Kotba | Wiċċ jew irġejjen

Charles Xuereb ikompli joftoq l-istorja ta’ Malta u l-mod kif il-memorja tal-imgħoddi tibqa’ tieħu l-ħajja fil-preżent. Did-darba jdur għall-Ingliżi. Mark Vella jirrifletti dwar Decolonising the Maltese Mind (Midsea, 2002), anki billi jħares lejn l-għeruq kulturali personali tiegħu stess

L-aħħar xogħol ta’ Charles Xuereb la jikkonfermah bħala frankofilu ferventi u lanqas bħala xi anti-Brittaniku, imma Malti li jixtieq jifhem x’għandu jkun billi jħares lejn minn fejn ġej. Minn fejn ġejjin, madankollu, daqsxejn żurżieqa tistordik għalina l-Maltin: għax kif żviluppat l-istorja moderna tagħna, bis-sisien tad-duwaliżmu strett li jwassalna għall-partitiżmu tal-lum, trid donnok l-ewwel tagħżel, qabel ma tkun Malti, u qabel jekk intix minn fuq jew minn isfel, jew mal-blu, l-aħmar jew liema lewn ikun, jekk b’xi mod intix assoċjat mal-Italja jew l-Ingilterra. Mhix biss kwistjoni ta’ ballun, għalkemm dak sintomu li huwa wkoll irreġistrat bi sfumatura storika u politika importanti, iżda anki għaliex in-nazzjon modern tagħna għex snin twal ħafna jissielet bejn l-influwenza kulturali millenarja ġejja ‘naturalment’ mill-ġirien u dik imposta, daqqa bil-forza u daqqa bl-ebusija tad-diplomazija ratba, mill-ħakkiem imperjali.

Hija wkoll ferita miftuħa għal bosta Maltin li jsibu ruħhom f’waqtiet fejn, għalkemm inċerti dwar l-identità tagħhom – jiftaħru bil-Kinnie u l-pastizz, imma ma jafux x’għamel eżatt Mikiel Anton Vassalli, biex nagħtu eżempju grossolan daqskemm hu verosimili – xorta ma jridux jinqabdu f’dikotomiji ta’ ma’ min int u lejn fejn ixxaqleb u li jixhdu l-kumplessità tas-sens tan-nazzjonalità tagħna. Inħobb, fil-fatt, nikkwota stħarriġ ta’ James Debono li kien deher fuq il-MaltaToday fl-2012 fejn id-demografija tad-dilettanti tal-futbol uriet distinzjoni ċara bejn il-Laburist li jżomm mal-Ingliżi u n-Nazzjonalist li jżomm mat-Taljani. Kull meta nsemmiha, nofs b’ċajta, ikunu jridu jikluni: mhux għax ma jagħrufx il-verità statistika, iżda għax l-ispirtu nazzjonali tagħna huwa essenzjalment wieħed mibni fuq l-inċertezza u l-konfużjoni.

Xuereb jikkwota spiss lill-magħruf studjuż Frantz Fanon u jużah sikwit bħala s-sies għall-istħarriġ tal-identità f’qagħda fejn il-kolonizzat kemm-il darba jissielet biex isir bħall-kolonizzatur. Magħruf fost l-oħrajn għall-insistenza tiegħu li l-istatwa tar-Reġina Vittorja ma tibqax tokkupa ċ-ċentru prominenti tal-Belt, l-awtur janalizza t-tiftixa kurrenti Maltija għall-identità permezz ta’, fil-biċċa l-kbira, il-mod kif il-memorja tal-aħħar ħakkiem baqgħet titnikker tant f’moħħna bħala poplu. Memorja li mhijiex biss tifkira jew rakkont imbiegħed mgħoddi minn ġenerazzjoni għal oħra, imma element attiv li jinkwetana, fis-sens li jiddettalna l-għażliet, bħal fil-każ riċenti u biżarr tal-Ministru tal-Finanzi li għażel li jbiddel, mill-fondi personali tiegħu, il-bagalja tal-baġit għal waħda ħamra, bħal tal-Kanċillier tal-Iskakkier Brittaniku. Dan il-volum fil-fatt miżgħud referenzi għal bosta ġrajjiet reċenti u jixhed attenzjoni kbira min-naħa tal-awtur għal kif din il-persistenza kulturali tassew tolqot bosta mill-manifestazzjonijiet identitarji attwali tagħna.

