
Misteru ffullat
Fl-avventura msaħħra li jinseġ Matthew Schembri f’Il-Missjoni tal-Mostru (Merlin Publishers, 2025), jirnexxilu jżomm lill-qarrej fuq ix-xwiek billi jgħaqqad l-istampa biċċa biċċa, iżda Miriam Galea ssaqsi jekk it-test setax kien iktar ekonomiku u evokattiv.

Il-Missjoni tal-Mostru ta’ Matthew Schembri, l-ewwel ktieb mis-sensiela l-ġdida ‘Ta’ Taħt Fuq’ ippubblikata mill-Merlin Publishers, għandu l-ingredjenti tipiċi kollha li ssib fil-letteratura għaż-żgħażagħ — fantaxjenza, poteri maġiċi, dar Gotika msaħħra, protagonista mistħija u magħluqa li fl-aħħar tirpilja, ħbiberija fil-kulleġġ, bullies, alkoħol, ġibdiet romantiċi, Ingliżati u mobile phones. Il-karattri spiss isejħu lilhom infushom “bro” u l-ħin kollu medhija fl-iscreens. Il-grupp ta’ ħbieb ewlieni jinġibed ukoll minħabba d-dgħufija ta’ kull wieħed minnhom kontra l-bullies tal-kulleġġ. Kull karattru partikolari għadu qed jifforma, ilkoll bil-kwalitajiet speċifiċi tiegħu. Din is-sensiela l-ġdida maħsuba, kemm għal qarrejja bejn it-13 u t-18-il sena, kif ukoll għall-adulti.
Il-Missjoni tal-Mostru jlaqqagħna ma’ Camilla, tfajla nieqsa mill-kunfidenza li tkun se tibda tmur il-Kulleġġ meta jibdew iseħħulha affarijiet strambi, bħal dawl aħdar li jibda jiddi min-nemex tagħha malli tibda tara mostru inviżibbli. F’din l-avventura stramba, jingħaqdu magħha l-ħbieb ġodda li għamlet mill-Kulleġġ, ilkoll bid-dgħufija u l-partikolaritajiet tagħhom. Schembri jirnexxilu jpinġilna karattri ħelwin b’ċertu umoriżmu xieraq għall-udjenza maħsuba tal-ktieb. Aleksa, tfajla b’saħħitha u sportiva, isservi ta’ karattru femminist li juri li tfajliet jafu jkunu iktar qawwija ħdejn is-subien. Fl-istorja tkun hi li tieqaf lill-bully, tiġġieled il-mostri u jkollha temperament iktar maskili u selvaġġ. Ċerti dettalji fid-deskrizzjoni tal-kwalitajiet idjosinkratiċi tal-karattri jlaħħmu iktar il-karattri u jagħmluhom aktar kariżmatiċi. It-ton u l-istil kif inhuma miktuba l-persunaġġi żgħażagħ huma kredibbli u faċli għall-qarrej żagħżugħ biex jirrelata magħhom.
Il-ktieb jibni l-misteru b’mod dinamiku gradwali, b’sensiela ta’ episodji li għall-bidu jidhru mhux marbuta flimkien. L-awtur iħalli lill-qarrej fuq ix-xwiek billi l-istampa tinbena biċċa biċċa, fejn l-informazzjoni tinġabar ma’ kull episodju, l-istess kif il-karattri jibdew jifhmu ftit ftit x’qed jiġri. Schembri joħloq ukoll karattri surreali bħal Gideon Pandorandru, kreatura li tfakkarna iktar f’xi ħlejqa tal-ġnien, toħroġ mis-siġar, titkellem minn werqa, u tivvjaġġa f’karettun li b’xi mod fih iġorr univers infinit ta’ mfietaħ. Mark hu wkoll karattru misterjuż, mostru inviżibbli ħlief għal Camilla, li jitkellem b’Malti mħawwad u li l-protagonista tispiċċa tieħu grazzja miegħu.
B’dan kollu, Schembri ħoloq univers li jfakkarna f’xi ġrajja ta’ Harry Potter jew Lord of the Rings. Camilla tgħix ġo dar kbira li Schembri jagħmel ċert li jenfasizza li hi Gotika. Dan l-univers jista’ jkun kemxejn klixè, minkejja l-fatt li jappella għad-dinja spiss tenebruża ta’ teenagers li qed jikbru. Apprezzajt iktar il-partijiet ta’ dan l-univers li ħoloq Schembri li huma iktar awtentiċi għax nibtu mir-realtà lokali, bħar-raħal imsemmi Ħalbail-Malti mħawwad li jitkellem Mark il-mostru, u l-Ingliżati li jikkaratterizzaw il-bullies kesħin. Jidhirli li hemm iktar valur fil-ħolqien ta’ universi immaġinarji aktar rilevanti lokalment milli l-imitazzjoni ta’ universi prevedibbli ġejjin minn awturi barranin. Bħala qarrejja nidentifikaw iktar u nespandu l-immaġinarju tagħna b’mod iktar armonjuż u identifikabbli għall-Maltin.
