Radju Ħaj: Proġett ta’ divertiment uniku li ma jiddejjaqx jesprimi ruħu

Fix-xena tad-divertiment u l-mużika lokali, ftit li xejn issib esperjenza simili minn dik li joffru Radju Ħaj, tlett iħbieb li joffru prodott uniku ta’ divertiment, kummentarju fuq temi kurrenti u mużika liemabħala 

Radju Ħaj huwa l-isem ta’ proġett li nibed bħala idea ta’ tlett iħbieb: Elton Grech, George Sapiano u David Grech Urpani, liema proġett beda lura fl-2016, u llum il-ġurnata kiber għal wieħed uniku fix-xena tad-divertiment Maltija. 

Bejniethom, dawn it-tlett iħbieb jagħmlu episodji ta’ ‘podcasts’ b’differenza, hekk kif permezz ta’ interventi bil-mużika u siltiet ta’ awdjo, dawn l-episodji jixbħu aktar programmi tar-radju uniċi u divertenti. Maż-żmien, hekk kif dan il-proġett beda jikber fil-popolarità, il-grupp daħlu fix-xena tad-divertiment permezz ta’ daqq f’avvenimenti mużikali, fosthom il-festival lokali ‘Rock the South’. 

Elton, George u David tkellmu ma’ din il-gazzetta biex jispjegaw aktar dwar Radju Ħaj, minn fejn beda, ‘il fejn sejjer, u dak li jispirahom biex ikunu sors ta’ divertiment għas-segwaċi tagħhom.  

“Bdejna fl-2016 imma l-idea kienet ilha f’moħħna” 

Meta beda jispjega l-oriġini ta’ dan il-grupp, Elton stqarr li fl-2016, u hu George kienu fil-grupp mużikali Lucy’s Last, u f’dak iż-żmien, wara li jipprattikaw, kienu jpoġġu bil-qiegħda u jgħidu kelma jew tnejn, sakemm xi ħadd minnhom qal, “imissna nirrekordjaw lilna nfusna u naraw x’jiġri.” 

Fil-fatt, huwa kompla jispjega li l-ewwel darba li pruvaw din l-idea kienu rabtu l-mikrofoni ma’ lasti ta’ xkupi, u li l-konverżazzjoni ta’ bejniethom dejjem kienet waħda naturali u mexxejja. L-episodji ta’ Radju Ħaj, anke llum il-ġurnata jistgħu jiġu deskritti bħala konverżazzjoni bejn il-ħbieb, fejn jiddiskutu kollox minn ġrajjiet kurrenti u politika, u jgħidu stejjer divertenti minn tagħhom. Minkejja dan, il-mużika u l-muntaġġ jagħtu xeħta oriġinali għal dawn l-episodji, fejn f’episodji minnhom, jiġu inklużi wkoll persuni oħra li jkunu parti mid-diskussjoni. 

Elton spjega li maż-żmien, bdew isibu opportunitajiet li jdoqqu f’avvenimenti lokali, fejn minkejja li din kienet xi ħaġa ġdida għalihom, xorta waħda daħlu għaliha, u llum il-ġurnata huma magħrufin għall-esperjenza u l-atmosfera unika li joħolqu. Peró, stqarr li jagħmlu x’jagħmlu, kull proġett li jkollhom jidħlu għalih b’mod kalm, u jiffukaw fuq li jieħdu gost huma u l-udjenza. 

Min-naħa tiegħu, George huwa aktar tekniku f’dak li għandu x’jaqsam mal-awdjo. Spjega kif l-episodji ta’ Radju Ħaj jieħdu ħafna ħin biex jingħaqdu, hekk kif f’episodji ta’ diversi minuti, jiddaħħlu numru ta’ diski u anke siltiet minn stejjer tal-aħbarjiet fost oħrajn.  

George jispjega li permezz ta’ dan ix-xogħol, Radju Ħaj m’huwiex sempliċiment episodju ta’ nies jitkellmu bejniethom, iżda ssir esperjenza ġdida.  

Fil-fatt, Elton jinnota li l-isem Radju Ħaj ġej mill-fatt li filwaqt li ħafna stazzjonijiet tar-radju huma aktar serji u jiddiskutu l-aħbarjiet b’ċertu mod, Radju Ħaj huwa leħen vivaċi u spirituż. “Il-ħajja sabiħa tant, għalhekk dan ir-radju huwa Ħaj.” 

