb, speċjalment meta wieħed jieħu pass lura u jqis il-ktieb bħala ġabra waħda interkonnessa, minflok kull rakkont għalih, anki jekk huma dinjiet żgħar separati f’termini ta’ dak li jseħħ fihom. Imma Sammut, forsi b’ħajta ironika, donnu nesa kemm hi diffiċli li żżomm l-attenzjoni tal-qarrejja f’din id-dinja, ħeqq, apatetika. Le, naħseb il-bidu seta’ kien ħafna iżjed qawwi, u l-bqija tal-ktieb jurina li Sammut kapaċi jagħtina iżjed.
Wara dawn ir-rakkonti tal-bidu fuq l-ivvjaġġar, il-ktieb jgħaddi għal suġġetti varji. Mil-lenti tal-apatija naraw kunċetti bħall-migrazzjoni, il-kriminalità vjolenti, l-ambjent u l-iżvilupp urban. Niltaqgħu ma’ bosta karattri kważi pparalizzati, inkapaċi jieħdu deċiżjoni bl-apatija li taħkimhom anki hekk kif jipprovaw jikkonvinċu ruħhom mod ieħor. F’diversi stejjer naraw narraturi li jagħmlu ftit li xejn ħlief jaħsbu, u r-rakkonti tagħhom jintemmu b’xi ħsieb mingħajr ebda azzjoni.
Ir-rakkonti jibqgħu dejjem universali, imma n-narraturi jibdew isiru iżjed personali. Mit-ton newtrali u purament osservazzjonali tal-bidu, ngħaddu għal ħsibijiet iżjed intimi.
Dan mhux ktieb organizzat pulit b’tema u direzzjoni fissi. Hu xi naqra kaotiku, imma qalb dak il-kaos hemm ritmu komuni. Il-forma tirrifletti s-sustanza: l-apatija u l-ħajja mgħaġġla jwassluna għal eżistenza frammentata, fejn il-ħsibijiet jibqgħu nofshom żviluppati, insemmu l-affarijiet u ninsewhom, fejn dejjem qisna biss nofsna mqajmin, nofsna preżenti, u dan huwa l-istil narrattiv li jsawwar ir-rakkonti miġbura hawn fil-biċċa l-kbira tagħhom. Naqbżu malajr minn ħsieb għal ieħor, minn tema għal oħra, minn rakkont għal ieħor. Imma f’dak il-kaos, nistgħu nsibu d-duwa għall-apatija, jekk biss nitgħallmu naraw.
