Dawra fl-akbar belt ta’ Malta; L-ILLUM dwar l-kurżitajiet, il-misteri u l-istorja tal-Addolorata (2)
F’sensiela ta’ artikli, f’dan ix-xahar li fih niftakru f’dawk li ħallewna, il-gazzetta ILLUM iżżur iċ-Ċimiterju tal-Addolorata u tesplora l-kurżitajiet, il-misterji u l-istorja tiegħu flimkien ma’ Eman Bonnici li jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-akbar belt f’Malta
Il-gazzetta ILLUM tkompli ddur aktar monumenti, oqbra u partijiet interessanti taċ-Ċimiterju tal-Addolorata biex tapprezza mhux biss l-arti li jinkludi imma anke tesplora l-istejjer, il-kurżitajiet u xi drabi l-misteri fih.
Inkomplu nduru l-Addolorata ma’ Eman Bonnici, responsabbli mill-amministrazzjoni u awtur ta’ ktieb dwar l-Addolorata li minnu se nisiltu wkoll xi informazzjoni.
Din il-ġimgħa nduru aktar monumenti interessanti, inkluż l-aktar wieħed popolari u anke nitkellmu dwar is-serq u l-parti li kienet magħrufa bħala ‘l-Miżbla.’
Il-ġimgħa d-dieħla nitkellmu fuq aktar oqbra partikolari, kappellel u l-istatwi li wieħed isib fl-Addolorata.
‘Miet fuq Ommu’ – L-aktar monument famuż fl-Addolorata
Il-gazzetta ILLUM kompliet iddur l-Addolorata ma’ Eman Bonnici u ż-żjara li jmiss kienet lill-aktar monument popolari li wieħed isib u li dwaru hemm ħafna leġġendi għalkemm l-ebda waħda minnhom ma hi veritiera.
Tant kemm huwa popolari, li anke din iż-żona fiċ-Ċimiterju hija magħrufa bħala ta’ ‘miet fuq ommu.’ Fil-fatt, Bonnici spjega li wħud mill-aktar oqbra prinċipali jew prominenti taw l-isem liż-żona li fihom jinstabu u hekk dawk li jaħdmu fiċ-ċimiterju jiftehmu aktar bejniethom, anke għax dari ma kinux ikunu jafu jiktbu u jaqraw.
Fost il-laqmijiet li wieħed isib għal dawn iż-żoni hemm dawn: ‘Id-Duluri l-ħoxna,” “Sette Giugno ġewwa,” “Id-dawra tal-karrijiet,” “Ta’ bla preċett,” “Taż-żejżiet kbar,” “ħdejn l-anġlu” u oħrajn.
Lura għal dan il-monument. Anke jekk huwa magħruf bħala “miet fuq ommu” dan il-monument huwa ta’ Attilio Micali li kien surmast Taljan fil-Liċeo.
Bonnici spjega li għax jolqot l-għajn u jesprimi romantiċiżmu qawwi, maż-żmien dan ħoloq diversi stejjer u diċeriji. L-aktar waħda popolari hija dik ta’ suldat Taljan li ġie jara lil ommu Malta u din bil-ferħa u l-ħasda li ħasset bis-sorpriża mietet fil-pultruna tagħha u hu bid-dispjaċir, waqa’ u miet fuqha. Minn hemm ġej il-laqam “miet fuq ommu.”
Madanakollu, Bonnici spjega li xejn minn dan mhu minnu. L-akbar ironija hija li anke jekk Micali għamel dan il-monument għal ommu Giovanna, din mhijiex midfuna f’dan il-qabar imma f’qabar ieħor ta’ ħuha Vincenzo. Fuq il-qabar fejn hi midfuna, lanqas biss hemm skrizzjoni li tfakkarha.
Din Giovanna mietet ta’ 78 sena fit-8 ta’ Frar 1903, fis-sitta ta’ filgħodu, fir-residenza tagħha fil-Furjana.
Dan il-monument mill-isbaħ huwa ddisinjat minn Gregorio Zappalà minn Sirakuża. Inħadem sena wara li mietet Giovanna fil-Funderija Nelli ta’ Ruma. Bonnici spjega li dan ma tpoġġix minnufih fuq dan il-qabar u Attilio Micali żammu d-dar tiegħu. Kieku dan il-Monument tpoġġa f’postu, Micali kien ikun issiġġilla l-qabar darba għal dejjem u hu ma kienx jindifen fih.
Dan il-monument iserraħ fuq pedistall tal-irħam bronzino, imsejjaħ “perla del brasile” u dan huwa mpoġġi fuq bażi tal-irħam maħdum minn Francesco Buhagiar tal-Ħamrun.
Apparti minn hekk, dan il-monument imponenti huwa mdawwar bi grada tal-ħadid fina stil liberty u nħadem mill-aħwa La Spada ta’ Sqallija u jinkludi sensiela ta’ lellux u peprin, simboli tan-ngħas.
