L-aħħar ċans biex iżżur il-wirja 'The National Museum of Natural History: 50 years in Mdina, a photographic journey'

Din is-sena, il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali ċċelebra l-50 anniversarju minn meta fetaħ fl-1973. Għat-tieni nofs ta’ din is-sena, infetħet wirja ċelebratorja tal-fotografija f’Palazzo Vilhena. Dan ix-xahar huwa l-aħħar ċans li għandu l-pubbliku biex jaraha

Kif ħabbar iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, il-mużew se jibbenefika minn investiment ta’ €300,000 fl-2024. Il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali jinsab ġewwa l-binja ta’ stil Barokk ta’ Palazzo Vilhena fl-Imdina. Madankollu, il-mużew kien jinsab fil-Belt Valletta oriġinarjament għax fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija kien inqered minħabba l-bumbardamenti. Sfortunatament, ħafna kollezzjonijiet storiċi u kampjuni domestiċi ntilfu bħala riżultat. Fl-1966, il-Gvern iddeċieda li juża l-palazz għall-mużew, peress li kien ilu magħluq għal għaxar snin. Il-proċess tar-restawr beda dik is-sena stess, u l-mużew reġa’ fetaħ f’Ġunju tal-1723. 

Illum għaddew ħamsin sena u l-mużew għadu wieqaf. B’10,000 blat u minerali, u għaxar darbiet dak l-ammont ta’ kampjuni, il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali huwa l-aktar attrazzjoni tal-wirt popolari fost il-familji bit-tfal żgħar. B’tifkira ta’ dan it-tragward, Heritage Malta esebiet sensiela ta’ 50 ritratt fil-mużew stess, li tiddokumenta l-istorja tiegħu matul is-snin. Kull stampa tittrasporta ’l dak li jkun lura fiż-żmien sal-1973, kif ukoll tiżvela l-ħażin u t-tajjeb kollu li ġabu magħhom is-snin li ġew wara. 

Il-kollezzjoni ta’ ritratti monokromi tenfasizza l-mumenti ewlenin li sawru l-istorja unika tal-mużew. Turi wkoll il-kollezzjoni ta’ artefatti affaxxinanti li jqanqlu interess fir-riċerkaturi u fit-tfal. Barra minn hekk, il-wirja hija ispirata minn ktieb fotografiku b’titlu simili: ‘Il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali: 50 Sena fl-Imdina, Vjaġġ Fotografiku’. Il-ktieb ġie ppubblikat l-istess ġurnata li fetħet il-wirja, l-24 ta’ Ġunju, id-data tal-ftuħ tal-mużew 50 sena ilu. Ir-ritratti kienu ntgħażlu minn John J. Borg, il-Kuratur tal-mużew, u tpoġġew f’dan il-ktieb. 

Titlifx dan iċ-ċans biex tara din il-wirja affaxxinanti qabel ma tagħlaq fit-30 ta’ Diċembru. Il-wirja hija miftuħa f’Palazzo Vilhena kuljum ħlief nhar it-Tnejn, mid-9 am sal-5 pm. 

Ikseb il-biljetti tiegħek mis-sit uffiċjali ta’ Heritage Malta: https://heritagemalta.mt/ 

More in Arti