Kotba | Fil-baħar fond tal-ħajja

Patrick Sammut jgħum fl-ilmijiet poetiċi ta’ Carmel Scicluna permezz tal-ġabra ta’ poeżiji tiegħu Min Jogħdos bla Maskra  

Min Jogħdos bla Maskra (Horizons, 2023) hija t-tielet ġabra ta’ poeżiji ta’ Carmel Scicluna, awtur ukoll ta’ bosta rumanzi u għadd ta’ ġabriet ta’ stejjer. Din id-darba qed jgħaddilna mal-61 poeżija li jifirxu fuq 100 paġna u huma mqassmin fuq 5 taqsimiet – ‘Kenura’, ‘Sriep tal-Baħar’, ‘Riħ Jirjieħ Fuq Mewġ Jimwieġ’, ‘Bla Nifs’, u ‘Niskandaljaw il-Fond’. Fi kliem Scicluna stess, “Ħames taqsimiet – kollha konnessi mal-baħar – għax ridt li l-baħar (xbieha tal-inkonxju tiegħi) u l-ħwejjeġ marbutin miegħu jkunu spissi. Ridt nirrifletti fuq il-baħar (fil-konxju tiegħi wkoll) bħala għajn u skop tal-ħajja. Il-baħar tal-eżistenza li nħabbtu wiċċna miegħu, simbolu tal-qalb umana, tad-dinamiżmu tal-ħajja, il-ħajja u l-mewt (ara Ma nafx meta).” 

Fl-aħħar parti tal-ktieb imbagħad, Scicluna inkluda xi kummenti ta’ xi reċensuri u kritiċi letterarji differenti dwar il-ġabriet poetiċi tiegħu (Il-Kalċi Qiegħed Ifur, Horizons, 2017; u L-Ambjent li Qeridna, Horizons, 2020), u l-ġabra ta’ stejjer Id-Dubbiena u Stejjer Oħra (Horizons, 2022). Dawn li nsibu f’Min Jogħdos bla Maskra huma poeżiji li l-biċċa l-kbira tagħhom inkitbu bejn l-2021 u l-2022.  

L-għażla ta’ Scicluna hija favur il-poeżija moderna, fejn iħaddem il-metrika u l-versi ħelsin. Imma waqt il-qari tal-poeżiji mill-ewwel joħroġ evidenti li hemm ukoll xi elementi tal-poeżija tradizzjonali bħall-użu tal-endekasillabu, il-vers tar-riflessjoni. Il-metafori huma friski, bħal fil-poeżija ‘Boxing’, fejn il-ħajja tal-poeta-bniedem hija mqabbla ma’ dan l-isport fejn teħtieġ tiddwella u spiss tispiċċa bla nifs. F’‘Tieqa’ l-poeta jitqabbel ma’ ġardinar, filwaqt li dak li jikteb hu “Il-ġnien lussuż” tiegħu. Xogħol il-poeta hu li jnaqqi, jiżbor u jsaqqi. Il-Malti li jħaddem Scicluna hu mirqum, xi drabi jidher sempliċi imma spiss imur lil hinn mis-sempliċi, anki għax warajh jinħbew saffi diversi, wieħed iktar profond mill-ieħor. Dawk tiegħu huma poeżiji li jeħtieġu jinqraw iktar minn darba biex il-qarrej dejjem jiskopri iktar tifsiriet possibbli. Fil-fatt hemm poeżiji li taħseb li fhimthom biex ftit wara tħoss li hemm iċ-ċans li ma fhimthomx u b’hekk terġa’ taqrahom u taqrahom mill-ġdid, tqaxxar qoxra wara qoxra biex forsi tasal sal-qalba tagħhom. 

Spiss tinħass il-poeżija mhux biss li trid tfisser imma anki tinstema’, u dan permezz tal-alliterazzjoni. Hekk naqraw f’‘Kartesju’: “Kartesju... / imma b’liema vers / se jsannar sunnartu / fis-solitudni ta’ deżertu... / u liema laħam ħaj / bil-verità se jżarrat?”, b’insistenza fuq konsonanti bħas-‘s’, l-‘l’ u ż-‘ż’. Hemm ukoll il-poeżija ritratt li tieħu forma konċiża ta’ ftit versi li jgħidu storja sħiħa bħal f’‘Nofs Tużżana Ritratti minn Festin’. 

Element li jispikka hu dak tal-intertestwalità, jew djalogu ma’ kittieba, ħassieba u artisti oħrajn, jew relazzjoni bejn test jew ieħor, fejn it-test jista’ jkun letterarju, ċinematografiku, mużikali, jew pittura. Eżempju, il-poeżija ‘Sakjamuni’ hija sottotitolata “Addattament kreattiv b’riħet spunti minn silta f’saġġ filosofiku ta’ Albert Camus.” Dan kollu hu prova ta’ kemm il-poeżiji ta’ Scicluna huma stedina mhux biss biex il-qarrejja jaqrawhom u jgawduhom bħala esperjenza intellettwali, udittiva u emottiva, imma anki biex ikomplu jwessgħu l-bagalja kulturali tagħhom. 