Għall-istess raġuni msemmija hawn fuq, dawn l-affarijiet kollha, baqgħu jew fl-imħażen ta’ min ħadiemhom, jew fid-dar ta’ Micali, sakemm miet hu.
Minkejja dan kollu, Bonnici spjega kif għal xi raġuni, f’dan il-qabar, indifen biss Attilio li miet fis-16 ta’ Awwissu tal-1915. Micali baqa’ ġuvni. Malli ndifen, tpoġġa dan il-monument elaborat li ssiġġilla darba għal dejjem dan il-qabar.
Bonnici spjega kif dan l-istess Micali kien waqqaf il-Premio Micali fil-Liċeo għal dawk li jiġu l-ewwel fit-Taljan. Bis-saħħa tal-Fondazzjoni li waqqaf hu, min jiġi l-ewwel fit-Taljan jingħata xi ħaġa tal-flus jew kotba.
Anke jekk Micali ma kellux qraba u lanqas dixxendenti, sal-lum diversi persuni li jżuru ċ-ċimiterju mhux l-ewwel darba li jħallu xi bukkett fjuri jew xemgħa quddiem dan il-monument għax jiġbed l-għajn u jqanqal l-emozzjonijiet.
L-attakki tal-gwerra ħallew ukoll il-marka tagħhom fuq dan il-monument. Diversi toqob li fiha din l-istatwa, ġew ikkawżati b’propju minn dawn l-isplużjonijiet.
Il-Monument ta’ Paleri ... żewġha ħaseb għal kollox ħlief għal isimha
Komplejna l-mixja u sibna ruħna quddiem monument ieħor. Bħall-monument ta’ Micali u dak ta’ Alberici li rajna l-ġimgħa li għaddiet, dan il-monument ma jinkludix xi xbieha reliġjuża jew inkella xi kurċifiss bħall-maġġoranza tal-oqbra, iżda xbieha fina mmens tal-persuna midfuna.
Interessanti li minkejja sbuħija tiegħu, dan il-monument ma jġorr l-ebda skrizzjoni dwar il-persuna midfuna u kieku mhux għar-rekords taċ-Ċimiterju, ħadd ma kien ikun jaf min hu midfun fih.
Malli tarah dan il-monument jolqtok. Mara tidher kważi kważi mħassba, isserraħ fuq kolonna u mħadda fuqha u f’idha l-oħra żżomm ktieb. Li jolqtok l-aktar huwa l-finezza u d-dettalji tal-libsa ta’ din il-mara. Il-libsa tinkludi mhux biss il-piegi tal-libsa, imma anke d-disinn tagħha, donnu bizzilla, minqux fil-ġebla.
Bonnici spjega kif dan il-monument ifakkar lil ċertu Maria Paleri u ordnah żewġha Arrigo. Din il-mara mietet fl-età ta’ 33 sena fl-20 ta’ Diċembru tal-1889, f’residenza fil-Belt.
Hija ndifnet l-għada fil-ħamsa ta’ filgħaxija u minn dakinhar ma nfetaħx aktar. Isfel, fuq il-pedistall hemm post fejn setgħet titwaħħal lapida, iżda din għal xi raġuni li sal-lum għadha misteru, qatt ma tpoġġiet u l-qabar jibqa’ wieħed mhux immarkat.
“Misteru kif ir-raġel ħasbilha għal kollox ħlief għal isimha. Anke żewġha x’sar minnu? Mar lura l-Italja? Miet waħdu u spiċċa midfun fil-komun? Dawn jibqgħu misteru,” kompla Bonnici. “Dak iż-żmien kien hawn ħafna negozjanti. Jista’ jkun li kien negozjant, ġie ma’ martu Malta u sadanittant mietet hawn.”
Dan il-monument inħadem mil-iskultur Palermitan u tqiegħed fil-post fl-1892.
Eman Bonnici insista li anke jekk f’Malta dawn il-monumenti huma rari, fiċ-ċimiterji antiki fl-Italja, dan l-istil huwa komuni mmens.
“Jekk tinnota, huma l-monumenti tat-Taljani li huma hekk. It-tliet eżempji li rajna huma t-tlieta Taljani. Il-Maltin jippreferu xi xbieha reliġjuża,” kompla jispjega.
Is-serq l-akbar pjaga tal-Addolorata
Tul il-mixja madwar iċ-Ċimiterju, Eman Bonnici saħaq mal-ILLUM li l-akbar pjaga tal-Addolorata jibqa’ s-serq u l-vendikazzjonijiet.
L-aktar ħaġa komuni li tinsteraq huma l-fjuri, b’Bonnici jisħaq li ma jistax jifhem għaliex ikun hemm min jaqbad bukkett fjuri minn fuq qabar biex imbagħad ipoġġih fuq ieħor.
