Kotba | Praspar mill-paġni tat-tfulija

Noel Tanti jerġa’ jlaqqagħna mat-tewmin xjuħ li paspru kemm felħu u komplew jgħixu fl-immaġinazzjoni tagħna

Ma tantx jien wieħed li nħalli n-nostalġija tirkibni. Bħal kulħadd, għandi memorji għal qalbi li jfakkruni f’mumenti u persuni sbieħ f’ħajti. Imma qatt ma nixtieq li mmur lura għal xi żmien jew mument partikolari. Hawn min jemmen li l-affarijiet kienu iktar sempliċi jew aħjar fil-passat, u jsibu wens f’dan. Imma mhix darba jew tnejn li kelli nħabbat wiċċi mal-fatt li l-memorja mhi xejn ħlief tieqa mtappna mill-preżent. Dak li qed tara ‘hemm barra’ huwa tabilħaqq imsejjes mill-issa, ħafna iktar milli tkun qed timmaġina, u parti kbira min-nostalġija hi projezzjoni ta’ xi stat mentali kurrenti tagħna. 

Mhix l-intenzjoni tiegħi li nkun ċiniku. Biss, meta nħares lejn dak li għaddejt minnu, id-dispożizzjoni tiegħi hija simili ħafna għal dak li trid tfisser waħda mill-isbaħ sentenzi li qatt infetaħ rumanz bihom: “The past is a foreign country; they do things differently there.” (Minn The Go-Between (1953) ta’ L. P. Hartley.)  

Madankollu, hemm ħaġa waħda li kont nagħmel meta kont tifel u li nixtieq li għadni nista’ nagħmilha llum: li naqra ktieb għal diversi drabi. Issa li qed inqarreb lejn in-nofs seklu fuq din l-art, l-għażla ta’ x’nagħmel b’ħini ħadet xejra differenti ħafna. Jekk qabel kont nagħżel ktieb minn mija x’naqra, il-premessa (siekta) wara l-għażla tiegħi kienet li se naqra d-disgħa u disgħin l-oħra iktar ’il quddiem. M’għadux hekk. Illum il-ġurnata naf li meta qed naqra ktieb qiegħed awtomatikament neskludi ieħor. Id-deċiżjoni saret iktar ikkumplikata. 

Imma meta kont żgħir, ma kinitx xi ħaġa inużwali li nerġa’ nibda ktieb eżatt kif inkun spiċċajtu. Jew inkella li jkolli numru ta’ kotba abbinati ma’ perjodi speċifiċi tas-sena. Pereżempju t-tużżana volumi ta’ stejjer bil-Malti li kont indur għalihom eżatt kif tibda l-btala tas-sajf, drawwa li maż-żmien saret ritwal. 

Wieħed minn dawn il-kotba kien Il-Praspar Kollha ta’ Kunċett u Marinton (Merlin Publishers, 1983) ta’ Trevor Żahra. 

Qed nassumi li dawk kollha li qed jaqraw dan l-artiklu jafu min huma Kunċett u Marinton. U forsi jekk hemm min qatt ma sema’ bil-bawxati ta’ dawn iż-żewġt aħwa tewmin li ħajjithom iddur mal-erba’ kantunieri tar-raħal ċkejken tagħhom, żgur li esperjenzaw il-kitba ta’ Żahra minn xi mkien ieħor. 

Id-dinja ta’ Kunċett u Marinton għandha ħafna min-nostalġija. Minkejja li tista’ bejn wieħed u ieħor tqegħedhom f’perjodu partikolari, Żahra qatt ma jispeċifika liema. Mid-deskrizzjonijiet tiegħu jidher li kienu jgħixu qabel il-gwerra jew inkella bejn iż-żewġ gwerer, imma ma nafux biċ-ċert. Bħalma r-raħal tagħhom jeżisti iktar fl-immaġinarju kollettiv tagħna milli fuq il-mappa ta’ Malta. Tista’ tgħid li d-dinja li ħoloq Żahra ħolqot lilu wkoll u li f’dawn l-istejjer qiegħed ibaħħar fuq l-ilmijiet tal-istorja, il-memorja u l-immaġinazzjoni. Wara kollox x’inhu xogħol il-kittieb jekk mhux dak li jżelleġ ir-realtà bil-veritajiet tiegħu? 