Issa jien din inħossha ħafna. Familti anglofila tboss, in-nanna kienet iżżomm album bil-cuttings tal-gazzetti dwar Eliżabetta t-Tieni. Tlajt u kbirt sal-ewwel adultezza bil-mużika pop Ingliża, minkejja li bnejt bażi kulturali u ta’ tagħrif ġenerali mit-televixin Taljan. Tant li spiċċajt iżżewwiġt Taljana (Sqallija, allura wisq eqreb lejja bħala Malti) u l-finali tat-Tazza Ewropea bejn l-Italja u l-Ingilterra rajtha mal-kunjatu u ħatni jagħmlu l-qrun kull meta l-kamera talqeb għal fuq il-partitarji Ingliżi, preċiż bħalma konna nagħmlu jien u missieri, imma bil-kontra. L-Ingliżi rajt il-konferma tal-kobor tagħhom fl-isfilata li kienu organizzaw għall-Olimpjadi ta’ Londra, imma għidli nemigra lejn l-Italja u nitlaq minnufih. Imma t-tnejn pajjiżi kbar li għandhom l-arroganzi tagħhom kif ukoll id-dnubiet mejta imperjali, u jien, min-naħa l-oħra, ġej minn pajjiż żgħir bl-insikurezzi spiss kattivi tiegħu. U allura, jien x’jien?

Nimmaġina li Xuereb, b’xi mod, dak li qed ifittex, u kapaċi anki jissimpatizza ma’ din l-iskizofrenija li b’xi mod issawwar kull Malti, mill-inqas sal-ġenerazzjoni tiegħi. L-analiżi tiegħu hija waħda innovattiva anki fis-sens editorjali, fejn l-istorjografija rikka tagħna xorta waħda ma tantx donnha taħdem biex tindirizza l-miti. Għandna għadd ta’ storiċi li qed jagħtuna dejjem stampa aktar kompluta ta’ waqtiet tal-imgħoddi, anki mil-lat tant meħtieġa tal-mare magnum/terra incognita tar-riċerka, imma tgħoddhom fuq id waħda dawk li jittantaw jaraw il-passat b’idea programmatika għall-preżent.

Xogħol Xuereb did-darba jżomm l-istess attitudni ta’ France in the Maltese Collective Memory (Malta University Press, 2014), imma l-esperjenza kolonjali hija ovvjament waħda rikka mil-lat li tinteressa lill-awtur. Interessanti għalhekk sew il-ħidma tal-Ingliż biex jipplażma lill-Malti fix-xbieha tiegħu, anki għax annimal stramb Nisrani, qisu Taljan jekk trid, u mhux iswed, imma anki l-kunċett tal-‘preżentiżmu’ fejn il-memorji jiġu msawra jew ivvintati biex jaqdu interessi dominanti. Ma naħsibx li jsemmiha, imma ftakart fil-kontroversja komika dwar il-pastizz offrut minn Joseph Muscat lid-dinjitarji barranin għand is-Serkin, u biċċa ġustifikazzjoni li kienet tat Anne Fenech dak iż-żmien li l-pastizz familtha kienet toffrih lill-AmmiralI meta jżurhom. Ġrajja li tant tgħallem, f’dan il-każ, dwar kif anki oġġett identitarju sempliċi għandna aktar minn storja għalih, u anki l-ħajta komuni li bih, inkonxjament, immilu għall-barrani jew inkella nittantawh joqrob lejna.

Is-saħħa tal-aħħar xogħol ta’ Xuereb tibqa’, madankollu, l-istint propożittiv u programmatiku. Kważi kważi, jekk timmedeżima ruħek f’moħħ il-kittieb qed isawwar dax-xogħol, jaf jiġik li tħabbat rasek mal-ħajt, speċjalment quddiem l-ovvju, bħal meta tara mappa tal-monumenti l-Belt u l-ispazji kkontestati mat-tifkiriet tal-Ingliżi, imma anki mkejjen oħrajn bħala Villa Gwardamanġa, meta mbagħad, kif iniżżel Xuereb, hemm ħemel Maltin ċelebri li m’għandhomx residenzi memorjali ppreżervati. Xuereb għalhekk jittanta jmexxi d-dekolonizzazzjoni, għalkemm jidher waħdu f’dan ix-xogħol. Forsi l-qari ta’ dan il-ktieb aċċessibbli għall-aħħar jista’ jservi biex ineħħi għamad minn quddiem għajnejna biex tinkixef panorama tassew friska u eċitanti dwar kif jista’ jkun il-Malti tassew ġdid u ħieles tal-jiem li ġejjin.

More in Arti