Kotba | Kustilji u mgħażel

L-ewwel rumanz ta’ Nadia Mifsud, issa stabbilita sew fil-poeżija sew fin-narrattiva, huwa eżempju ieħor ta’ kitba minn mara li tistħarreġ id-dinja mill-esperjenza femminili, aktar milli l-ħajja tal-mara kif distinta mir-raġel jew inkella bħala estensjoni jew deklinazzjoni tiegħu. Mark Vella fl-aħħar jaqra Ir-Rota Daret Dawra (Kważi) Sħiħa

L-ewwel xogħol narrattiv ta’ Nadia Mifsud qrajtu l-aħħar. Il-qarrej sikwit ikollu dawn id-dilemmi dwar x’seta’ żammu milli jaqra ktieb li kien ilu ż-żmien jiċċassa lejh minn fuq l-ixkaffa, inkella jpespislu bla heda biex ma jibqax jittratieni u donnu jsaqsih ’l għala ta’ dan id-dewmien. Ir-Rota Daret Dawra (Kważi) Sħiħa (Merlin 2017) issa ilu li ħareġ, u spiċċajt iltqajt f’waqtha mal-proża ta’ Mifsud erba’ snin wara bin-novelli ta’ Żifna f’Xifer Irdum (Merlin 2021) li rreċensejt b’entużjażmu.

Li jolqotni, madankollu, qabel ma nidħlu għall-merti ta’ dan ir-rumanz, huwa kemm Nadia Mifsud, minkejja l-premji u n-nomini, anki għall-poeżija, donnha ma tissemmiex. L-aktar minn sħabha l-awturi, u din mhux fil-konfront tagħha biss, iżda anki għal oħrajn li jkun ħaqqhom rikonoxximent u tifħir. Ma rridx niftiehem ħażin, għax dan mhux is-soltu argument għajjien dwar il-klikek: anzi, forsi, huwa dibattitu dwar it-timidezza, fin-nuqqas ta’ deskrizzjoni aħjar, ta’ bosta fi-dinja tal-ktieb biex jitkellmu dwar il-kisbiet tal-kollegi tagħhom. Għal darb’oħra, mhijiex obbligatorja li tħobbhom kollha lill-kittieba sħabek, u anzi, l-aktar hawn Malta, ikun hemm kieku bżonnha daqsxejn rivalità tajba, forsi anki xi ħaġa bejn l-ikkuljunar u l-mibegħda biex tixkupa ’l hinn il-pedestalli żlugati. Imma meta x-xogħol jurik biċ-ċar, dak li jkun tistennieh jitkellem aktar, mhux biss bħala tifħir u pubbliċità, imma anki fis-sens tal-kritika u d-diskors dwar il-letteratura: taħditiet importanti li jmorru lil hinn mill-patina pubbliċitarja jew mix-xorti, l-inzertaturi u l-fama koinċidentali.

Fil-każ ta’ Rota, u b’tentattiv attent li ma naqax fin-nassa ta’ xi xorta ta’ tokenism favur in-nisa, għandna eżempju ieħor ta’ kitba femminili — għalissa, fis-sens għax ħarġet minn awtriċi, mara — li tassew jirnexxilha tara d-dinja u l-esperjenza umana (b’mod alternattiv jew kumplimentari, wieħed irid jara) bis-sens ta’ kif tista’ tgħixha mara. Dan jagħmluh bosta nisa kittieba kontemporanji oħrajn, f’mument importanti fejn il-mara kittieba mhi la leħen kiebi jew sottomess, u lanqas leħen banalment ‘roża’, iffjurit, u sentimenti ħelwin zokkor, imma li qed jirnexxilhom iwasslu d-dinja kif mgħejxa minnhom, anki lil hinn mill-kromożomi u l-bijoloġija.

Dan ifisser li mara ma tiktibx b’mod differenti għax twieldet mara, imma għaliex il-fatt li hija mara f’soċjetà partikolari jfisser li bħala mara taf tara u tgħix d-dinja b’mod differenti mir-raġel, li tiegħu hija bilfors il-viżjoni l-aktar dominanti, l-aktar magħrufa, l-aktar viżibbli. Rota huwa dwar omm u bintha, dwar it-traġedji u l-imwiet, imma d-dulur għall-ulied li jinħass tul dan ir-rumanz jasal bħala wieħed universali li jħossu kulħadd, u li ma jimpurtax jekk miktub minn mara jew raġel, imma l-aqwa li miktub tajjeb. Min-naħa l-oħra, jekk nibqgħu niddiskutu x’jagħmlu r-raġel u l-mara, id-disprament għaddej tul ir-rumanz donnu tani idea tad-disprament tal-ġenitur għall-bint f’American Pastoral ta’ Philip Roth: iktar milli paragun imġebbed, narah bħala l-konferma ta’ kif l-esperjenza tiġi tradotta tajjeb fil-kitba, imma wkoll ta’ kif din l-istess esperjenza tista’ anki tingħex bi kwalità differenti, mhux minħabba li sess jew ieħor iħoss aktar, imma preċiżament għax l-għajxien materjali tagħha/tiegħu fid-dinja huma esperjenza differenti, anki soċjali.

