Kotba | Hemm xi ħaġa taħt is-sodda!

Noel Tanti jikteb fuq il-mostri ta’ Il-Kreatura Taħt is-Sodda, u Alfie li biex jipproteġi lil familtu ma baqax jinħasel. Imma tista’ taċċetta xi ħadd li ma sar moqżież? 

Wara s-suċċess li kellu Simon Bartolo b’Il-Kreatura tal-Bir (Merlin Publishers, 2020), l-ewwel volum mit-triloġija Ruxxmata Kreaturi, ħafna kienu dawk li qed jistennew bil-ħerqa t-tieni ktieb. Is-sena l-oħra nqatgħetilhom xewqithom u ħareġ Il-Kreatura Taħt is-Sodda. Ma naħsibx li l-ammiraturi ddiżappuntaw ruħhom għax Bartolo żamm mal-istess formola tal-ewwel wieħed: ġrajja li tiżfen bejn l-orrur u l-kummiedja; karattri eċċentriċi imma simpatiċi; ritmu vivaċi li ma jiddejjaqx jieħu ħinu meta hekk tirrikjedi l-istorja. 

Mhux ta’ b’xejn li l-istejjer ta’ Bartolo huma daqstant imfittxija mit-tfal, l-adolexxenti u l-adulti: hemm ftit għal kulħadd. 

Meta kont qed naqra l-kapitli introduttivi ta’ Il-Kreatura tal-Bir, niftakarni nħossni skomdu ħafna. L-istorja tibda b’żewġt itfal li qed jgħixu m’ommhom biss għax missierhom għeb. Ir-raġuni għalfejn Alfie (il-missier) telaq ma kinitx waħda mistennija – ma qalibhiex lil martu, jew kien għaddej minn kriżi tal-mezzetà, jew spiċċa l-ħabs. Il-missier telaq għax waqaf jinħasel u l-intiena tiegħu saret insopportabbli. 

Fit-tmeninijiet, il-ħassieba u kittieba Bulgara Julia Kristeva għamlet ħoss fiċ-ċrieki tal-kritika letterarja u l-psikanaliżi meta ħarġet bil-kunċett tal-‘abbjett’. Bażikament qalet li l-abbjett huwa mod kif xi wħud iwarrbu nies, oġġetti u ideat li ma jikkonformawx man-normi stabbiliti ta’ soċjetà jew moralità partikolari. Din it-theddida lejn il-konvenzjoni mhi xejn għajr l-intrużjoni ta’ realtà oħra f’waħda dominanti. Pereżempju, il-barranin jaf jitqiesu slavaġ, inferjuri, ġellieda, xellerati u miljun ħaġa oħra; mhux għax fil-verità jkunu hekk imma għax l-identità u l-użanzi tagħhom, minħabba li huma differenti, jiddisturbaw is-soċjetà li jinsabu fiha. Jista’ jkun ukoll li tali sitwazzjoni ttella’ fil-wiċċ affarijiet li s-soċjetà kienet stinkat biex tirreprimi u għalhekk il-preżenza tal-barranin iddarras. Minħabba f’hekk, jisfaw emarġinati u mmalafamati. 

Meta qed nitkellmu dwar l-orrur, ħafna drabi l-abbjett jieħu xejra moqżieża u/jew marradija. Hemm numru ta’ mostri, bħalma huma l-vampiri, il-likantropi u ż-żombi, li huma assoċjati mal-infezzjoni. Jekk jigdmuk se ssir bħalhom. Jekk il-bżieq tagħhom jitħallat mad-demm tiegħek jinfettawk, eżattament bħal marda li tittieħed. 

Nafu kemm it-tniġġis iqanqal biża’ qalil: għadna kif għaddejna mill-pandemija tal-Covid. Waħda mill-prekawzjonijiet l-iktar effettivi biex ma jinxteridx il-virus kienet propju l-ħasil tal-idejn bis-sapun jew bid-diżinfettant. L-idea li qed inġorru mostru ġo fina u li dan qiegħed ftit ftit jagħmilna tiegħu jew bħalu, u li qed jużana sabiex inxerrdu l-istess marda ma’ ħaddieħor, hija xi ħaġa terrifikanti. F’daqqa waħda sirna l-għedewwa tagħna nfusna.  

