Sylvana Debono tniedi l-wirja tad-debutt tagħha ‘De Novo’

Il-ġimgħa li għaddiet, fit-12 ta’ Jannar, Sylvana Debono nediet l-esebizzjoni tad-debutt tagħha, ‘De Novo’, f’Gemelli Art Gallery f’Ta’ Qali li se tibqa' tinwera sas-27 ta’ Jannar

Il-ġimgħa li għaddiet, fit-12 ta’ Jannar, Sylvana Debono nediet l-esebizzjoni tad-debutt tagħha, ‘De Novo’, f’Gemelli Art Gallery f’Ta’ Qali. 

Għalkemm mhijiex persuna ġdida f’għajn il-pubbliku, dan huwa l-ewwel sforz artistiku tagħha bħala artista tal-mixed media. Debono qed tieħu pass kbir fix-xena tal-arti kontemporanja, u qed iġġib magħha perspettiva unika. Taħt id-direzzjoni tal-artist internazzjonali Steven Christian Reed, Debono ħolqot 33 xogħol għal din il-wirja li hija kkurata minn Ray Piscopo Debono. 

B’‘De Novo’, Debono tisfida l-limiti tal-akkwarell biex toħloq dimensjonijiet, fond, u nisġa li joffru interpretazzjonijiet ġodda. Il-kollezzjoni tagħha tinkludi pitturi kbar, xi wħud b’dimensjonijiet daqs 560mmx760mm, kif ukoll xogħlijiet żgħar u intimi. Kif iddeskriviet Debono, ix-xogħol tagħha jvarja fil-kulur u s-suġġetti, kif ukoll hu pjuttost influwenzat mill-Impressionist Art Movement. 

L-ispirazzjoni hija evidenti fi wħud mill-biċċiet li diġà poġġiet fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha. F’‘Arches I’, ‘Arches II’, u ‘Arches III’, hija toħloq l-interazzjoni bejn in-natura u d-dawl billi tgħaqqad il-mezz tal-akkwarell mal-gold leaf u l-gesso. Barra minn hekk, hi turi l-fond fuq il-kanvas permess tal-użu ta’ aktar minn 10 sfumaturi tal-aħdar f’‘Holy of Holies’, pittura tal-akkwarell u l-linka. 

De Novo se tibqa’ fil-Gemelli Art Gallery, Ta’ Qali, sas-27 ta’ Jannar. Il-wirja tkun miftuħa mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9 am u s-2 pm. Barra minn hekk, Sylvana Debono stess se tkun preżenti nhar ta’ Sibt bl-appuntament. 

More in Arti