Kotba | Dan l-ilsien għażiż tagħna
Daniel Cossai jissaħħar b’mela… (Merlin Publishers, 2024) ta’ Antoinette Borg (illustrat minn Mark Scicluna), li jirrakkonta 'l-istorja stramba, straordinarja (u sigrieta) tal-ilsien Malti kif ma jgħiduhilekx fil-klassi'
Min jafni jew imqar isegwini fuq il-midja soċjali, jaf li ftit għandi affarijiet iżjed għal qalbi mill-ilsien Malti. Mhux biss għax, bħala traduttur, jipprovdili l-ħobża ta’ kuljum; din l-imħabba ilha ħafna iżjed, mill-inqas minn żmien il-lezzjonijiet tas-Sur Formosa fis-sekondarja, li għallimni l-mekkaniżmi li jagħmlu l-Malti uniku — almenu meta mqabbel mal-lingwi l-oħra li naf jien — u għallimni nitkellem dwaru fuq livell tekniku. Fil-verità, dan kompla biss jaffaxxinani iktar għax fhimt x’jagħmel il-Malti speċjali lingwistikament, imma l-kunċett tal-lingwa Maltija, il-fatt li teżisti, kien ilu jsaħħarni minn ferm qabel. Din il-ħaġa li, mingħajr l-ebda sens ta’ esaġerazzjoni, tagħmilna differenti, tagħmilna aħna. Minn meta kont żgħir kont inħobb nesperimenta bil-lingwa u nivvinta kliem li jagħmilni uniku, kif jagħmlu ħafna tfal, u l-Maltin għamlu l-istess fil-livell ta’ ġens.
Ma jogħġobnix wisq l-argument li spiss isir — inkluż fil-ktieb li se nitkellmu dwaru — li l-Malti għandna ngħożżuh għax aħna poplu żgħir imma xorta għandna l-lingwa tagħna. Wara kollox, hawn eluf ta’ lingwi iżgħar fid-dinja, anki jekk mhumiex lingwi ta’ stat sovran. Lanqas ma jogħġobni wisq l-argument li hu importanti għax hu l-unika lingwa Semitika miktuba bl-alfabett Latin. Ċertament li din il-ħaġa tagħtih ċerta importanza fil-wirt kulturali-lingwistiku dinji u għalhekk interess li jiġi ppreservat anki fost dawk li ma jitkellmuhx, imma għall-kelliema tal-Malti, dawn kollha kurżitajiet interessanti imma fl-aħħar mill-aħħar mhux importanti wisq. Il-Malti għandna ngħożżuh għax jagħmilna differenti. Jagħtina identità distinta minn dik ta’ kull poplu ieħor, inkluż il-ħafna li ħakmuna tul l-istorja. Lingwa bil-ħsejjes uniċi tagħha, li tippermetti l-ħolqien ta’ arti u logħob bil-kliem li forsi ma kinux ikunu possibbli bi kwalunkwe lingwa oħra.
Mela… x’seta’ jonqos meta, lejla waħda f’Jannar li għadda fil-Knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt, sirt naf waqt attività mtellgħa minn Merlin Publishers li dalwaqt kienu se joħorġu ktieb tassew uniku dwar l-istorja tal-Malti, ħlief li nagħmel mezz li nakkwistah mill-aktar fis malli joħroġ? Il-ktieb jismu propju mela… u jġorr forsi l-iżjed sottotitlu sabiħ li qatt ġie ppubblikat bil-Malti: l-istorja stramba, straordinarja (u sigrieta) tal-ilsien Malti kif ma jgħiduhilekx fil-klassi. Dan is-sottotitlu mill-ewwel jagħtina ħjiel ta’ x’għandna nistennew: dan ktieb dwar il-lingwa, iva, dan ktieb tal-istorja, iva, imma kif tisħaq Borg mill-bidu nett, “IMPORTANTI: Dan mhuwiex ktieb tal-iskola!”
