Kotba | Maġija ta’ Kliem u Kulturi

Elena Cardona tħammem fuq il-merkurju flessibbli li jinbidel f’boċoċ li ma jispiċċawx, tgħid il-poeżija tradotta ta’ xtaqt li kont merkurju bħalu?

Żgur u mhux forsi li xi darba jew oħra smajtu lil xi ħadd jgħid “It-traduttur traditur”. Ibda biex dawn iż-żewġ kelmiet jixxiebhu immens u faċli li titfixkel meta tgħidhom u verament it-traduttur jispiċċa traditur. Għaliex inħolqot din ir-rabta bejn it-traduttur u t-traditur? L-ewwel ħsieb li jiġini f’moħħi hu li t-traduttur ma jibqax fidil lejn it-test li jkun qiegħed jittraduċi u għalhekk jiġi mlaqqam bħala traditur għax ikun “ittradixxa” t-test oriġinali. Dan il-ħsieb però jqanqal iktar mistoqsijiet - x’jagħmel traduzzjoni tajba? Kemm hu liberu t-traduttur f’ħidmitu? It-test għandu jinqaleb kelma kelma jew l-iktar ħaġa importanti hi li jżomm l-essenza?

San Ġilormu, il-patrun tat-tradutturi u dak li qaleb il-Bibbja għal-Latin, jinsisti li fit-traduzzjoni wieħed m’għandux jittraduċi "verbum e verbo sed sensum exprimere de sensu", jiġifieri traduzzjoni m’għandhiex issir kelma b’kelma imma skont is-sens. It-traduzzjoni qabel kollox hija barka - tieqa miftuħa beraħ fuq dinja li fil-lingwa oriġinali l-qarrejja m’għandhomx aċċess għaliha.

Għalhekk it-traduzzjoni tagħti ċ-ċans li wieħed iduq u jesperjenza testi li wieħed ma jkunx jaf li jeżistu. Barra minn hekk, wieħed irid dejjem iżomm f’moħħu t-test li fuqu qiegħed jitkellem – jekk huwiex letterarju jew test li se jintuża għall-prattiċità tiegħu.

Ngħidu aħna fejn tidħol it-traduzzjoni ta’ liġijiet, tat-tikketti fuq il-prodotti tal-ikel u x-xorb, il-mediċini jew il-prodotti tas-sbuħija huwa ferm importanti li t-traduzzjoni tkun leali lejn l-oriġinal. It-traduttur għandu jagħmel xogħol metikoluż u juża kliem li jinftiehem. Hawnhekk irid jintlaħaq

l-iskop ta’ komunikazzjni diretta, fejn in-nies jew il-konsumaturi jifhmu b’ċarezza dak li titlob minnhom il-liġi, inkella li jkunu kapaċi jsegwu istruzzjonijiet fuq kaxxi tal-mediċini jew li jafu minn xiex inhu magħmlu prodott tal-ikel. Il-konvenjenza hi meħtieġa u apprezzata ferm.

Min-naħa l-oħra meta wieħed jitkellem dwar traduzzjoni letterarja hemm diversi kriterji li jrid jikkunsidra. Żgur u mhux forsi li t-traduttur iħabbat wiċċu ma’ diversi problemi speċjalment meta jkun qiegħed jaqleb poeżija. Il-metafori, ir-ritmu, ir-rima u s-sillabar kollha joffru l-isfidi tagħhom. Naħseb wieħed għandu jibqa’ kemm jista’ jkun fidil lejn it-test oriġinali mingħajr ma jinsa l-prosodija, is-sintassi u s-semantika tal-lingwa li fiha t-test ikun qiegħed jiġi tradott.

Il-lingwa sors, jew il-lingwa li minnha wieħed ikun qiegħed jittraduċi, trid timxi b’pari passu mal-lingwa mira li permezz tagħha jkun qiegħed jissawwar xogħol ġdid, dak li Simone Inguanez issejjaħlu ‘transkreazzjoni’. Fit-taħdita bl-isem ‘Ċar Kristall’, li Inizjamed tellgħet waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, Inguanez tispjega kif it-traduzzjoni ta’ poeżija mhijiex traduzzjoni funzjonali imma spazju fejn jinħoloq xogħol ġdid, li fih innifsu jwassal l-oriġinal b’mod kreattiv (ħajr lil Justine Somerville talli ġibditli l-attenzjoni dwar din it-taħdita).

Umberto Eco, studjuż kbir Taljan, li fost ħafna pożizzjonijiet li qeda kienu ta’ filosfu u kritiku kulturali, jistqarr li t-traduzzjoni mhijiex sempliċiment il-fehim u l-interpretazzjoni ta’ test partikolari. Fil-fatt l-interpretazzjoni tat-test iġġib lit-traduttur wiċċ imb wiċċ ma’ possibiltajiet ta’ “dinjiet” diversi li flimkien jiffurmaw u jittrasformaw lit-test letterarju.

Eco jkompli jsostni li hu leġittimu li jkun hemm xi ksur ta’ regoli waqt it-traduzzjoni biex it-traduttur joħloq l-istess effetti li l-awtur tat-test sors ikun ħoloq. Għalhekk, kif jisħaq Eco stess, it-traduttur irid jagħmel distinzjoni bejn il-livelli diversi li jippreżentalu t-test fl-oriġinal. Fl-aħħar mill-aħħar, traduzzjoni tajba hi frott ta’ negozjar bejn il-kliem u l-kulturi varji li t-traduttur b’kapaċità jħaddem flimkien.

