Artisti Ukreni jużaw kaxxi tal-munizzjon mill-gwerra bħala kanvases għal wirja fil-Belt Valletta

Fis-6 ta’ Diċembru, 2023, fetħet ‘Icons on Ammo Boxes’, proġett kunċettwali minn Olexander Klimenko u Sofia Atlantova, żewġ artisti Ukreni. Il-wirja qed tittella’ fil-Knisja ta’ San Nikola fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta, sas-7 ta’ Jannar

Fis-6 ta’ Diċembru, 2023, fetħet ‘Icons on Ammo Boxes’, proġett kunċettwali minn Olexander Klimenko u Sofia Atlantova, żewġ artisti Ukreni. Il-wirja qed tittella’ fil-Knisja ta’ San Nikola fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta, sas-7 ta’ Jannar. 

‘Icons on Ammo Boxes’ huwa rispons artistiku għall-mortalità, espress permezz ta’ pitturi b’simboli reliġjużi fuq kaxex tal-munizzjon li ttieħdu mill-frontlines tal-Ukraina. Skont l-artisti, il-figuri reliġjużi jservu bħala mezz biex juru r-realtà li inkella hija moħbija. L-ikoni tagħhom iservu bħala tfakkiriet kontinwi tal-konsegwenzi terribbli tal-gwerra kontemporanja, kif ukoll il-kunflitt kontinwu li jaffettwa mijiet ta’ eluf ta’ nies direttament u jċaċlaq miljuni minnhom f’postijiet jew pajjiżi oħra. 

Olena Chaplytska, ċittadina tal-Ukrajna li tgħix Malta, stqarret f’intervista li ltaqgħet ma’ wieħed mill-artisti tal-proġett fi Kiev u ħasset li setgħet tgħin lix-xogħol tiegħu jikseb iktar espożizzjoni; “I know I’m not going to the front lines, but this I can do.” Is-simboliżmu tax-xogħol laqatha, u hi temmen li jista’ jagħti tama lil Ukreni oħra f’dawn iż-żminijiet diffiċli. 

Id-dħul kollu miksub mill-wirja, li fetħet fi 18-il pajjiż ieħor, se jingħata lil Wings of Victory, organizzazzjoni Ukrena li ma tagħmilx profitti, tgħin fil-kura medika tal-vittmi tal-gwerra, u żżomm sptarijiet mobbli fi bliet Ukreni. Din l-inizjattiva li bdiet fl-2014 ġabret aktar minn $600,000 għal organizzazzjonijiet li joffru aċċess għall-kura tas-saħħa lill-veterani u n-nies ċivili fl-Ukrajna. 

Il-fatt li l-wirja, li fiha ritratt ta’ San Nikola, fetħet f’jum il-festa tal-qaddis u fi knisja ddedikata għalih, huwa saħansitra iktar sinifikanti, hekk kif irrimarkat Chaplytska. Speċjalment meta wieħed iqis li, fil-folklor reliġjuż, Santa Klaws hija interpretazzjoni ta’ San Nikola. 

Icons on Ammo Boxes hija miftuħa fil-Knisja ta’ San Nikola fis-6 ta’ Diċembru u se tibqa’ hemm sas-7 ta’ Jannar. Il-pubbliku jista’ jżur mill-5.30 pm sas-7 pm nhar is-Sibt u mid-9 am sa nofsinhar il-Ħadd. 

More in Arti