Kotba| Sjesta Letterarja Kapriċċuża

Elena Cardona tirpoża biex timraħ fid-dinja ta’ Sjesta (Merlin Publishers, 2023) ta’ Trevor Żahra. 

L-ewwel darba li smajt xi novelli mill-ktieb Sjesta (Merlin Publishers, 2023) ta’ Trevor Żahra, kien waqt Linja Ħamra – festival tal-letteratura Għawdxi (2023) li dar l-irħula Għawdxin permezz ta’ karozza tal-linja antika. Niftakar lil Żahra jaqra ‘L-Anġlu Numru 50’ u ‘Il-Bandiera tal-Imperu’. B’leħnu rpużat u jinbidel skont il-ħtieġa tat-test, Żahra paxxa lir-rikkieba-udjenza bis-somom varji li jammontaw għan-numru ħamsin u bin-nanna Kostanza li minkejja ma kinitx taf tlissen ħafna kliem bl-Ingliż, xorta tisseduċi lil-Logutenent Scott Wright bis-sbuħija tagħha, rispettivament. L-ewwel dewqa ta’ dawn in-novelli kien f’April, u f’Mejju stajt ingawdi n-novelli kollha meta ġie ppubblikat Sjesta b’qoxra ħoxna, lewn il-ħawħ bajdani u qoxra oħra tal-karti bħala protezzjoni. Fuq il-qoxra tal-karti hemm raġel minn tulu fuq imħaded kannella, b’għata ħadra, waqt li jitpaxxa bil-mużika ta’ tfajla żagħżugħa. Interessanti, li quddiem għajnejn ir-raġel hemm xi linji kollha kuluri, qishom qegħdin itellfuh mill-viżjoni ċara li għandu quddiemu, waqt li joffrulu perspettiva diversa ta’ kif jara u janalizza l-affarijiet. 

Kif tgħid tajjeb Leanne Ellul, fl-analiżi mirquma tagħha ta’ dawn in-novelli, il-kelma sjesta tissemma f’novella waħda minn sitta u tletin. F’‘Sieq tal-Injam’, il-qarrejja jiltaqgħu ma’ Ġillo li “ħa drawwa jitla’ fil-kmajra tat-tromba bejn is-siegħa u l-erbgħa ta’ waranofsinhar, waqt li ommu u nanntu jmorru jimteddu. Kien jgħid li fil-ħemda ta’ dak il-ħin, aktar iħossu jikkonċentra”. Għall-kuntrarju ta’ Ġillo, is-sjesta hu dak il-ħin ta’ wara l-ikel, fejn wieħed iħobb jirpoża ftit u jmidd riġlejh. Iżda dawn in-novelli fantastiċi b’xeħta realistika maġika jġagħlu lill-qarrejja jirpużaw u jsibu l-mistrieħ tant mixtieq? Jew isenslu sensiela ta’ mistoqsijiet li għalihom m’hemmx tweġibiet ħlief iktar thewdin? Naħseb li f’dan il-kuntest, il-kelma sjesta twessa’ t-tifsira tagħha lil hinn mir-raqda ħelwa ta’ waranofsinhar. Kif jgħid Żahra stess, sjesta hija dik il-pawsa meta wieħed ifittex il-mistrieħ tal-lejl binhar u fejn hu possibbli wkoll, li wieħed joħlom iżda fid-dawl tax-xemx mhux fid-dalma tal-lejl. Is-sjesta għalhekk hija ħin misterjuż, l-istess bħalma huma dawn in-novelli. Meta naqra dawn in-novelli, inħossni maqbuda fi spazju ristrett u soffokanti, bħalma jesperjenza Silas f’‘Ir-Raġel li Jibża’ minn Idejh’, u f’waqtiet f’fantasija pura u kreattività assoluta bħal fin-novella ‘It-Testment-Qarċilla tas-Sur Ġiġ Marmarà minn Qalb il-Fjammi’. 