Il-ktieb hu estensiv — kważi 400 mitt paġna b’għadd kbir ta’ episodji qosra. Schembri jiġbidna fid-dinja kumplessa li ħoloq, magħmula minn maġija bejn id-Dinja ta’ Fuq u d-Dinja ta’ Taħt. Jiddeskrivilna dan l-univers bir-reqqa bid-dettalji kollha, iżda kultant kważi żżejjed, b’deskrizzjonijiet li forsi kien jeħtiġilhom editjar iktar drastiku biex ikunu iktar ekonomiċi u b’hekk iktar mexxejja mingħajr ma jintilfu f’dettalji superfluwi. Fir-rendiment ta’ rakkont tal-fantasija li jibni univers tant estensiv u kumpless, hemm il-periklu li l-awtur jitlef il-qofol tal-kitba nnifisha u jeħel wisq fuq il-kontenut u l-għan tal-kitba. Schembri jidher kultant donnu tant kien qed jedha jimmaġina u jikteb kull dettall ta’ dan l-univers li xi drabi kien metikoluż wisq u forsi jaf jitlef jew jgħejji lill-qarrej, meta seta’ kien aktar mexxej u ħafif. Pereżemju, Schembri jħobb iżid dettalji pedantiċi li jafu jkunu tedjanti, bħall-fatt li kien “qalziet twil abjad” (il-qliezet ġeneralment ikunu twal). Il-Malti użat kultant hu kemxejn iggalbat u borgiż iżżejjed. L-użu ta’ kliem inqas naturali u formali żżejjed, bħal “angola” u “spjetatament”, ikompli jtaqqal it-test. Fir-rendiment ta’ rakkont tal-fantasija li jibni univers tant estensiv u kumpless, hemm il-periklu li l-awtur jitlef il-gost tal-kitba nnifisha u jeħel wisq fuq il-kontenut u l-għan tal-kitba.
Xtaqt ukoll kieku Schembri ma kellux għalfejn jaqleb għall-Ingliż għal ċerti ismijiet bħal isem il-grupp, is-“Second Squad”, u kliem bħal “Cool! Secret passage!”. Minn naħa nifhem l-intenzjoni li tiġi replikata l-lingwa tipika mħallta li tinstema’ speċjalment fost iż-żgħażagħ, imma minn oħra qed jitlef iċ-ċans li jħaddem il-Malti fir-reġistri li fihom proprju rridu nħaddmuh biex jilħaq lill-Inġliż — f’titli, espressjonijiet u kliem iktar speċifiku jew tekniku.
It-test għandu ħabta jispjega wisq minflok ma jevoka. Schembri ma jevokax univers Gotiku, mudlam u misterjuż, imma jgħidilna direttament li l-kastell hu Gotiku. Fid-deskrizzjoni ta’ Leo, ma jħallix lill-qarrej jassoċjah ma’ xi karattru tal-manga, b’xagħru blu u ħwejġu suwed, imma jispjegalna mill-ewwel hu flok ma jħallina nifhmu mill-mod ta’ kif l-awtur ifassal il-karattru. F’din is-sentenza l-istess: “‘Le,’ weġibha Davide. Bit-ton tiegħu ried jagħmilha ċara daqs il-kristall li din id-deċiżjoni kienet waħda finali.’” Kien ikun iktar evokattiv kieku l-qarrej fehem waħdu mill-kliem jew l-espressjoni ta’ Davide x’kienet il-burdata tiegħu, mingħajr ma jiddettalna litteralment il-kittieb. Minn dan il-lat, it-test f’xi mumenti jista’ jkun kemxejn iffullat u fastidjuż, u seta’ jħalli iktar f’idejn l-immaġinazzjoni tal-qarrej u jikkonċentra iktar fuq is-sustanza.
Madankollu, niftakru li dan hu ktieb għaż-żgħażagħ, li jispjega wkoll forsi l-ħtieġa li jkun iktar dirett. L-avventura msaħħra li jinseġ Schembri tiżvela l-istorja sħiħa b’tali mod li jżomm lill-qarrej kurjuż, hekk kif dan jgħaqqad il-partijiet tal-istampa biċċa biċċa ma’ kull episodju sa ma fl-aħħar jifhem il-ġrajja kollha, bħal bil-maqlub tal-ordni li fiha ġrat. Schembri jirnexxilu joħloq ktieb li jħaddem il-Malti għal din l-udjenza, li hu meħtieġ fl-għażla ċkejkna li għandna ta’ kotba bħal dawn bi lsienna. Dan il-ktieb se ikun jista’ jikkompeti mal-kotba korrispondenti tiegħu bl-Ingliż, biex il-qarrejja żgħażagħ Maltin ikunu jistgħu wkoll jaqraw kotba adattati għalihom anki bil-lingwa tagħhom.