Meta kont żgħir kont inħobb naqra kotba u rivisti kważi enċiklopediċi bħall-Horrible Histories, il-Horrible Science, u bosta oħrajn inqas magħrufin. mela… ġab dan l-istil divertenti lejn Malta. Huwa ktieb edukattiv għall-aħħar immirat lejn udjenza ġenerali — li, importanti ngħid, ma tikkonsistix biss minn tfal — iżda l-ammont ta’ riċerka bir-reqqa u informazzjoni li Borg tagħsrilna fi ftit inqas minn 300 paġna huwa fenomenali. Kien hemm ħafna li, anki bħala persuna b’interess fil-Malti, tgħallimt. L-istil aċċessibbli bl-ebda mod ma jfisser nuqqas ta’ serjetà fil-kompożizzjoni.
Iż-żewġ elementi li semmejt iktar kmieni, jiġifieri fuq naħa, l-element lingwistiku tekniku, u fuq l-oħra, il-fatt li l-Malti jagħtina identità u kreattività unika, it-tnejn huma esplorati fil-ktieb. Borg tieħu perspettiva storika kronoloġika, maqsuma fi tnax-il stadju prinċipali li ssejħilhom ġebel tal-mil. Tibda mill-ewwel referenzi miktubin li għandna għall-Malti u tibqa’ sejra sal-istat tal-Malti f’“salib it-toroq” illum il-ġurnata. Fuq l-ewwel element, tagħtina ħafna sfond storiku dwar l-istudji u d-diskussjonijiet ta’ minn fejn ġie l-Malti, meta nkitbu l-ewwel kotba tal-grammatika u dizzjunarji, l-alfabett u għalfejn il-Malti niktbuh kif niktbuh, min skopra l-għerq u ħafna oħrajn. Dan kollu dejjem fil-kuntest storiku, pass pass, u qatt ma jinħass qisu qed jipprietka jew jiddetta n-noti. It-ton tal-ktieb huwa konverżazzjonali u ċajtier mill-bidu sal-aħħar. Jien u naqra sibt ruħi l-ħin kollu nogħxa, jekk mhux nidħaq ngħajjat.
L-aspett tal-identità wkoll huwa esplorat mil-lat storiku. Il-ktieb jittratta episodji bħall-kitba tal-innu nazzjonali u xogħlijiet letterarji primarji oħra, il-kwistjoni tal-lingwa, kif il-Malti sar lingwa uffiċjali, nazzjonali, u eventwalment, waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Tpaxxejt naqra rakkont ta’ xi kliem li allegatament qalu xi Maltin meta kienet se tinbena l-Belt Valletta kważi 500 sena ilu, kliem li jinftiehem faċilment u jinħass li għadu relevanti. Stħajjiltni se naqbad magna taż-żmien, immur lura 500 sena u, iva, forsi veru nsib ruħi f’dinja barranija, imma b’xi mod kont inkun nista’ nifhem u nikkomunika ma’ dawn in-nies li, mill-bqija, m’għandi xejn inkomuni magħhom ħlief li jitkellmu bħali b’dan l-ilsien għażiż tagħna.
U l-kreattività? F’għajnejja din l-ikbar suċċess tal-ktieb. Hi u tirrakkonta l-ħafna ġrajjiet, Borg tieħu ħafna spunti li jiftħu tieqa beraħ fuq il-kreattività unika tal-Malti. Għandna “puntinteress” b’tagħrif interessanti fuq xi kelma jew aspett ieħor. Ċajt ibbażat fuq l-ismijiet tal-irħula, il-kunjomijiet Maltin, u logħob bil-kliem. Għadd ta’ kwiżżijiet u tħabbil il-moħħ. Lista ta’ “qwiel antiki faqgħa sew”. U iżjed. Il-preżentazzjoni viżwali tal-ktieb, li taħdem id f’id mat-ton tal-awtriċi, tgħinna nidentifikaw dawn il-partijiet faċilment, nerġgħu nirreferu għalihom, u tgħinna ma nitilfux il-fil tan-narrattiva storika prinċipali.
Dan kien ktieb esperiment u rnexxa bil-kbir. M’hemmx biżżejjed kpiepel fid-dinja x’ninża’ lill-awtriċi għal dil-biċċa xogħol. Kellu bżonn ikun biss l-ewwel eżempju ta’ ġeneru ġdid fix-xena tal-pubblikazzjoni Maltija.