Kotba | Kostumi, perlini u kuluri

Elena Cardona, minkejja l-għomma tas-sajf, taqbad ktieb b’ħafna kostumi li min jaf kemm isaħħnu, imma l-illustrazzjonijiet u l-kitba jrewħulha żiffa ħelwa

Qatt ġralek bħali li tordna xi libsa minn fuq sit u din ma tasal qatt jew inkella tiġi wara li jkollok bżonnha? Jew forsi ordnajt il-kostumi tal-Karnival tat-tfal jew anke għalik u dakinhar jkun hemm strajk tal-posta minn barra? Iva, naf x’jiġifieri. Darba spiċċajt ordnajt il-kostum tal-Karnival fil-bidu ta’ Frar u kellu jkun għandi fi żmien ħmistax. Għal xi raġuni jew oħra, dan il-kostum ma wasalx sakemm beda l-Karival u kelli mmur nixtri wieħed mingħand tal-ħanut. Każ fejn iz-zalza ġiet ogħla mill-ħuta – il-flus li ffrankajt mill-kostum li ordnajt online spiċċajt infaqthom (u ħafna iktar ukoll) fil-kostum li kelli nixtri ta’ malajr. Barra minn hekk, ma kontx daqstant kuntenta minħabba li ma kienx hemm wisq għażla ta’ kostumi u kelli nixtri wieħed li ma xtaqtx. Imbagħad f’nofs Marzu wasal il-kostum ġo kaxxa tal-kartun ħelwa ħelwa. 

Ma kontx naf b’Madame għax żgur li għandha kont inħit il-kostum tal-Karnival. Madame hija ħajjata prima, li għomorha u żmienha tħit kull tip ta’ kostum għal kull età. Tixtieq tkun taf fejn issib lil Madame? Ħeqq, trid tmur sal-ħwienet tal-kotba jew il-libreriji u tfittex għall-ktieb Madame Ortensja Paskwalina de Rohan ta’ Clare Azzopardi u illustrazzjonijiet ta’ Moira Scicluna Zahra. Dan il-ktieb ġie ppubblikat minn Merlin Publishers fl-2023, bħala parti minn proġett kofinanzjat mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. 

Malli wieħed jiftaħ l-ewwel paġna ta’ dan il-picture book ikkulurit, isir jaf lil Madame, li isimha propja hu Madame Ortensja Paskwalina de Rohan, mir-rifless tagħha fil-mera. Madame, apparti li diġà nafu li hija ħajjata prima, għandha xagħarha vjola mġiegħed, qasir u rranġat pulit. Hija mara rfinata u pulita, bil-giżirajjen ma’ għonqha u msielet kbar u nuċċali fuq il-ponta ta’ mneħirha – tipikament tal-ħajjata li jressqu n-nuċċali fit-tarf ta’ mneħirhom biex jaraw mill-qrib ħalli jdaħħlu l-ħajta fit-toqba tal-labra. Madame għandha neputija jisimha Berta iżda hija ssejħilha Pissiperla. Tgħid għaliex issejħilha hekk? Għaliex Madame ma tkunx trid tmur il-Karnival ma’ Pissiperla? U x’jiġri meta Astronawta u Kożmonawta jkunu jduru t-toroq fil-Karnival? 

F’diskursata li kelli mal-awtriċi Clare Azzopardi, stqarret miegħi li ftit li xejn kien hawn kotba dwar il-Karnival, speċjalment fil-ġeneru tat-tfal. L-isem sħiħ ta’ Madame – Madame Ortensja Paskwalina de Rohan, li tieħdu mingħand ir-raġel tagħha, is-Sur Anġlu Orkidew Bardolino de Rohan, jeħodna lura lejn żmien l-Ordni tal-Kavallieri. Il-Gran Mastru Emmanuel Marie des Neiges de Rohan-Polduc kien ta’ nisel Franċiż u ġej minn familja sinjura u influwenti minn Franza. Hu kien wieħed mill-aħħar Gran Mastri li kellhom il-gżejjer Maltin, qabel ma dawn ġew maħkuma għal perjodu qasir mill-Franċiżi. Taħt il-Kavallieri, il-Karnival ħa spinta. Bdew jiġu organizzati ballijiet u n-nies setgħu jilbsu l-maskri fit-toroq. Kienu ħamest ijiem ta’ ċelebrazzjoni u tbaħrid kemm għall-popolin, kif ukoll għall-ħakkiema. Għalhekk il-kunjom ta’ Madame, bla ma jrid jieħu lill-qarrejja lejn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet vibranti u kkuluriti li kienu jimlew it-toroq fix-xahar ta’ Frar. Barra minn hekk, Azzopardi ssemmi wkoll il-ħelu tradizzjonali marbut ma’ dan iż-żmien – il-perlini u l-prinjolata. Xi tjubija! Imma ħafna mit-tfal ma jafux dan il-ħelu x’inhu. Il-probabilità hija lit-tfal jassoċjaw il-perlini mat-tiġijiet għax huwa waqt xi tieġ li jkunu raw minnhom. 

