Merilli Malta: Stedina għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku fir-riċerka tal-Merill

Ritratt ta' Merilli Malta
Ritratt ta' Merilli Malta

Il-proġett ta’ riċerka Merilli Malta qed jistieden lill-fotografi tan-natura u naturalisti sabiex jipparteċipaw f’inizjattiva ta’ xjenza mill-pubbliku biex jiġi studjat l-għasfur nazzjonali ta’ Malta – il-Merill. 

Merilli Malta huwa proġett ta’ bird ringing immexxi mill-ornitoloġisti professjonali Dr Benjamin Metzger u Dr Marie Claire Gatt li qed jistudjaw l-ekoloġija tal-Merill filwaqt li jżidu l-apprezzament tal-pubbliku lejn din l-ispeċi u l-abitati tagħha. Il-Merill (Monticola solitarius) huwa għasfur emblematiku b’għanja melodjuża li jgħammar kemm fl-irdum u l-widien, kif ukoll fl-irħula u l-ibliet madwar il-Gżejjer Maltin. Minkejja li l-ispeċi hija mifruxa madwar l-Ewropa u l-Asja hemm nuqqas ta’ għarfien dwar l-ekoloġija tagħha. Dan il-proġett xjentifiku fuq medda twila ta’ żmien għandu l-għan li jiskopri kif u meta il-Merilli jimirħu madwar il-Gżejjer Maltin, id-daqs tat-territorji li jiddefendu tul is-sena, kif ukoll implikazzjonijiet tal-preżenza urbana dejjem tikber tal-ispeċi. 

Mill-2022, ’il fuq minn 200 Merill ġew imlibbsa ċurkett tal-kulur b’kodiċi uniku. Dawn iċ-ċrieket jistgħu jinqraw mill-bogħod bl-użu ta’ kamera b’lenti telephoto jew b’teleskopju. Dan jippermetti l-ġbir ta’ volum kbir ta’ informazzjoni dwar għasafar li jistgħu jintgħarfu individwalment mingħajr ma’ jinqabdu sabiex jitwieġbu mistoqsijiet bijoloġiċi importanti. S’issa, il-proġett skopra kif pari ta’ Merilli jibqgħu flimkien u jiddefendu territorji distinti għal diversi snin, kif ukoll in-numru kbir ta’ pari bil-bejta li kapaċi jinsabu f’żoni relattivament żgħar minkejja t-territorjalità qawwija li jesibixxu. 

Il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-ġbir tad-data tirriżulta f’ammont ikbar ta’ informazzjoni li tista’ tinġabar għal fini ta’ riċerka. Il-Merill huwa speċi kariżmatika b’firxa wiesgħa madwar il-Gżejjer Maltin, u dan jagħmlu ideali għal proġett ta’ xjenza mill-pubbliku bl-użu tal-colour-ringing. Il-proġett Merilli Malta qed jistieden lill-birdwatchers, lill-fotografi, u lil dawk li jħobbu d-dinja naturali sabiex jipparteċipaw billi jiġbdu ritratti ta’ Merilli lebsin ċrieket tal-kulur, flimkien mal-post u l-ħin tal-osservazzjoni, fuq pjattaforma online: https://www.merillimalta.org/report-a-sighting 

Mas-sottomissjoni tar-ritratti, il-parteċipanti jintbagħtu l-istorja tal-Merill li jkunu raw. Fl-Ewropa, il-colour-ringing huwa kkordinat mill-EURING. Ir-ringing fi ħdan il-proġett isir esklussivament minn professjonisti liċenzjati u l-materjali li jintużaw huma kollha magħmulin għall-użu ta’ riċerka ta’ għasafar slavaġ. 

Merilli Malta huwa kofinanzjat mill-Malta Environment Foundation u jikkollabora mal-għaqdiet ambjentali Friends of the Earth u BirdLife Malta, kif ukoll mal-Malta Rock Climbing Club u ClimbMT. Iktar informazzjoni jinsab fuq is-sit elettroniku www.merillimalta.org u fuq il-paġni tal-media soċjali fuq Facebook u Instagram. 

More in Arti