Fare CONVITO The Baroque Banqueting – fejn id-dinja tal-ikel, l-arti u l-politika jingħaqdu flimkien

Id-dinja tal-ikel, l-arti u l-politika ngħaqdu flimkien fir-ritwali tal-Baroque Banqueting – il-qsim formali u komunali tal-ikel u x-xorb. Dan huwa s-suġġett ta’ wirja ġdida fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, li tiffoka fuq il-kultura tal-banquets ta’ Malta taħt l-Ordni ta’ San Ġwann

Id-dinja tal-ikel, l-arti u l-politika ngħaqdu flimkien fir-ritwali tal-Baroque Banqueting – il-qsim formali u komunali tal-ikel u x-xorb. Dan huwa s-suġġett ta’ wirja ġdida fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, li tiffoka fuq il-kultura tal-banquets ta’ Malta taħt l-Ordni ta’ San Ġwann. 

Malta, bejn is-seklu 16 u 18, importat ħafna aspetti tal-kultura Ewropea tal-ikel u x-xorb – prinċipalment mill-Italja fil-perjodu tar-Rinaxximent u minn Franza fil-perjodu tar-Rococo. Karatteristika impressjonanti kienet il-CONVITO – il-banquet formali – li kien fuq kollox sfond teatrali għal diskussjoni politika u intriċċi. Il-banquets kienu karatteristika ċentrali tal-politika tal-Ordni, li jibdew mill-Gran Mastri u kienu jinvolvu l-ordnijiet soċjali kollha tas-soċjetà Maltija f’dan il-perjodu. 

Din il-wirja tieħu approċċ ġdid lejn dan il-fenomenu, permezz ta’ studju tal-arkeoloġija tal-banquets u b’mod partikolari permezz ta’ preżentazzjoni taċ-ċeramika artistika użata f’avvenimenti bħal dawn. Fuq il-wiri hemm firxa ta’ reċipjenti tal-majolica u tal-porċellana maħdumin b’mod sabiħ li jintużaw kemm għall-wiri, kif ukoll biex iservu l-ikel waqt banquets formali. 

L-oġġetti li huma għall-wiri ġew skoperti kollha f’investigazzjonijiet arkeoloġiċi f’Malta, jew ġew ikkonservati f’kollezzjonijiet ta’ mużewijiet lokali – ħafna minn dawn l-artefatti qed jiġu esebiti pubblikament għall-ewwel darba f’din il-wirja. Il-wirja tinkludi żewġ pjanċi tar-Rinaxximent li jappartjenu lill-Kardinal Farnese, importazzjoni Ċiniża tal-porċellana Ming lejn Malta, pjanċi importanti araldiċi Taljani tan-Nofsinhar, u firxa wiesgħa ta’ faience Franċiża u tat-Tramuntana Taljana, inklużi eżempji fl-istil Rococo ta’ Moustier. 

Il-wirja toqrob lejn is-suġġett tal-banqueting storiku b’mod multidixxiplinarju, billi tgħaqqad elementi mill-arkeoloġija, l-istorja, l-istorja tal-arti u l-antropoloġija. Hija r-riżultat ta’ kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-mużewijiet ta’ Heritage Malta (Il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, Il-Palazz tal-Inkwiżitur, MUŻA u l-Mużewijiet ta’ Għawdex), il-Librerija Nazzjonali ta’ Malta u l-Kapitlu Metropolitan ta’ Malta. 

Titlifx l-opportunità biex tesperjenza banquet! Din il-wirja tagħlaq fil-31 ta’ Diċembru 2023 u hija dejjem miftuħa mill-10:00 am sas-6:00pm, f’Auberge de Provence, Triq ir-Repubblika, Valletta, Malta. 

 

More in Arti