Hemm drabi meta Scicluna bħal jindirizza lill-“int” li jista’ jkun huwa stess li qed jipprova jifhem lilu nnifsu aħjar (‘Kenura’ u ‘Il-Leħen Isieħlek’), mela l-poeżija tinftiehem bħala definizzjoni tal-‘jien’. Hemm ukoll versi li jilħqu ċerta qawwa spiritwali, bħalma naqraw f’‘Taqtir minn Ruħna’; hemm l-eleġiji ddedikati lin-neputi li għex 30 sena; oħrajn versi tqal li jwaqqfulek qalbek milli tħabbat bħal ‘Xitla’ li b’xi mod tiddeskrivi kif tfajla “Ċaċċaruna... Tiżfen mal-friefet”, mal-mixja taż-żmien tinbidel f’xiħa “mitluqa, / merħija / fuq is-siġġu mżaqżaq... / Għal nitfa mħabba titkarrab.” ‘Il-Lukandieri’ hija kompożizzjoni twila, narrattiva u riflessiva, dwar it-twelid u l-mewt ta’ relazzjoni ta’ mħabba u żwieġ “imċaqqam”.  

Fir-raba’ taqsima, ‘Bla Nifs’, il-kelma “maskra” tintuża l-iktar. Anki hawn jikkummenta direttament il-poeta: “Hemm xi xbihat li ħakmu l-immaġinarju tiegħi sħiħ. Ħa nitkellem fil-qosor. Normalment, wieħed jogħdos bil-maskra biex jara ċar. Imma min jogħdos bla maskra qed jersaq lejn il-qiegħ b’aktar kunflitti u sfidi u mhux ċajta, imma jkun sab il-milja tiegħu meta jasal għax “id-deheb” qiegħed hemm isfel nett, fil-qiegħ. It-taqsimiet tal-ktieb huma relatati mal-baħar tal-ħajja. Li nibdew mill-wiċċ (‘Il-Kenura’) u nibqgħu sejrin bla nifs taħt il-mewġ sakemm niskandaljaw u naslu sal-qiegħ. Għandek vjaġġ. Mhux kumbinazzjoni li hu mqassam kif inhu mqassam il-ktieb. Biex ikun hemm unità. Hemm min jgħum fil-wiċċ biss, hemm min jinżel taħt il-wiċċ, min jogħdos bil-maskra u bla maskra, u min jirnexxilu jasal sal-qiegħ, u jitla’ lura fil-wiċċ jew ma jitlax. Naturalment, hemm iżjed fejn wieħed jimraħ. Il-metafora min jogħdos bla maskra hi vasta ħafna kif tista’ tobsor. Frankament, tiġi f’moħħi l-maskra li nilbsu u ssir parti minn wiċċna.” 

Ir-raba’ taqsima tintrabat ħafna ma’ żmien il-pandemija tal-Covid-19. F’‘Bla Saqajn’, Scicluna jistaqsi jekk dan kollu kienx ħlejqa “tad-Dittaturi”. Il-Covid-19 isejħilha “uħux ma jidhrux / li vvintaw huma stess”, filwaqt li l-vaċċin isejjaħlu “ħalib tas-serp” (‘Lil Ommi’).  

Il-poeżija ‘Ħarifa’, fl-aħħar taqsima, hija awtodefinizzjoni: il-poeta jinftiehem bħala dak li jara u jisma’ dak li ħaddieħor la jara u lanqas jisma’, jew jagħmel tabirruħu hekk; dak li, “tant u tant vuċijiet irqaq jasluli / f’widnejja bi lsien stramb li nifhem waħdi...”  

Hemm ukoll it-tingiża soċjali, fejn il-poeta-profeta jara dak li ħaddieħor jippreferi ma jarax: 

“Illum fadal id-damiġġjani battala 

fil-kantina ta’ missirijietna, 

u kemm-il kibx b’għajn ta’ rettil 

iħuf bħal lupu qalb il-poplu.”          (‘Xi Darba dal-Poplu’) 

Scicluna jagħlaq din il-ġabra poetika b’poeżija addattata tassew, ‘Ma Nafx Meta’. Hawn naqraw dwar id-dgħajsa u l-vjaġġ tal-ħajja, il-fond tal-baħar u l-ispazju profond tar-ruħ, u anki l-passaġġ mid-dlam għad-dawl, mela l-punt tal-wasla: “‘Wasalt, ara, / sibt posti...’ / u kuntent / għajnejja nagħlaq / għal dejjem.”

More in Arti