Collectively Solo III: Il-wirja tal-arti li qed tħaddan l-individwalità kollettiva għat-tielet darba

Wirja kollettiva bl-isem Collectively Solo III se tittella’ f’Gallery23 dan ix-xahar. Però, dan it-titlu ossimoroniku għandu tifsira ħafna inqas astratta milli jidher. Fil-fatt huwa pjuttost preċiż u letterali

Kullħadd jiftakar il-pandemija u l-konsegwenzi tagħha fuq is-settur tan-negozju. Ħafna ristoranti u bars madwar id-dinja kellhom jagħlqu bibienhom. Fid-dinja tal-arti, l-għeluq tal-galleriji ma waqqafx lill-artisti milli jpinġu, anzi xi wħud jgħidu li tathom aktar ħin biex jinvestu fix-xogħlijiet tal-arti tagħhom. Sfortunatament, l-istess ma jistax jingħad għad-dilettanti/esebituri tal-arti. 

L-ispazju għall-wirjiet huwa diġà xi ħaġa li mhix sempliċi biex takkwista, iktar u iktar għall-kollezzjonijiet individwali. Għalhekk wieħed jista’ jimmaġina d-diżappunt li ħassew dawk l-artisti li l-wirjiet tagħhom kellhom jiġu sospiżi. Biex jiġġieldu kontra dan, il-fundaturi ta’ Gallery23, Rachel Said u Alexia Gingell Littlejohn, ħarġu bl-idea ta’ Collectively Solo | 2020. 

Huma kkompilaw kemm ix-xogħlijiet ta’ seba’ artisti li kellhom il-wirjiet skedati, kif ukoll ta’ xi wħud li kienu wrew ix-xogħlijiet tagħhom qabel, u ħolqu kollezzjoni waħda f’Diċembru 2020. Naturalment, ma kien hemm ebda tip ta’ tema jew stil konsistenti bejn l-arti kollha, għalkemm il-galleristi żguraw li jagħżlu biċċiet li marru tajjeb flimkien. 

Minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, il-wiri seta’ jsir biss b’appuntament. Madankollu, verżjoni diġitali saret disponibbli online. Il-kuratur Rachel Said stqarret “... dik il-konnessjoni fiżika li tippermettilek tintilef f’xi pajsaġġ jew biċċa astratta meta tkun fil-gallerija. Din il-konnessjoni personali hija diffiċli biex tirreplikaha virtwalment.”1 

Sena wara fl-2021, il-galleristi għaqqdu grupp ieħor ta’ artisti flimkien għal wirja kollettiva oħra tal-isem ‘Collectively Solo II’. Din reġgħet qanqlet l-istess sens ta’ għaqda u saħansitra żvelat aktar artisti lokali, u għalhekk mhix sorpriża li ħolqu edizzjoni oħra għal dis-sena. ‘Collectively Solo III’ se tinkludi 20 artist, kemm dawk stabbiliti kif ukoll dawk ġodda fix-xena. Il-viżitaturi jistgħu janteċipaw firxa ta’ pitturi u ċeramika li ġew magħmulin minn diversi mezzi u materjali. 

Collectively Solo III tiftaħ f’Gallery23 ġo Ħal Balzan fl-1 ta’ Diċembru u tagħlaq fit-3 ta’ Diċembru. Il-viżitaturi jistgħu jattendu nhar ta’ Erbgħa mis-6.30 pm sat-8 pm, kif ukoll il-Ħdud mill-10.30 am san-12.30 am. Inkella, ikkuntattja lill-gallerija fuq 9942 8272 jew [email protected] biex iżżurha b’appuntament. 

More in Arti