Novella  li laqtitni ferm hija ‘Oħlom’, twila biss żewġ faċċati. Tibda b’sensiela ta’ mistoqsijiet, li ċarrtu tbissima fuq wiċċi: “Tgħid il-mejtin joħolmu? Tgħid il-mistrieħ ta’ dejjem iġibilhom ħolm dejjiemi? U tgħid biex joħolmu?” Xħin bdejt naqra dan l-indirizz lil din il-mejta, sibt ruħi nitbissem inqas u nitbikkem aktar. Min ma jħossux bħall-persona li qiegħda tirrakkonta, li jixtieq jiltaqa’ mal-għeżież tiegħu. Tkun tixtieq li xi ħadd li tħobb jibqa’ jiftakar fik, minkejja l-istat differenti li wieħed sab ruħu fih issa wara li miet. B’rabta mat-tema tat-telfiet tal-għeżież tagħna, hemm in-novella ‘Ġwienaħ’, fejn Salvina tagħmel minn kollox biex tkun qrib ta’ żewġha Kelinu. Veru li l-azzjonijiet ta’ Salvina huma esaġerati, imma fl-istess waqt l-awtur jitfa’ dawl fuq dawn is-sitwazzjonijiet meta wieħed jispiċċa waħdu minħabba mewt u l-persuna li tibqa’ fid-dinja tikkumbatti, tiggranfa ma’ kull tifkira li tqarribha lejn il-mejjet.  

Fl-istess waqt, minkejja li ddeskrivejt lil dawn in-novelli bħala realistiċi maġiċi, l-element maġiku jisparixxi għalkollox u jibqa’ biss l-element realistiku qares fin-novella ‘Dar tal-Pupa’. Kristin tispiċċa toqgħod maz-zijiet tagħha wara li tilfet lil ommha. Id-dar tal-pupa, rigal mill-isbaħ li kien għamlilha z-ziju Leo, issa nbidel fi ħmar il-lejl ta’ tgħanniq u bews twil mingħand iz-ziju Leo. B’mod straordinarju, Żahra jirnexxilu jorbot diversi livelli ta’ tifsir mal-frażi ‘waqgħet it-taraġ’. Iz-ziju jistaqsi lil Kristin jekk waqgħetx it-taraġ bħalma ġralha Lisa, il-pupa taċ-ċarruta. B’innoċenza Kristin twieġbu li qatt ma kienet waqgħet taraġ u jgħidilha li m’għandhiex għalfejn tibża’ mid-demm. Din il-frażi, li tintuża biex nirreferu għal meta tifla ssir xebba, tkun il-kaġun tal-mewt taz-ziju għax it-taraġ iġib il-ħolm maħmuġ tiegħu fix-xejn. Meta Kristin tħoss “id iz-ziju tidħol taħt id-dublett, subgħajh [ibexxqu] l-qalziet ta’ taħt u jersqu ... jersqu ... jersqu”,  it-tifla timbuttah minn xifer it-taraġ u jispiċċa stendut fl-art ġo għadira demm.  

In-novelli huma miktubin b’Malti mexxej, xpakkati b’dettalji mill-ifjen. Ħafna drabi, huma miktuba fl-ewwel jew fit-tielet persuna u wieħed isib perspettivi differenti. Eżempju ta’ dan narawh fin-novella ‘Koma’. Għall-kuntrarju tas-soltu, fejn in-nisa jiġu akkużati li jparlaw ħafna, ir-rakkont mir-raġel Ġorġ huwa itwal minn dak ta’ martu Rose. Il-qarrejja ma jafux bl-eżatt min minnhom sofra mill-koma. Tgħid Ġorġ, qiegħed jgħid is-sewwa, li ma jiflaħx ikar lil martu u issa sejra Los Angeles ħdejn ħuh Pawlu? Jew Rose li żewġha għejjieha u fl-aħħar dan aċċetta li jidħol f’Casa Arcangelu, fejn hemm ħuh Pawlu? M’hemmx tweġiba tajba jew ħażina – hemm biss il-mod ta’ kif wieħed jinterpreta l-esperjenzi tiegħu. 

Fin-novella ‘Riħa ta’ Misteri’, Freddie Borg, li jixtri ħafna kotba imma jaqra biss ftit paragrafi, jgħid: “Intom il-kittieba tiktbu l-istejjer tal-bidu u t-tmiem minsuġin u stampati iswed fuq l-abjad. Ma tħallu ebda misteru bla solvut. Tgħidulna kollox biex ma tħalluniex diżappuntati.” Dan ma jgħoddx għal Trevor Żahra għax dawn in-novelli jokkupaw spazju misterjuż-mhux misterjuż.  

More in Arti