Dawn id-dinjiet diversi u n-negozjar bejn il-kliem u l-kulturi li toffri t-traduzzjoni jinsabu fil-ġabra tal-poeżiji bl-isem 'xtaqt li kont merkurju'. Din hija ġabra ta’ poeżiji tradotti fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, li ta’ kull sena jsir fl-aħħar ġimgħa ta’ Awwissu. xtaqt li kont merkurju, editjat minn Kit Azzopardi, Claudia Gauci u Justine Somerville, ġie ppubblikat fl-2022 u jiġbor fih poeżiji tradotti mill-ewwel sittax-il edizzjoni tal-Festival. Dawn il-poeżiji mhux biss jesponu x-xogħlijiet tal-poeti barranin mistiedna għall-Festival iżda wkoll it-traduzzjonijiet ta’ dawn il-poeżiji minn awturi Maltin.

Ħafna minn dawn il-poeżiji ġew maqluba għall-Malti fil-laboratorji ta’ traduzzjoni, bħala parti mill-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Apparti d-dizzjunarji li jservu ta’ għajnuna waqt dawn il-laboratorji ta’ traduzzjoni, hija d-diskussjoni nnifisha bejn l-awturi u t-tradutturi li tagħmel il-poeżija daqshekk ħajja u rikka. Din id-diskussjoni u l-interazzjoni tal-awturi tinħass sew fix-xogħlijiet li hawn miġbura f’din il-ġabra. Kif jistqarr Adrian Grima, il-kofundatur ta’ Inizjamed, it-‘test oriġinali jistagħna permezz tat-traduzzjoni.

Li hemm rabta intima, minn ewl id-dinja, bejn il-kitba kreattiva u t-traduzzjoni. Li t-tnejn li huma jieklu minn fuq xulxin. Li permezz tat-traduzzjoni, it-test “oriġinali” jimraħ f’artijiet li ma kellux ħjiel tagħhom. Jinħoloq mill-ġdid fi kliem ieħor, fi ħsejjes oħrajn, f’għelieqi semantiċi li ma kienx jafhom’.

Din il-ġabra ġġib l-istess isem tal-poeżija tal-poeta Bel Olid, maqluba għall-Malti minn Marlene Saliba. Olid, li tikteb bil-Katalan, turi x-xewqa tagħha li xtaqet kienet bħal merkurju flessibbli u li bħalu ssir boċoċ li ma jispiċċawx. Wieħed jista’ jgħid li din il-metamorfosi f’merkurju tagħtiha ċerta “libertà”. Poeżija oħra li laqtitni hi dik ta’ Paola Turroni ‘Nemigra ġo fija’ (traduzzjoni ta’ Claudia Gauci). F’din l-emigrazzjoni li Turroni tesperjenza, fil-proċess li ssib lilha nfisha, hi wkoll issib lill-ieħor li qiegħda tindirizza fil-poeżija. Issir tixbah lil Penepole li b’‘ġiżirana aktar paċenzja’ tistenna lil żewġha Ulisse jirritorna waqt li tħares lejn ‘Il-mewġ [li] daħħal il-ħmieġ/u

miegħu ma daħal ħadd’. Imbagħad hemm ‘Jelly baby’ ta’ Marc Nair (traduzzjoni ta’ Rita Saliba), li isimha ġibidni għax jien nogħxa niekol il-jelly babies. Imma iktar ma bdejt naqra dawn il-versi, bdejt nirrelata mal-poeta u l-qrubija li għandu ma’ nanntu. Nair qiegħed jara lin-nanna tiddeterjora, tnin bil-mod il-mod, sejra ‘bħal tifla tigdem jelly baby,/biċċa ġisem kull darba’, li dejjem ‘titqartas f’memorji li ma [j]sir [j]af qatt’. Ħafna minna jġarrbu dan l-uġigħ meta naraw lil qrabatna jew ħbieb tagħna jintemmu fin fin u aktar minn hekk meta dawn jibdew jinsew jew lanqas jagħrfuna.

Fin-nota editorjali, l-edituri jgħaddu dan il-kumment: “Filwaqt li nixtiqulkom esperjenza ta’ qari mill-isbaħ, infakkrukom li l-kittieba kollha, kemm tal-lingwa sors kif ukoll tal-lingwa mira, għandhom il-viżjoni estetika tagħhom, u li din tista’ tissarraf fi stili differenti ħafna minn xulxin.” Huwa propju għalhekk li din il-ġabra laqtitni immens għaliex meta wieħed iqalleb fil-paġni żgur li se jsib xi poeżija li tolqtu. Apparti minn hekk, il-qarrejja jistgħu jgawdu qari letterarju minn madwar il-Mediterran u lil hinn.

xtaqt li sirt merkurju hu parti mill-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta li tista’ ġġorru miegħek kullimkien, sew jekk bħalissa qiegħed tmur tirrilassa ħdejn il-baħar jew inkella fix-xitwa ma’ xi tazza kafè sħuna. Aparti mill-memorji mnaqqxa li jħallu l-ljieli tal-Festival infushom, din il-ġabra hija ċelebrazzjoni tal-lingwi, impenn u mħabba għal-letteratura.

More in Arti