Kotba| Nina, in-Nokkli u l-Avventura

Elena Cardona ssegwi l-protagonista Nina n-Nokkla fiż-żewġ kotba ġodda tal-awtriċi Nadine Abdilla, pubblikazzjoni Klabb Kotba Maltin. 

Niftakar li fis-snin li qattajt fil-primarja u fis-sekondarja, kont ngħodd fuq id waħda l-istudenti li kellhom xagħarhom nokkli. Jien kont waħda minnhom. F’dak iż-żmien, kulħadd kien moħħu biex iġib ix-xagħar lixx spagetta. Nammetti li għal xi snin kont inġarrejt minn din il-mewġa u spiċċajt nagħmel xagħri lixx. Darba minnhom għal xi raġuni jew oħra, l-istilista tax-xagħar ma setgħetx issibli appuntament u għalhekk kelli nerġa’ nikkuntenta ruħi bin-nokkli. Ma kienet xejn xi ħaġa faċli u min għandu xagħru nokkli jifhimni mill-ewwel. Wara daqshekk ġbid, l-elastiċità tan-nokkla tisparixxi, u tispiċċa b’xuxa xagħar imġiegħed jew bla forma – la lixx u lanqas nokkli. Domt ħafna b’paċenzja kbira nieħu ħsieb li nrawwem dawk in-nokkli sbieħ li xi darba kelli. Fl-aħħar irnexxieli u ilni iktar minn tnax-il sena ma nagħmel ix-xagħar lixx.  

Malli qrajt iż-żewġ kotba Nina n-Nokkla: Festa ta’ Kuluri u Nina n-Nokkla u l-Kamaleonte tal-Ġnien, tirt bil-ferħ li n-nokkli qegħdin jingħataw prominenza. Dawn il-kotba, ippubblikati minn Klabb Kotba Maltin fl-2023 u miktuba minn Nadia Abdilla b’illustrazzjonijiet ta’ Elisa Chetcuti, għandhom bħala protagonista lil Nina, tifla b’qoffa xagħar innukklat. Fil-verità li protagonista jkollha xagħarha nokkli hi xi ħaġa rari. Iżda issa qiegħda tinbidel. Ngħidu aħna fil-ktieb Madame Ortensja Paskwalina de Rohan ta’ Clare Azzopardi (Merlin Publishers, 2023), il-protagonista wkoll għandha xagħarha nokkli. Din l-idea dieħla wkoll fil-films tat-tfal. Peress li  Abdilla għandha xagħarha nokkli, kienet xi ħaġa awtomatika li toħloq karattru li għandu x-xagħar nokkli. Tistqarr li minħabba x-xagħar nokkli dejjem ħassitha differenti u mhux f’sens pożittiv. Iżżid tgħid li jrid ikun hemm xi ħadd li jurik apprezzament ġenwin lejn in-nokkli u din hija xi ħaġa li min għandu n-nokkli biss jifhimha.  

Il-karattru ta’ Nina jisfida lill-isterjotipi li soltu naraw fil-kotba – mhux biss tat-tfal. Hija kurjuża, avventuruża u deċiża. L-awtriċi ssostni li n-nokkli huma wkoll parti essenzjali mill-personalità ta’ Nina u bħalha dawn m’għandhomx kwiet. Dan jidher b’mod impekkabbli fl-illustrazzjonijiet ta’ Elisa Chetcuti: Nina, b’xagħarha folt u kważi twil sa qaddha, jaqbeż u jogħla mal-passi ħfief tagħha. Abdilla żżid ukoll li n-nokkli joffru sens ta’ libertà lil Nina, li jġagħluha toħroġ ’il barra mill-konfini tagħha biex tfittex dak il-mument speċjali li fih tista’ toħlom u tkun kreattiva. Nina taf tbiddel dak li hu ordinarju u sempliċi f’xi ħaġa straordinarja u meraviljuża. Meta ġiet biex toħloq il-karattru ta’ Nina, Abdilla ġiet imnebbħa mit-tfulija tagħha u għalhekk xi elementi bijografiċi ma jonqsux. L-awtriċi xtaqet li permezz tal-karattru ta’ Nina toffri spazju lit-tfal fejn huma jkunu jistgħu jimirħu, joħolmu u jesperimentaw. Flimkien ma’ Nina, huma mistiedna joħolqu d-dinja tagħhom mimlija lwien u ħolm, xi ħaġa li tibda tisparixxi fil-ħajja adulta minħabba d-diversi r-responsabbiltajiet li ġġib magħha. 