Dan il-ktieb hu fost l-iktar picture books imlewna li Azzopardi ħarġet s’issa. U bir-raġun għax il-Karnival hu xalata ta’ kuluri u briju. Moira Scicluna Zahra għamlet biċċa xogħol mill-aqwa fl-illustrazzjonijiet tagħha, speċjalment fejn jidħlu d-disinn tal-kostumi li kienet tħit Madame. Issib minn kollox, ibda mill-kostum tal-Ispanjola u spiċċa f’dak ta’ Kitla jew Vażun. Hemm ukoll diversi inkwatri ta’ Madame li b’dettal juru d-diversi kostumi li Madame libset matul is-snin. Danw l-illustrazzjonijiet jikkumplimentaw ir-rakkont mexxej ta’ Azzopardi. Ma tonqosx  ir-rima melodjuża li hemm tiġri f’dawn is-sentenzi. L-istorja ddur ma’ Madame, li minkejja li hi ħajjata mustaċċuna ssibha diffiċli biex tikkuntenta lin-neputija Pissiperla u tħit kostum għalihom it-tnejn biex imorru l-Karnival. Il-qarrejja ċ-ċkejknin isiru konxji tat-tliet affarijiet l-aktar importanti fuq Madame: ilha żmien twil ma tilbes kostum, maskra jew parrokka; m’għadhiex tħit; u ilha ħafna ma tmur il-Karnival. Hemm ukoll lista tal-isbaħ u l-ikreh kostum.  

Apparti l-kuluri li jagħtu l-ħajja u jikkumplimentaw it-tema tal-Karnival, Clare Azzopardi jirnexxilha żżewweġ l-element ferrieħi li jġib miegħu l-Karnival mal-eperjenza qarsa u tad-dwejjaq tal-mewt. Il-Karnival assoċjat mal-bluha, ix-xalar u t-tgawdija, jinbidel għal Madame għax “L-isfilata tħobb taraha mill-gallarija. Ħafna drabi waħedha, u kultant man-neputija.” Għalhekk il-Karnival isir avveniment li hi u Pissiperla jaraw flimkien minn ġo dar Madame. Jinħoloq dan id-distakk bejn il-parteċipazzjoni diretta fil-Karnival innifsu, il-ferħ ta’ Pissiperla u l-wiċċ imqarras ta’ Madame f’dan iż-żmien. Imma xi jġiegħel lil Madame, li tant ħietet kostumi tal-Karnival u libset minnhom, li ssir daqshekk xettika biex tmur issewgi mit-toroq il-Karnival? Però tkun l-insistenza ta’ Pissiperla u l-Karnival innifsu li jerġgħu jlaqqgħuha ma’ Anġlu tagħha. Għalhekk il-Karnival jieħu xejra oħra – isir il-pont bejn id-dinja ta’ Madame u dik ta’ Anġlu. Kien propju meta Madame u Pissiperla kienu lesbsin ta’ Astronawta u Kożmonawta rispettivament, li Madame ‘bdiet tħoss rasha ddur, iddur’. Dan id-dawrien bidlilha fehmitha fuq il-Karnival. 

Veru li bħalissa mhux il-Karnival u forsi kien ikun isbaħ li kieku qrajt dan il-ktieb qirb il-Karnival imma l-illustrazzjonijiet tal-ġenn, speċjalment ta’ Madame u Pissiperla donnhom ikellmuk u lesti biex jaqbżu mill-ktieb ħalli jakkumpanjawk mat-toroq mimlija ċelebrazzjonijiet. 

More in Arti