Hija l-kitba friska li dan l-aħħar qed nibdew nidrawha, kif naraw mix-xogħlijiet uniċi ta’ xi Loranne Vella u mill-vija x’aktarx maqbuda l-ewwel b’direzzjoni ċara minn Clare Azzopardi, speċjalment f’Il-Linja l-Ħadra, skoperta oħra tal-Merlin, issa fl-imbiegħed 2007. Hija għal darb’oħra viżjoni femminili bl-uniċità u l-ispeċifiċità tagħha, imwielda indipendentement u mhux bħal mod kustilja mill-ġisem maskili. F’Rota, għalhekk, nitqarrqu jekk nitkellmu biss dwar dan ir-rumanz bħala wieħed li jittratta omm u bint, bil-missier jaf kemxejn imwarrab anki strateġikament, imma dejjem qegħdin nitkellmu dwar persuni, f’dan il-każ marbuta bl-aktar parentela intima.

It-titlu tar-rumanz jilgħab bit-tifsira metaforika komuni tar-rota: il-moviment ċirkolari li jaf ikun implikat fir-riproduttività tal-ħajja tagħna, fejn ġenitur jistenna li jrodd xejra ta’ ħajja simili jew aħjar, jekk mhux egoistikament identika, lil uliedu, spiss sforz tal-imħabba unika, u bit-tama li kollox jerġa’ jiġi għal li kien. L-aktar tal-mara li għandha r-rwol, imma għal darb’oħra, l-esperjenza unika u singulari li tiled hi minn ġisimha u tibqa’ żżomm rabta fundalment bijoloġika li minnufih tieħu dimensjoni spiritwali u senswali. Imma hija wkoll il-famuża rota li nqabblu d-dinja magħha, li mhux bilfors iddur kif nistennewha ddur, u bin-nies imgħażel li jafu wkoll jinkisru u jitħassru, u jzappu l-mixi ta’ din ir-rota ċċeklem tul triq il-ħajja.

F’Rota, għalhekk, insibu mara li tgħaddi minn wieħed mill-akbar żmakki li tista’ ttik il-ħajja. Storja li ġejja u sejra lura fiż-żmien, b’riflessjonijiet mgħobbija nostalġiji ħelwin, iżda fuq kollox, dubji, ħtijiet u rimorsi, anki kif muri b’sengħa bil-konfront neċessarju li jagħmlu l-ġenituri ma’ wliedhom differenti, anki jekk ħarġu mill-istess ġuf. U bħalma n-nisa kollha mhumiex l-espressjoni ta’ dik il-kustilja waħdanija ta’ Adam, l-istess l-ulied, u l-istess l-istejjer individwali tagħhom u tal-ġenituri, u d-dinamiċi kumplessi bejniethom.

Rota jaf jitqies anki bħala kontrapunt, iktar milli kontrapiż, għal teżi oħra dwar il-ġenitorjalità bħalma hu Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) ta’ Immanuel Mifsud, koinċidentalment tradott minn Nadia għall-Franċiż. Anki jekk Fl-Isem huwa fid-deher ġrajja dwar l-irġulija, bl-istess mod bħal Rota, kapaċi jittraxxendi d-differenza kromożomika, u l-esperjenza maskili neċessarja xorta waħda ssir waħda li tgħix kontinwament imdendla fid-dubju u fil-mistoqsija, kif ukoll bi sfida ta’ dik l-istess esperjenza ddettata mill-ġeneru u l-manifestazzjoni storika u soċjali tiegħu. L-istess f’Nadia Mifsud, fejn jingħata privileġġ lill-esperjenza femminili, unika ġa fiha nfisha, iżda mhux neċessarjament aħjar jew differenti minn tar-raġel, imma x’aktarx unika wkoll għax preżumibilment mara tafha aħjar.

Fl-aħħar mill-aħħar, għalhekk, immaterjali huwiex nitkellmu dwar bniet u subien, nisa jew irġiel. Rumanz ġa matur bħal dan ta’ Mifsud jitwieled sew mill-ħila tal-kittieba u l-esperjenza li tagħżel li tirrakkonta, imma anki minn għarfien ogħla ta’ xi tfisser din l-esperjenza f’dinja li sikwit tilbes nuċċali patrijarkali u li tispiċċa anki tissottometti l-mara għal deklinazzjonijiet ‘femminili’ li mhux bilfors jappertjenuha. Rota huwa xogħol li jirrakkonta traġedja u jirrakkonta mħabba, u fil-waqtiet sakemm ir-rota tkun qiegħda tittanta d-dawra sħiħa, jippenetra l-irkejjen mudlama ta’ esperjenza u li spiss iebsa tarahom fiċ-ċpar tad-dawrien tal-eżistenza.

More in Arti