Il-politika u ġrajjiet kurrenti diskussi b’mod ġdid 

Is-segwaċi ta’ Radju Ħaj huma konxji bin-natura politika tad-diskussjoni fl-episodji, u anke fl-avvenimenti fejn idoqqu, fejn il-grupp ma joqodux lura milli jgħidu dak li jħossu fuq temi kurrenti u anke personalitajiet kontroversjali; b’mod speċjali politiċi li jkunu daħlu f’xi kontroversja. 

Skont Elton, huwa impossibbli li wieħed ma jitkellimx fuq dawn l-affarjiet anke jekk huwa ġej mid-dinja artistika, hekk kif fl-aħħar mill-aħħar, il-ħajja tagħhom hija affettwata minn dak li jiġri madwarhom. “Aħna nitkellmu fuq dak li naraw,” jgħid Elton, filwaqt li nnota li d-diskussjonijiet f’Malta huma verament partikulari fin-natura tagħhom. “Sfortunatament f’dan il-pajjiż waqt diskussjoni wieħed jikklassifika n-nies skont it-twemmin tiegħu. Dak aħmar, l-ieħor blu, u d-diskussjoni tkun bagħtuta.” Stqarr li fl-isfond ta’ dan kollu, Radju Ħaj jipprova jkollu diskussjoni kif suppost, anke jekk tkun waħda ta’ bejn il-ħbieb. 

Fil-fatt, huma jwasslu l-messaġġ u l-opinjoni tagħhom anke bl-ispettakli li jagħtu fl-avvenimenti, li jkunu miżgħuda bis-satira u referenzi għal suġġetti li ġieli jkunu meqjusa “taboo.” Huma nnutaw kif il-kritika li jkollhom ħafna drabi tkun ġejja meta jmissu ma’ dawn it-tip ta’ suġġetti, iżda minkejja dan, huma xorta waħda jħossu li għandhom jitkellmu fuq dak li jixtiequ, hekk kif fl-aħħar mill-aħħar, l-avvenimenti li jtellgħu dejjem imorru tajjeb mal-udjenza tagħhom. 

Waqt l-intervista ma’ din il-gazzetta, huma kellhom ħafna xi jgħidu dwar kif f’pajjiżna, il-kultura li tikkritika hija ‘il bogħod mill-ideali, u anke dwar kif illum il-ġurnata, ħafna mill-affarjiet li wieħed jagħmel huwa għad-dehra. “Anke l-pajjiż jinħass li qed jitmexxa minn fuq Facebook,” stqarr Elton, hekk kif iddeskriva l-kultura ta’ kif wieħed jamministra, bħala waħda fejn, “anke l-Ministri saru influencers.” 

Għalhekk, komplew jgħidu, meta tgħix f’dan l-ambjent fejn huja kważi impossibbli jkollok dibattitu effettiv u produttiv, “minflok tħares madwarek u tiddispra b’din is-sitwazzjoni, aħna ndaħħlu dan f’diska.”  

Minkejja li skont Elton, “huwa diffiċli li niddeskrivu eżatt taħt liem kategoriji jaqa’ Radju Ħaj,” is-sens ta’ kummentarju fuq ġrajjiet kurrenti b’mod vivaċi huwa fiċ-ċentru ta’ dak li jagħti lil Radju Ħaj l-identità tiegħu.  

X’imiss għal Radju Ħaj? 

Minkejja li Elton, George u David ilkoll għandhom il-ħajja tagħhom u Radju Ħaj huwa passatemp, xorta waħda hemm pjanijiet kbar għal dan il-proġett. Fil-fatt, George stqarr ma’ din il-gazzetta li dalwaqt se jkunu qed ivaraw sit elettroniku bl-isem ta’ radjuhaj.com.  

Min-naħa tiegħu, Elton stqarr li d-data għal dan is-sit għadha mhux ikkonfermata. “Minn dan l-aspett aħna qisna l-kuntratturi Maltin fis-sens li d-data stipulata biex inlestu dak li għandna nlestu rari jkun hemm, u meta jkun hemm, probabbli ma nżommux magħha.” 

More in Arti