Kotba | Tgħid x’hemm bejn il-binarji?

Elena Cardona tirkeb fuq il-ferrovija poetika ta’ John P. Portelli, ferrovija li mhux kulħadd jaqbad, imma li minkejja d-destin inċert tagħha, il-vjaġġ tagħha joffri xenarju permezz tal-fotografija

Kien is-Sibt filgħodu u bħal ħafna Sibtijiet oħra kont qiegħda fil-librerija pubblika tar-raħal tiegħi, inġedded u nibdel il-kotba. Kien fil-fatt ftit ġimgħat wara li ħarġet il-ġabra tal-poeżiji tiegħi. Il-librar feraħli talli l-poeżiji kienu ġew ippubblikati u setgħu issa jitgawdew mill-pubbliku. Ħeġġiġni biex ’il quddiem nippubblika iktar xogħol imma għad-darba li jmiss qalli li aħajr noħroġ xi rumanz jew stejjer qosra għax il-kotba tal-poeżija ma tantx jimxu u ħafna drabi jispiċċaw jiġbru t-trab fuq l-ixkaffa. B’xufftejja mkemmxin weġibt li ma nemminx li għandi nikteb dak li l-iktar jinbigħ jew li jridu n-nies. Il-kitba bħala forma ta’ arti m’għandhiex tkun sfurzata iżda trid toħroġ mill-qalb, waqt li tiffoka fuq l-estetika.

Għalhekk iddeċidejt li llum nagħti ħarsa lejn l-aħħar ktieb ta’ poeżiji ta’ John P. Portelli bl-isem Bejn il-Binarji (Horizons, 2022), biex inkisser dan il-mit li l-poeżija hija marbuta ma’ faxxa partikolari ta’ nies bħal dawk akkademiċi jew intellettwali, jew li l-poeżija ma toffrix pjaċir daqs ġeneri letterarji oħra. Il-poeżiji, f’din il-ġabra ta’ Portelli huma aċċessibbli għal kulħadd u jista’ faċilment jiddeċiedi kif se jindirizza lil dan ix-xogħol – wieħed jista’ jaqra dawn il-poeżiji għall-gost, jirrelata mal-poeta jew xi esperjenza li tissemma’ u jkun sodisfatt li rnexxielu jaqra xogħol poetiku. Min-naħa l-oħra, il-qarrej jista’ jagħżel li jxammar il-kmiem u jħaffer bejn il-kliem, il-vrus u l-ispazji li jagħmlu dawn il-poeżiji kreazzjoni metaforika eżistenzjali. L-ebda għażla mhi ħażina għax xi darba jew oħra kulħadd jinqabad bejn il-binarji.

Għal darba oħra, naraw li din il-ġabra ta’ Portelli hi innovattiva. Fil-ġabra ta’ poeżiji ta’ qabilha, f’ Dar-Riħ Malizzjuż, il-qarrej kellu l-opportunità li jisma’ dawn il-poeżiji moqrija billi jiskennja l-QR code li hemm faċċata ta’ kull poeżija. Żgur u mhux forsi li ktieb bħal dan hu aktar aċċessibbli u kapaċi jilħaq aktar nies speċjalment dawk li jbatu bid-dyslexia. F’din il-ġabra naraw il-poeżiji ta’ Portelli mżewqa bil-fotografija ta’ Rachel Micallef Somerville. Matul il-ktieb, li jiġbor fih erbgħin poeżija, il-qarrej jammira s-sbuħija tar-ritratti artistiċi meħuda bi preċiżjoni u b’mod skjett (għoxrin b’kollox), li mhux bilfors jikkumplimentaw il-poeżiji. Li hu żgur hu li dawn ir-ritratti jqanqlu mistoqsijiet li jġagħlu l-qarrej jirrifletti fuq l-eżistenza li Portelli jesplora fid-diversi sensi tagħha.

F’konverżazzjoni li kelli mal-poeta, hu jistqarr kif kull meta jagħżel li jikteb, hu jagħmel dan biex jesprimi lilu nnifsu; bħal ibattal dak li hemm mistur fil-qalb tiegħu. Mill-ġabriet tal-poeżiji li kiteb s’issa, Portelli jgħid li dan huwa l-iktar wieħed veritier għax jirrifletti lilu nnifsu kif inhu. Dawn il-poeżiji huma bla xinxilli. Il-punteġġatura użata hija minima u dan ma jfissirx li l-poeżija għandha tinqara b’mod mgħaġġel. Nazzarda ngħid li n-nuqqas ta’ punteġġatura jaħdem bil-kontra – il-qarrej jiġi mistieden biex jgħin fil-kreazzjoni tar-ritmu tal-poeżija. Jagħżel hu jekk hemmx ħtieġa ta’ pawsiet qosra jew inqas qosra. Fl-aħħar mill-aħħar, meta l-poeżija tiġi f’idejn il-qarrej din tiġġedded b’interpretazzjoni ġdida. Dak hu s-sabiħ tal-letteratura għaliex tibni saffi fuq xulxin ta’ interpretazzjonijiet li jkomplu jarrekkixxu x-xogħol tal-kittieb.

