Malta tkun l-ewwel pajjiż li tissottometti l-entratura fil-kampanja tal-UE TWIN IT
L-għan ewlieni ta’ din il-kampanja hu li jinġabru u jiġu esebiti eżempji ta’ assi kulturali Ewropej b’mod tridimensjonali, u fl-istess waqt tassisti stati membri fil-proġetti tagħhom marbuta mad-diġitalizzazzjoni 3D u l-preservazzjoni
![](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/13.2_heritage_malta_pix.png)
Heritage Malta ħabbret li Malta, l-iżgħar nazzjon fl-UE, kienet l-ewwel pajjiż li ssottomettiet il-proġett: iċ-Ċittadella ta’ Għawdex fil-kampanja tal-UE TWIN IT.
L-istituzzjonijiet kulturali nazzjonali madwar il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea ġew imħeġġa jikkollaboraw biex jissottomettu wirt storiku wieħed diġitalizzat lill-Ispazju Komuni Ewropew għat-Tagħrif dwar il-Wirt Kulturali, iffaċilitat mill-inizjattiva Europeana.
L-għan ewlieni ta’ din il-kampanja hu li jinġabru u jiġu esebiti eżempji ta’ assi kulturali Ewropej b’mod tridimensjonali, u fl-istess waqt tassisti stati membri fil-proġetti tagħhom marbuta mad-diġitalizzazzjoni 3D u l-preservazzjoni.
Il-wirt storiku diġitilalizzat kellu jilħaq numru ta’ kriterji u standards tekniċi għoljin biex iservu ta’ turija ta’ eċċellenza Ewropea fil-qasam.
Iċ-Ċittadella, fil-qalba ta’ Għawdex, il-gżira-oħt ta’ Malta, tinsab fil-quċċata ta’ għolja naturali. Il-qagħda strateġika tagħha, magħżula mill-abitanti bikrin, offriet fortifikazzjoni naturali, b’veduti tar-raba’, tax-xtut u l-baħar. Evidenza arkeoloġika turi li l-ewwel nies għexu hemm lejn it-tmiem ta’ Żmien il-Bronż, b’evoluzzjoni għal ċentru amministrattiv matul iż-żminijiet Feniċi/Puniċi u Rumani. Taħt il-ħakma tal-Biżantini, l-Għarab u n-Normanni, iċ-Ċittadella kompliet tevolvi. Għalkemm kien hemm sekli ta’ abbandun, strutturi li salvaw jixhdu diversità arkitettonika, inkluż il-Katidral Barokk mibni fi żmien l-Ordni ta’ Malta. Dan is-sit, li ġie restawrat b’mod estensiv f’dawn l-aħħar snin, ħaddan għażla wiesgħa ta’ arkitettura importanti u wirt storiku tanġibbli fi ħdan is-swar tiegħu.
It-Taqsima tad-Diġitalizzazzjoni, flimkien mad-dipartimenti kollha l-oħrajn ta’ Heritage Malta, għandha rwol kruċjali fil-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali għani tal-pajjiż bl-użu ta’ teknoloġiji diġitali avvanzati. L-istess taqsima qed tindirizza l-isfidi kontemporanji tad-diġitalizzazzjoni, b’parteċipazzjoni f’għadd ta’ proġetti bħal ‘Horizon’ tal-UE ffukati fuq it-tibdil fil-klima u l-wirt kulturali, il-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta’ beni kulturali, u l-użu ta’ għodod diġitali għall-ingaġġ tal-udjenza.
Barra minn hekk, l-entità ġiet fdata biex tmexxi l-ġbir ta’ tagħrif fuq livell nazzjonali għall-wirt kulturali diġitali għal Europeana. Il-proċess ta’ akkreditar li jinsab għaddej bħalissa ma’ Europeana, l-akbar aggregatur tal-wirt kulturali fl-Ewropa, dalwaqt se jippermetti lil Heritage Malta biex tgħaqqad u taqsam direttament il-kollezzjoni nazzjonali ma’ udjenza usa’.