Films | L-awtur Alistair Maclean fuq il-liżar ċinematografiku
Tagħrif qasir dwar l-aħjar produzzjonijiet mix-xogħlijiet ta’ dan l-awtur
Dan li ġej hu xi tagħrif qasir dwar l-aħjar produzzjonijiet mix-xogħlijiet ta’ dan l-awtur.
The Guns of Navarone – L-awtur Alistair MacLean ma setax ikollu debutt aħjar fuq il-liżar il-
kbir daqs din il-produzzjoni mill-aktar avventuruża, mimlija azzjoni u eċitament kontinwu.
Wieħed mill-klassiċi films tat-Tieni Gwerra Dinjija, b’kast imponenti u internazzjonali li jinkludu
Gregory Peck, David Niven, Anthony Quinn, Gia Scala, il-Griega Irene Papas, Stanley Baker,
Richard Harris, James Roberston Justice u l-Germaniż Albert Lieven. Il-film rebaħ Oscar għall-
Effetti Speċjali Viżwali. Il-poplu wkoll irrikorra bi ħġaru u ħareġ mit-teatru verament sodisfatt.
Żgur li l-esperjenzi li l-awtur akkwista fil-gwerra mal-flotta marittima fil-Baħar Mediterran u fl-
inħawi tal-Greċja għenuh biex jikseb awtentiċità. Film maħruġ minn Columbia Pictures b’total ta’ 157 minuta u dirett minn J. Lee Thompson. Il-profitt kien ta’ aktar minn $20 miljun, somma
kbira għal dak iż-żmien.
Ice Station Zebra – Dirett minn John Sturges, b’total ta’ 148 minuti. B’kast kollu maskili li
jinkludu Rock Hudson, Ernest Borgnine, Patrick MacGoohan u Jim Brown, dan hu xogħol li jħallik tgiddem xufftejk fl-eqqel tal-Gwerra Bierda ġo sottomarin li jsalpa lejn it-Tramuntana bil-kaptan (Hudson) jistenna l-ordnijiet u li ma jafx li dalwaqt iseħħ inċident li se jqajjem gwerra kbira. MacGoohan, aġent Brittaniku, ippreparat li jonsob spija Russu li wkoll jinsab fis-sottomarin maħruġ mill-MGM.
Where Eagles Dare – Produzzjoni spettakulari mill-aktar elaborata b’azzjoni kontinwa u b’żewġ protagonisti ta’ kalibru – Richard Burton u Clint Eastwood. Dawn it-tnejn, wieħed Brittaniku u l-ieħor Amerikan, ikunu mqabbdin jeħilsu uffiċjal Amerikan maqbud f’kastell fuq muntanja min-Nażisti. Jaħdmu wkoll Mary Ure, Michael Hordern, Patrick Wymark, Anton Diffring u s-sexy Ingrid Pitt. Dan il-film hu dirett minn Brian Hutton u maħruġ mill-MGM b’total ta’ 158 minuta.
The Satan Bug – Dirett minn John Sturges u jdum 114-il minuta. Xogħol ieħor kontinwament
eċitanti dwar ġirja wara miġnun li seraq xi fliexken minn laboratorju tal-Gvern li fihom likwidu
potenti ta’ virus fatali.
Puppet On a Chain – Ispirat b’xi mod mill-bestseller ta’ Alistair MacLean. Dan hu attentat
medjokri dwar traffiku internazzjonali tad-drogi. Dirett minn Geoffrey Reeve bil-ħin ta’ 90
minuta, din il-produzzjoni tilħaq il-qofol tagħha b’ġirja sfrenata ta’ “speedboats”.
Fear is the Key – Attentat ieħor mhux sodisfaċenti minn volum ta’ MacLean dwar raġel (Barry
Newman) li b’furja palpabbli jsus wara ħażna misruqa u biex jagħmel vendetta fuq min qatel lil
martu u lit-tifel. Dirett minn Michael Tuchner, b’total ta’ 103 minuti, din hi produzzjoni konfuża u mill-anqas sodisfaċenti.
When Eight Bells Toll – Film ta’ 94 minuta, dirett minn Etienne Perier, b’Anthony Hopkins bħala l-protagonist fi stil ta’ James Bond. Il-ktieb hu bestseller ieħor dwar piraterija tad-deheb fl-ibħra. Hopkins mhux addattat bħala spija meta mqabbel ma’ 007.
Breakheart Pass – Dan hu Western kompetenti mimli azzjoni, ambjentat fil-maġġoranza tiegħu
fuq ferrovija. Charles Bronson bħala aġent sigriet qed ifittex lil dawk li qed ibigħu l-ixkubetti u
jitqabad kontra epidemija falza. Il-qofol ta’ dan il-film dirett minn Tom Gries, b’total ta’ 95
minuta, hu ġlieda inkredibbli bejn Bronson u Archie Moore, li qabel fir-realtà kien boxer rinomat.
Force 10 From Navarone – Għal darb’oħra, l-esperjenza li akkwista fil-gwerra MacLean meta kien lejn il-Balkani, ispirawh biex jikteb sequel għas-suċċess kbir ta’ The Guns of Navarone. Grupp ta’ esperti mħarrġa jintbagħtu fuq missjoni biex jisplodu pont ta’ importanza kbira għan-Nazi, b’wieħed minnhom ikun traditur. Minkejja kast imponenti – Harrison Ford, Edward Fox, Franco Nero (it-traditur), Barbara Bach, Carl Weathers u Richard Kiel, il-film dirett minn Guy Hamilton (direttur ta’ diversi films ta’ James Bond) b’total ta’ 118-il minuta, fl-ebda ħin ma jista’ jiġi kkumparat ma’ The Guns of Navarone.
Bear Island – Wieħed mill-aqwa rumanzi ta’ Alistair MacLean jaħasra ġie trasformat ġo film medjokri, b’taħlita ta’ intriċċi, qtil u deheb misruq, ġo xenarju ta’ ksieħ u silġ. Għal darb’oħra, grupp ta’ atturi rinomati, li jinkludu lil Donald Pleasance, Vanessa Redgrave, Christopher Lee, Barbara Parker, Lloyd Bridges u direttur kapaċi bħal Don Sharp, megħjuna minn fotografija eċċellenti, ma kinux biżżejjed biex isalvaw din il-produzzjoni ta’ 118-il minuta minn xogħol ta’ kafkaf.
F’perjodu ta’ kważi 20 sena, il-films addattati mill-volumi – ħafna minnhom bestsellers – tal-
awtur Skoċċiż Alistair MacLean, taw gost u spettaklu lil dawk kollha li jħobbu produzzjonijiet
imfawra b’intriċċi, avventuri eċitanti u, fuq kollox, azzjoni sfrenata.