Dan il-ktieb, li jġib l-istess isem bħal waħda mill-poeżiji, indirettament ipoġġi lill-qarrej fuq il-binarji ta’ ħajtu. Il-binarji mhuma xejn ħlief il-linji tal-ħadid li jkunu fl-art, li minn fuqhom tgħaddi l-ferrovija. Dawn il-binarji jieħdu dejjem lill-vjaġġaturi ’l quddiem, jgħaqqdu post ma’ ieħor, jagħmlu l-vjaġġi possibbli. Fil-poeżija “Bejn il-binarji”, il-persona tikkonfronta “il-memorja ta’

tfulitek”, id-“diqa li ddarras l-univers” u li “inti tistenna li jerġa’ jħobbok/u tibqa’ hekk bħal qabel eżistejt”. Imma veru li l-binarji qegħdin iqarrbu lill-persona ma’ min tħobb? Jew il-binarji huma dawk li jifirdu l-passat, mill-preżent u l-futur? Jista’ wkoll li l-binarji jħallu lill-bniedem staġnat f’post? L-interpretazzjoni tal-binarji hija wiesgħa ferm u f’dawn il-poeżiji tiżżewweġ mat-tema tal-eżistenza. L-eżistenza, l-assenza u l-binarji jispiċċaw jikkumplimentaw lil xulxin u jimmanifestaw ruħhom b’modi diversi, saħansitra fil-mitoloġija Griega.

Għalija l-binarji huma żewġ fruntieri li jifirdu u jgħaqqdu, li jirriflettu minn fejn wieħed ġej u fejn sejjer. L-ispazju ta’ bejniethom huwa ferm iktar importanti għax ħafna drabi huwa f’dan l-ispazju li aħna ngħixu, li l-aktar li nqattgħu ħin fih. Bl-ebda mod ma rrid ninstema’ negattiva jew irrid infisser li l-bniedem hu staġnat bejn il-bejniet tal-binarji. Ir-riflessjoni tiegħi hija li minkejja li nagħmlu minn kollox biex nimxu ’l quddiem f’ħajjitna u ninfatmu mill-passat tagħna, dejjem ikun hemm dak il-mument fejn il-passat jerġa’ jirritorna. Jistgħu jkunu esperjenzi sbieħ jew inkella mumenti qarsa. Dawn il-mumenti jpoġġuna bejn il-binarji għaliex il-passat, il-preżent u l-futur ikunu mtappna flimkien u mhux faċli li jinfirdu. Bħal persona f’“Bejn il-binarji”, aħna nispiċċaw “illum hawn u għada hemm,/titwieżen bejn il-binarji”. Hekk ukoll jisħaq Norbert Bugeja fil-kumment tiegħu dwar dan il-ktieb: “forsi dil-poeżija hija diskursata ma’ ħajja li, hi u titlef tifsiritha, issir vjaġġ li d-destin aħħari tiegħu għadu, kif jistqarr Portelli, identità mistura”.

Il-poeżiji f’din il-ġabra ta’ John P. Portelli fihom lessiku mirqum, mexxej u li jinftiehem mingħajr ma jkollok bżonn id-dizzjunarju. Hemm għadd ta’ indrizzi poetiċi bħal lill-mara tax-xita (“Il-mara tax-xita”) fejn il-qarrej mill-ewwel jintebaħ min hi l-indirizzata għax il-poeta jgħajtilha b’isimha “il-mara tax-xita”, li għaddiet minn diversi esperjenzi mhux pjaċevoli matul ħajjitha. F’ “Ħelsien” l-indirizz poetiku hu miftuħ, jappella għal kul min jixtieq jeħles minn xi ħaġa li qiegħda ttaqlu,

ankè jekk jaf li l-ħelsien hu biss ftit mumenti effimeri. Barra minn hekk, l-ismijiet tal-poeżiji wkoll jorbtu mat-tema eżistenzjali, il-memorji, il-vjaġġi u t-tluq (“Ħlewwiet it-tluq”, “Metamorfosi falza”, “Titbekka t-telfiet”, “Memoriji maħruqa”). Il-qari ta’ din il-ġabra jlaqqgħek ma’ binarji diversi, li setgħu kienu tiegħek jew fil-fatt huma tiegħek. Li hu żgur li dawn il-binarji jħeġġuk tistaqsik jekk mhux dwarek, dwar dak li qiegħed jiġri bejn il-binarji.

More in Arti