L-aħħar preparamenti għall-11-il edizzjoni tal-Valletta Baroque Festival li jinkludi 36 kunċert

Id-Direttur Artistiku Kenneth Zammit Tabona sostna li l-edizzjoni ta’ din is-sena tinkludi diversi ġeneri li jwasslu interpretazzjoni unika ta’ mużika ta’ dan il-perjodu

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern lokali Owen Bonnici ħabbar id-dettalji dwar il-11-il edizzjoni tal-Valletta Baroque Festival, li ser jittella’ bejn il-11 u d-29 ta’ Jannar 2023.

Il-Ministru Bonnici spjega kif dan il-festival prestiġjuż ser iservi ta’ pjattaforma għal 36 kunċert li ser jittellgħu f’20 post differenti madwar Malta, li jinkludu l-Auberge de Provence, il-Gran Salon, il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u t-Teatru Manoel, fost oħrajn.

“Il-Valletta Baroque Festival ser jospita fost l-aktar artisti u ensembles prestiġjużi tal-mużika barokka f’pajjiżna. Dan juri biċ-ċar kemm il-kultura hi dinamika u taf toħloq diversi opportunitajiet li jkopru n-niċeċ kollha tal-ekonomija kreattiva,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Min-naħa tiegħu, ċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra stqarr li “l-Valletta Baroque Festival huwa kalamita għat-turiżmu kulturali fejn jattira dilettanti tal-mużika barokka minn madwar l-Ewropa kollha, li jiġu Malta apposta għall-esperjenza barokka ħolistika li joffri dan il-festival, aspett li jagħmel dan il-festival tant uniku. Dan huwa parti integrali mill-missjoni ta’ Festivals Malta – li jistabbilixxi Malta bħala destinazzjoni ewlenija tal-festivals Ewropej.”

Din hija t-tieni edizzjoni li Festivals Malta qiegħed jorganizza minn mindu l-festival żdied mal-portafoll tal-aġenzija lura fl-2021. “Il-Valletta Baroque Festival ċertament jikkumplimenta l-portafoll rikk ta' festivals kulturali tagħna, filwaqt li jipprovdi opportunità oħra sabiex Festivals Malta jkompli jgħolli l-livell tiegħu bħala l-aġenzija nazzjonali tal-festivals f'Malta," qalet Annabelle Stivala, Kap Eżekuttiv ta' Festivals Malta.

Id-Direttur Artistiku Kenneth Zammit Tabona sostna li l-edizzjoni ta’ din is-sena tinkludi diversi ġeneri li jwasslu interpretazzjoni unika ta’ mużika ta’ dan il-perjodu, fejn spjega li l-festival għandu elementi kemm ta’ rock u jazz, kompożizzjonijiet orkestrali tas-seklu 20, kif ukoll dawk kontemporanji.

Il-Festival ser jibda bil-kunċert ‘The Dettingen Te Deum and other Handelian hits’ fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, b’prestazzjoni mill-Valletta Baroque Ensemble u Kor Malta, taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Christian Curnyn. Il-festival jikkonkludi b’Mass in G (World Premiere) tal-kompożitur Italo-Malti Girolamo Abos, li ser tittella’ mill-Monteverdi Project flimkien ma’ Cantar Lontano, taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Marco Mencoboni, fil-knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta. Uħud mill-artisti f’dan il-Festival huma Mahan Esfahani, Charlie Siem, Gabetta Consort ma’ Valer Barna-Sabadus, Vasillis Varvaresos, Avi Avital, fost ħafna oħrajn. Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, ser jerġaw jirritornaw ukoll The Rock Troupers flimkien mal-Valletta Baroque Ensemble bil-proġett tagħhom BaRock li ser jittella fit-Teatru Manoel.

Il-Valletta Baroque Festival qed jiġi organizzat minn Festivals Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Teatru Manoel u Visit Malta u ser isir bejn il-11 u d-29 ta' Jannar 2023. Biljetti u iktar informazzjoni huma disponibbli fuq www.festivals.mt.

More in Arti