Żahra juża l-istess metodu fit-tfassil tal-karattri. Kunċett u Marinton huma z-zijiet anzjani u n-nanniet tagħna. Il-kappillan huwa aggregat ta’ bosta kappillani li nsibu fi stejjer oħra. Il-favorita tiegħi, Nata li tgħajjen, nafha sew anki jekk qatt ma ltqajt magħha. Meta kont tifel kont nisma’ b’talin li ‘jisħtu’, dawk li tagħmlilhom il-qrun minn taħt anki jekk biss iħarsu lejk. Kull raħal kellu persuna minnhom. (Ħafna drabi kienu nisa u dan it-twemmin kien ir-riżultat ta’ misoġinija impliċita. Imma mhux se nidħol f’dan.) 

Li jżomm dawn l-elementi kollha milli jkunu sterjotip bla ħajja hija l-ħila li biha Żahra jorqom il-karattri, jiddeskrivi l-ambjent u jiżvolġi l-istejjer. Għandu leħen vivaċi u mexxej immens. Bi ftit kliem kapaċi jagħtik ħafna. U din hija sengħa importantissima speċjalment meta qed tikteb stejjer umoristiċi. 

Mhux sigriet li fil-finzjoni huwa iktar faċli tbikki milli ddaħħak. Id-drammatiċità tirrikjedi li l-udjenza tagħha tinvesti f’emozzjonijiet kbar sa mill-bidu nett u għalhekk il-parteċipazzjoni tal-qarrejja (meta qed nitkellmu dwar kotba) hija kważi immedjata. L-umoriżmu jaħdem mod ieħor. Iktar importanti mill-kontenut hija l-preżentazzjoni tal-istorja u tal-karattri, kif se jitfasslu episodji b’andament mhux mistenni, b’assurditajiet li l-qarrejja jistgħu jirrelataw magħhom u jaħsduhom fl-istess ħin. Minn dan l-aspett, il-ġeneru tal-praspura huwa ideali. 

Tista’ tgħid li l-praspar u l-bawxati huma l-iktar forom ta’ kitba popolari fejn tidħol il-letteratura umoristika għat-tfal. Fl-istejjer ta’ Kunċett u Marinton hemm żewġ tipi ta’ praspar. Hemm dawk li huma msensla madwar sitwazzjoni partikolari, bħal pereżempju ‘Marinton u l-Pakkett’, fejn it-tewmin jirċievu pakkett li ma kienx għalihom, frott żball mill-posta. L-istorja tiżvolġi b’intervent minimu min-naħa ta’ Kunċett u Marinton għax is-sitwazzjoni nnifisha (in-nuqqas ta’ ftehim) hija tad-daħk. 

Imbagħad hemm praspar li jibdew minn sitwazzjonijiet komuni u sempliċi iżda li mbagħad isiru umoristiċi minħabba l-għemil tal-karattri. F’‘Bawxata tal-Milied’, Saverja ta’ Ċaqlaq toqgħod tissemma’ waqt laqgħa fl-uffiċċju tan-Nutar u taħseb li dan irid jagħmel ċajta goffa lil Kunċett u Marinton. Din tmur dritt għandhom biex tgħidilhom b’kollox u peress li huma pezzakustjoni u pikużi, minflok ma jmorru jiċċaraw l-affarijiet, jagħmlu ta’ rashom u jlestu ruħhom għall-kontrattakk.  

Żahra jippreżentalna sinfonija kkumplikata imma ta’ surmast prim li hu, joħodna fuq vjaġġ fejn ir-realtà u l-memorja jinħassu mbiegħda u viċin, l-antik jinħass modern, u viċe versa. In-nostalġija timxi id f’id mal-immaġinazzjoni tiegħu u allura, minflok ma xxekkel, issebbaħ ir-realtà. 

More in Arti