Dawn iż-żewġ kotba huma ambjentati fis-sajf, fejn mid-dehra Nina, lesta mis-sena skolastika u b’ħafna ħin fuq idejha dejjem tara x’se tivvinta. Laqatni ferm il-fatt kif f’Nina n-Nokkla: Festa ta’ Kuluri, Nina turi d-determinazzjoni tagħha meta ommha u missierha jkunu jixtiequ jiżbgħulha l-kamra roża għax dan kien ‘il-kulur favorit tal-mamà’. Iżda Nina tipprotesta għax ir-roża ma kienx jogħġobha. La kienet il-kamra tagħha, xtaqet li tkun hi li tagħżel il-kulur. Il-ktieb joħroġ biċ-ċar li t-tfal ukoll għandhom jingħataw iċ-ċans li jieħdu deċiżjonijiet, speċjalment dawk li jikkonċernaw lilhom. Bħalma għidt f’reċensjonijiet oħra, xi minn daqqiet nissottovalutaw l-opinjonijiet tat-tfal jew għax mingħalina li m’għandhomx ħsieb daqshekk profond jew inkella għax inqisuhom bla opinjoni. Dejjem għandna nagħtu ċans lit-tfal isemmgħu leħinhom għax meta wieħed jiddiskuti mal-oħrajn jiġu ġenerati bosta ideat. Tgħid x’kulur se tiżbogħha l-kamra Nina? Se jirnexxilha tagħmilha waħedha mingħajr l-għajnuna tal-ġenituri tagħha? 

Fil-ktieb l-ieħor, Nina n-Nokkla u l-Kamaleonte tal-Ġnien, Nina ssir esploratriċi fil-ġnien ta’ darha stess, fejn tħobb tittanta x-xemx għaddejja. Imma dakinhar ma rat xejn ħlief ‘gremxula kbira’ li kienet qisha wkoll ‘dinosawru żgħir’. X’titgħallem ġdid fuq din il-ħlejqa ‘stramba’? Għal darba oħra, l-awtriċi tagħżel mumenti sempliċi u ħelwin mill-ħajja ta’ Nina biex tirrakkontahom lil tfal bħalha. Kemm-il darba l-qarrejja ċkejkna (u anke aħna l-kbar) raw kamaleonte? Ħafna drabi, it-tfal tant huma medhijin u aljenati b’affarijiet teknoloġiċi li m’għandhomx ħin japprezzaw in-natura ta’ madwarhom. Dan il-ktieb iservi bħala punt ta’ riflessjoni fuq kif it-tfal jistgħu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom u fuq kollox kif jammiraw l-affarijiet ta’ madwarhom. 

Il-ħarsetta fuq in-naħa ta’ wara tal-kotba mhijiex bħalma s-soltu mdorrijin bihom għaliex hija magħmula minn sett ta’ punti li jitfgħu dawl fuq l-elementi prinċipali tal-istorja. Barra minn hekk, il-mistoqsijiet fl-aħħar tal-istorja jġagħlu lill-qarrejja jaħsbu iktar fil-fond u mhux isibu r-risposti mit-test li jkunu għadhom kemm qraw. It-temi tad-diskussjoni huma varji f’dawn il-kotba, fejn it-tfal jistgħu jtejbu l-ħiliet tagħhom fid-diskors billi jiddeskrivu l-illustrazzjonijiet, li huma mimlija enerġija bħal Nina. Dawn il-kotba, li saru bil-kollaborazzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, huma mmirati għat-tfal ta’ bejn is-sitt u t-tmien snin. 

Dawn mhumiex kotba dwar in-nokkli, minkejja li huma karatteristika importanti f’Nina. Huma kotba xpakkati bl-enerġija, b’Malti mexxej u mirqum, li jgħinuk tinħall mill-konfini u tesplora d-dinja. 

More in Arti