Kotba | Speċjali

Mark Vella jagħti titwila lejn tliet kittieba mogħtija rikonoxximent speċjali dis-sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb: ilħna minn tliet ġenerazzjonijiet u ġeneri li jixhdu l-wirt u s-saħħa tal-kitba u r-riċerka Maltija

Fost innovazzjonijiet varji li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb wettaq tul is-snin biex ikompli jippromowovi kultura tal-kotba u tal-qari, hemm ir-rikonoxximenti speċjali li jingħataw kull sena waqt iċ-ċerimonja annwali tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Dawn huma l-premji għall-Awtur jew Awtriċi Emerġenti, il-ħatra tal-Poeta Lawreat, u r-rikonoxximent għall-kontribut u l-karriera permezz tal-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura. 

Matthew Schembri: żgħożija prolifika u diġà innovattiva 

L-awtur emerġenti għall-2022 huwa Matthew Schembri, li l-ħidma letterarja tiegħu ma tistax ma titqiesx bħala mżewġa mal-produzzjoni artistika u mal-esperimentazzjoni. Schembri, imwieled fl-1993, huwa artist viżiv attiv li diġà rebaħ il-Premju għall-Aħjar Artist Żagħżugħ 2017 mill-Kunsill Malti tal-Arti, b’xogħlijietu eżibiti anki barra minn Malta. Fil-każ tal-letteratura, ippubblika Stessi (Merlin, 2018) (rebbieħ tal-konkors tal-kitba tal-letteratura żagħżugħa) li huwa rumanz għaż-żgħażagħ adulti iżda li diġà juri maturità u oriġinalità fl-espressjoni tiegħu, b’ħarsa lejn l-identità ġdida tal-ġenerazzjoni Z u Alpha u s-soċjetà msejsa fuq l-ispettaklu u l-immaġni. Bħal Schembri, hemm boton kittieba interessanti oħra, bħal xi Stephen Lughermo, li qed jippruvaw jinsfrundaw f’dan il-ġeneru li jittanta jkellem lill-qarrej żagħżugħ b’mod mhux tas-soltu u żgur inqas patronizzanti minn dak ta’ għadd ta’ predeċessuri. Ħidmet Schembri, madankollu, ġa laħqet quċċata importanti b’Ħassartek (2021), sewgitu għal Stessi li jisfida d-definizzjoni ġenerika, fejn l-awtur jidħol għal proġett bħallikieku ta’ anti-collage billi jħassar biċċiet ewlenin mir-rumanz tiegħu biex joħloq opra kurjuża li titbandal bejn il-grafiku u l-poetiku, u li tagħti idea matura tar-reviżjoni kostanti tal-proċess artistiku u awturjali li jagħraf l-element effimeru ta’ kwalunkwe xogħol artistiku. 

Ġibuli r-rand, ir-rand li jħaddar dejjem 

L-onorifiċenza tal-Poeta Lawreat hija introduzzjoni riċenti f’Malta u, għalkemm spiss assoċjata mar-Renju Unit, hija kariga li ssibha f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, u biha jinħatar poeta kull sena biex b’xi mod ikun bħallikieku l-leħen poetiku tan-nazzjon. L-idea hija li dawn il-poeti jiġu kkummissjonati biex jiktbu xogħlijiet għal okkażjonijiet nazzjonali speċjali, iżda jidher li dan għadu mhuwiex il-każ f’Malta, u dan l-unur qiegħed hemm biex jonora poeti li jkunu rebħu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-kategorija tal-poeżija darbtejn. Nadia Mifsud, ir-rebbieħa ta’ din is-sena, hija kittieba li teċċella wkoll fin-narrattiva, bir-rumanz Ir-Rota daret dawra (kważi) sħiħa (Merlin 2017), u rebbieħa tal-premju #abbozz u n-novelli miġbura Żifna f’xifer irdum (Merlin, 2021), iżda l-karriera tagħha bdiet bil-poeżija. L-aħħar ġabra tagħha hija Varjazzjonijiet tas-Skiet, pubblikazzjoni lussuża oħra ta’ Ede Books maħruġa s-sena l-oħra u rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, pubblikazzjoni li tippreżenta l-eleganza tal-vrus senswali ta’ Mifsud li tkompli sseddaq il-leħen femminili poetiku awtentiku u l-projezzjoni poetika tal-mara fil-kompletezza sew intima sew soċjali tagħha. L-ewwel Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-kategorija tal-poeżija kisbitu permezz ta’ Kantuniera ’l Bogħod (Edizzjoni Skarta, 2015). 

Premju interessanti għall-potenzjal li jista’ jkollu, fejn il-poeta jkun tassew leħen li kapaċi jinterpreta ħsus in-nazzjon, iżda rwol li kieku jkollu jitħares b’attenzjoni mill-kollużjoni mal-poter. 

Storiku ta’ żmienna 

Premju li jingħata lill-veterani tal-kitba u jinkludi kull kittieb anki dawk non-letterarji. Din is-sena ngħata bix-xieraq lill-Professur Henry Frendo, storiku eminenti li bħall-boton tal-ġenerazzjoni tiegħu u ta’ wara, minn Wettinger u Mallia Milanes sa Fenech, Dalli u Cassar, jagħtu stampa rikka u ġdida tal-istorja ta’ Malta speċjalment minn ottiċi soċjoloġiċi u anki popolari. Minbarra x-xogħlijiet marbuta mal-istorja kolonjali u mal-bidu tas-seklu 20, kif ukoll wieħed mill-aħħar xogħlijiet dwar id-dijaspora Maltija, Frendo jibqa’ mfakkar għall-ewwel studju dwar Manwel Dimech f’Lejn Tnissil ta’ Nazzjon (1971), wieħed mill-ewwel pubblikazzjonijiet storiċi tal-Klabb Kotba Maltin, xogħol li minkejja li kien l-ewwel tentattiv ta’ gradwat frisk fl-istorja xorta waħda wera l-passi kbar li kienu bdew jittieħdu fl-istorjografija Maltija. 

More in Arti