Għalhekk ħassejtni anzjuż jiena u naqra Il-Kreatura Taħt is-Sodda. Is-sens tal-abbjett kien qawwi minħabba li Alfie sar moqżież. Mhux krudili jew qalbu ħadra – imma maħmuġ. Ir-raġuni wara għemilu kienet li ried jipproteġġi lill-għeżież tiegħu mill-Imħalla, dik il-kreatura li tgħix fil-bjar u fl-ispieri, li tħobb il-maltemp u x-xita, u li tobgħod il-ħmieġ. Għaldaqstant, Bartolo poġġa lilna l-qarrejja f’pożizzjoni antipatika immens: min-naħa qed nistmerru lil Alfie għax hu moqżież; min-naħa l-oħra, inħossu għalih u għal familtu. 

It-taqbida bejn l-indafa u l-ħmieġ titkompla f’Il-Kreatura Taħt is-Sodda. Din id-darba l-mostru huwa l-Imniefaħ, ħlejqa li hi letteralment magħmula miż-żibel u mit-tentuf. L-Imniefaħ jikbru u jitqawwew iktar ma jġorru ħmieġ magħhom. (Ma jonqsux il-botti, f’lokhom, dwar kemm għandna ħmieġ u trab fit-toroq Maltin.) 

Nammetti li għall-ewwel kont kemxejn xettiku dwar kif tentufa setgħet tixxenxel b’biżżejjed mostrożità li tinħass theddida kredibbli. Imma Bartolo jaf il-ġeneru li qed jikteb fih tajjeb ħafna u għandu pedamenti sodi fuq xiex jibni l-istorja tiegħu. Minkejja li t-tentufa hi essenzjalment miġemgħa trab u għabra, Bartolo għanieha b’intelliġenza u makakkerija krudili. Mingħajr ma nikxef iżżejjed, għax ma rridx inħassar il-festi ta’ min se jaqra l-ktieb, it-tentufa fakkritni ħafna fil-film Amerikan The Blob (1958). 

Minħabba li l-ambjent naturali tat-tentufa huwa l-ħmieġ, l-indafa għandha rwol estremament importanti fil-ktieb. L-ilma li jġorr u li jnaddaf huwa element li niltaqgħu miegħu kemm-il darba, sew jekk inhu nieżel minn bwieb is-sema u sew jekk qed jixxappap mal-art bil-mopp. Iżda li żżomm kollox pupilla hija stennija diffiċli daqskemm hi impossibbli, speċjalment meta tqis li ammont mhux ħażin tat-trab li jkollna f’darna huwa magħmul mill-ġilda niexfa u x-xagħar li nwaqqgħu aħna stess. Għal darb’oħra, aħna simultanjament parti mis-soluzzjoni u mill-problema. 

Bħalma l-baħar għandu żaqqu ratba u rasu iebsa, l-ilma fl-istorja ta’ Bartolo huwa xafra li taqta’ miż-żewġ naħat. Dawk li ‘jinbelgħu’ mill-Imniefaħ jispiċċaw fil-Baħar tan-Niket bla Tarf. Hawnhekk l-ilma jieħu dimensjoni oħra. Minflok ma hu oġġett li jiġġenera l-ħajja u t-tama, il-Baħar tan-Niket bla Tarf huwa spazju li jtaqqal ir-ruħ. Dawk li jispiċċaw hemm jaqgħu f’apatija eżistenzjali estrema, f’qiegħ ta’ sodda fi speċi ta’ koma. 

(Min ra l-film Under the Skin (2013) ta’ Jonathan Glazer, żgur se jara similaritajiet bejn l-ispazju vojt iswed fejn jinħasdu n-nies u l-post li jiddeskrivi Bartolo.) 

It-taqbida mal-Imniefaħ tintemm f’dan il-volum imma l-istorja se tkompli fil-ktieb li jmiss. Fl-aħħar ta’ Il-Kreatura Taħt is-Sodda, Bartolo firex tapit eċitanti ferm għall-aħħar puntata fis-sensiela. Sa ċertu punt, minkejja li kkommetta ruħu għal tliet kotba, hemm xi ħaġa fija li kieku tixtiequ jbill ftit sebgħu fl-assurd u jagħmel kif għamlu oħrajn qablu: pereżempju jikteb triloġija b’ħames kotba. Permezz ta’ dawn il-mostri, Bartolo qabad vina rikka li, imżewġa mal-ħiliet narrattivi tiegħu, kapaċi trendi ħafna. 

More in Arti