‘A Dream is a Wish’ – TOI TOI lura bil-kunċert annwali tal-Għid
A ‘Dream is A Wish’ se jibda b’siltiet mill-klassiċi animati. Għandek kemm għandek żmien, din il-produzzjoni se tinżillek għasel
It-Teatru Manoel jippreżenta ‘A Dream is a Wish,’ il-Kunċert Annwali tal-Għid ta’ TOI TOI li jassigura lejl ta’ divertiment indimentikabbli għall-familja kollha permezz ta’ mużika live.
Fil-weekend tal-Għid, TOI TOI, li huwa l-programm ta’ Tagħlim u Parteċipazzjoni tat-Teatru Manoel, jistieden lil dawk kollha li jħobbu l-mużika u l-films ta’ kull età għal lejl ta’ mużika live mdaqqa mill-Palace String Orchestra, fit-Teatru b’siltiet mill-iktar films favoriti.
A ‘Dream is A Wish’ se jibda b’siltiet mill-klassiċi animati. Għandek kemm għandek żmien, din il-produzzjoni se tinżillek għasel b’mużika minn Alan Menken, Pasek & Paul, Phil Collins, Lin Manuel Miranda u ħafna iktar.
Dan il-kunċert annwali ta’ TOI TOI beda fl-2015 f’kollaborazzjoni bejn Teatru Manoel u l-leġġendi lokali Big Band Brothers, bil-għan li jtellgħu serata ta’ mużika ta’ kwalità għolja għal udjenzi minn erba’ snin ’il fuq. L-edizzjoni ta’ din is-sena, ‘A Dream is A Wish’, hija waħda mill-avvenimenti bħala parti mill-programm tal-MaltaBiennale.art 2024, f’kollaborazzjoni mal-Valletta Cultural Agency u bl-appoġġ tal-Bank of Valletta.
Il-programm tat-Tagħlim u Parteċipazzjoni tat-Teatru Manoel jilqa’ miegħu lill-Palace String Orchestra għad-debutt fit-teatru nazzjonali. A Dream is A Wish hija miżgħuda b’kanzunetti li faċli jkanta magħhom kulħadd, fejn l-udjenza se tivvjaġġa minn kastelli għal fjords, minn gżejjer għal ġungli, u qabża ta’ malajr f’fabbrika taċ-ċikkulata.
L-ispettakli se jittellgħu s-Sibt 30 u l-Ħadd 31 ta’ Marzu fis-6pm, bil-biljetti li jvarjaw minn €12 sa €20. Madankollu, bħala parti mill-iskema Theatre for Everyone, il-pubbliku jista’ jibbenefika minn 20% skont, permezz tal-offerta bikrija tat-Teatru Manoel sas-17 ta’ Marzu.