Batman – karattru rinomat u mill-aktar maħbub (It-tieni parti)

Wara, il-waqfa kienet twila u kellna nistennew 33 sena meta l-ġenjali Tim Burton ħadem verżjoni ġdida, aktar qalila, ta’ Batman

Wara, il-waqfa kienet twila u kellna nistennew 33 sena meta l-ġenjali Tim Burton ħadem verżjoni ġdida, aktar qalila, ta’ Batman. Se nagħti xi informazzjoni qasira fuq uħud mill-films li bdew joħorġu regolarment wara: 

Batman (1989) – Dirett minn Tim Burton bil-film jieħu total ta’ 126 minuta. Michael Keaton huwa l-protagonist, però Jack Nicholson bħala l-Joker jimpressjona ħafna aktar u jagħti wirja qawwija u ta’ stoffa. Is-suċċess ta’ dan il-film ħajjar lil Warner Bros. Għal aktar proġetti. Is-somma sabiħa li daħħal kienet ta’ $411.6 miljuni fuq baġit ta’ $45 miljun. 

Batman Returns (1992) – Jerġa’ jieħu r-riedni tat-treġija Tim Burton bl-istess ħin ta’ 126 minuta.  L-abbandun ta’ tarbija skerza li jsir il-Pengwin (Danny De Vito), tkun minaċċja kbira għall-belt ta’ Gothan City l-aktar meta jingħaqad ma’ Max Schreck (Christopher Walken) bniedem megalomaniku. Insiru nafu l-għaliex Michelle Pfeiffer issir Catwoman. Film b’atmosfera pjuttost oskura. Fil-box office, il-film daħħal iċ-ċifra ta’ $266.8 miljun fuq baġit stmat ta’ bejn 50-80 miljun dollaru. 

Batman Forever (1995) – Id-Direttur hu Joel Schumacher u l-ħin hu ta’ 121 minuta. Din id-darba, ir-raġel Pippistrell ikun Val Kilmer li jrid jeħodha kontra Two-Face (Tommy Lee Jones) u The Riddler (Jim Carrey), waqt li jipprova jirreżisti għal ftit żmien l-avvanzi tal-psikoloġista Nicole Kidman. L-ambjent hu aktar attraenti mill-film ta’ qabel. Batman jakkwista solidarjetà u għajnuna minn Robin (Jack O’Donnell). Fid-dħul tal-flus, din il-produzzjoni daħħlet is-somma ta’ $336.6 miljun fuq baġit ta’ aktar minn $100 miljun. 

Batman And Robin (1997) – Joel Schumacher jerġa’ jkun id-direttur u l-ħin hu ta’ 130 minuta. Il-maskra tal-bniedem Farfett il-Lejl jilbisha George Clooney. Chris O’Donnell ikun sieħbu Robin u Alicia Silverstone tinterpreta lil Batgirl b’mod mill-inqas konvinċenti. L-għedewwa ta’ Bruce Wayne/Batman huma Mr Freeze (Arnold Schwarzenegger) u Poison Ivy (Uma Thurman) li għal xi raġuni jridu jeqirdu lill-metropoli, Gotham City. L-introjtu din id-darba kien ta’ $238, imma l-baġit kien smat ta’ bejn $125-$160 miljun. Dan il-falliment waqqaf milli jinħadmu films oħra ta’ dan is-supereroj liebes mantell u maskra sal-2005. 

Id-Direttur metikuluz Christopher Nolan sab l-inkarnazzjoni perfetta fi Christian Bale għall-parti ta’ dan it-terrur tal-korrotti u l-kriminali fit-triloġija li ħadem bejn l-2005 u l-2012. B’hekk reġa’ xpruna l-fama tar-Raġel Liebes Mantell Iswed u Maskra, alias Bruce Wayne. 

Batman Begins (2005) – Id-Direttur kien Christopher Nolan, bil-ħin ta’ 140 minuta. Xogħol mill-aktar divertenti fejn jimmaġina kif Bruce Wayne, minn tifel ipprivileġġjat ta’ ġenituri sinjuruni, imma qalbhom tajba, jimbarka fuq vendetta spjetata biex inaddaf lil Gotham City mill-marmalja li ħonqitu. Film b’andament splussiv. B’baġit ta’ €150 miljun, din il-produzzjoni daħħlet is-somma ta’ $373.7 miljun. 

The Dark Knight (2008) – Christopher Nolan għal darb’oħra jidderieġi u l-ħin ikun ta’ 150 minuta. Il-belt ta’ Gotham City tinsab itterrorizzata mill-Joker (Heath Ledger li rebaħ l-Oscar wara mewtu ta’ malajr) u Batman ma jistax jafda fuq id-D.A. tal-belt (Aaron Eckhart). Xogħol b’andament qawwi u oskur, b’interpretazzjoni tal-Joker li kważi tbeżża’. Fuq din il-produzzjoni intefaq baġit ta’ €180 miljun, però l-udjenzi rrikorrew bil-kbir u d-dħul qabeż il-biljun dollaru. 

The Dark Knight Rises (2012) – Għat-tielet darba Christopher Nolan jieħu t-treġija f’idejh u l-ħin jiżdied għal 164 minuta. Tmien snin wara l-avvenimenti tal-aħħar film, insibu lil Batman għajjien u eżawrit qisu eremita. Fil-belt jitfaċċja viljakk feroċi jismu Bane (Tom Hardy) li mhux biss hu ta’ theddida għal dan il-post, imma wkoll għall-popolazzjoni sħiħa. Bis-saħħa tal-butler fidil tiegħu, Alfred (Michael Caine), ir-raġel liebes il-maskra jqum fuq tiegħu, jerġa’ jibda jittrenja biex ikompli l-missjoni tiegħu ta’ fejda. Film sodisfaċenti ħafna, mill-aktar divertenti, b’final ta’ sodisfazzjon kbir. Il-produtturi ma sabux diffikultà jonfqu baġit ta’ madwar $250-$300 miljun għax id-dħul reġa’ ssupera l-biljun bi ftit aktar mill-aħħar proġett. 

Wara dawn is-suċċessi nsibu lil Ben Afflick bħala r-Raġel Pippistrell f’Batman Vs Superman: Dawn Of Justice (2016), f’Justice League (2017), f’Zach Sneider’s Justice League (2021) u f’Suicide Squad (2016). 

Fl-2022 ħareġ The Batman interpretat b’mod serju u kliem mill-inqas minn Robert Pattinson.  Qattiel gwapp sadistiku, The Riddler (Paul Dano) jibda jnaqqi lil diversi figuri politiċi prominenti tal-belt ta’ Gotham u Batman ikollu jinvestiga l-korruzzjoni moħbija tal-belt u anki jissuspetta fl-involviment tal-familja tiegħu tal-passat. Din id-darba Batman hu magħruf mill-pulizija li talbu l-għajnuna bżonjuża tiegħu. Intefaq baġit ta’ bejn $185-$200 u l-film renda lura $772.2 miljun. 

Il-popolarità ta’ dan il-karattru li deher ukoll reċentement f’Joker (2019) u f’The Flash (2023) waslet biex dan is-superoj jidher ukoll f’serje animata u anki bħala ġugarell f’The Lego Batman Movie (2017). 

Id-domanda tal-pubbliku għadha qawwija u dalwaqt nerġgħu naraw lil dan il-karattru maħbub u rinomat ġo Joker: Filie A’ Deux (2024). 

More in Arti