Ix-xemgħat u anke l-fanali huma wkoll fost l-aktar affarijiet komuni li jinsterqu. Iżda jekk il-fjuri, ix-xemgħat u l-fanali ma jiswewx ħafna flus, mhux l-ewwel darba li miċ-ċimiterju nsterqu affarijiet ta’ preġju, inkluż xogħlijiet tal-arti.
Bonnici saħaq li anke jekk illum iċ-ċimiterju huwa mgħammar bil-kameras tas-sigurtà, wieħed ma jistax jinsa li dan huwa post fuq barra, kbir u mimli siġar, ħitan u kappelli, li jagħmluha diffiċli biex il-kameras jaqbdu kullimkien.
Tul is-snin, fil-fatt, insterqu wkoll anke monumenti u bosta kienu l-każi li spiċċaw quddiem il-Qorti.
Fost dawn, fl-1974 kienet insterqet statwa ta’ Kristu tal-bronż, xogħol famuż tal-iskultur Josef Kalleja li kienet saret fl-1938. Din kienet fuq qabar privat ta’ familja. Il-valur artistiku tiegħu kien ikkumparat mal-monument ta’ Kristu Re ta’ Antonio Sciortino fil-Furjana.
Apparti minn hekk, kien insteraq ukoll bassoriljev tal-bronż ta’ San Lawrenz Levita u Martri minn fuq il-qabar tal-Kanonku Elija Spiteri tal-Birgu u l-ieħor tal-istess materjal ikkummissjonat mis-SANDS, xogħol l-iskultur Rabti Anton Agius fl-2010.
Iżda s-serq mhuwiex l-uniku pjaga. Xi drabi anke każi ta’ vandaliżmu seħħ, bħal tkissir, tfigħ ta’ żebgħa u traxxix ta’ sprej fuq l-oqbra.
‘Il-Miżbla’ ... imma għaliex tissejjaħ hekk?
Żgur li fost l-aktar partijiet magħrufa taċ-Ċimiterju hemm dik magħrufa bħala l-Miżbla anke jekk dan qatt ma kien l-isem uffiċjali ta’ din iż-żona u qatt ma ssejħet hekk mill-amministrazzjoni taċ-ċimiterju.
Din iż-żona, kienet magħrufa sempliċiment bħala l-parti profana għax kienet l-uniku parti tal-Addolorata li ma kinitx imbierka. Madanakollu, wara l-proklama tar-Repubblika, il-Prim Ministru Duminku Mintoff kien inkluda d-dritt ta’ kull ċittadin li jindifen fiċ-ċimiterju u għalhekk twaqqfet għal kollox kull forma ta’ diskriminazzjoni.
Maż-żmien, din iż-żona bdiet tissejjaħ il-Miżbla minħabba sit li kien hemm darba fil-qrib viċin il-ħajt taċ-ċimitejru. Il-kwistjoni politiko-reliġjuża tas-snin sittin tat fama kerha lil din iż-żona minħabba l-interdett impost lil-Laburisti mill-Knisja. Għalhekk, dak li kien sempliċiment laqam, issa beda jintuża b’mod dispreġġattiv.
Imma forsi ħafna jaħsbu li kull Laburist kien jindifen f’din iż-żona li kienet profana. Dan mhuwiex minnu. Fil-ktieb tiegħu, Eman Bonnici jispjega kif tul dan il-perjodu kienu seba’ biss li ndifnu f’din iż-żona minħabba t-twemmin politiku tagħhom.
Oriġinarjament, jiġifieri ħafna qabel l-interdett, din iż-żona kienet oriġinarjament maqtugħa miċ-ċimiterju b’ħajt li kien twaqqa’. Anke d-dfin kien isir kmieni filgħodu qabel is-sebħ jew filgħaxija wara nżul ix-xemx. L-ebda salib, skrizzjoni, lapida jew monument ma kien permessibbli. Flok saċerdot, il-mejjet kien ikun akkumpanjat minn Pulizija u l-karru bil-mejjet ma kienx jidħol mill-grada prinċipali.
Kellu jkun każ partikolari li waqqaf dan il-preġudizzju. Darba, l-awtoritajiet ekkleżjastiċi riedu jidfnu raġel fil-parti profana iżda dan kellu qabar privat wara l-Kappella u l-familja tiegħu baqgħu jinsistu li la għandu qabar tiegħu, jindifen fih. Niesu ħallew il-katavru tiegħu barra l-kanċell taċ-ċimiterju għal diversi sigħat sakemm tkellmu mal-Avukat tagħhom, Anton Buttigieg li fil-Qorti rebaħ l-argument li ġaladarba l-mejjet kien sid ta’ proprjetà, kellu jindifen fiha.
Wara l-elezzjoni tal-1971, Mintoff ordna li jitwaqqa’ l-ħajt li kien jifred din il-parti taċ-ċimiterju mill-bqija. Bonnici jispjega li ftit jafu li kien l-Isqof Emmanuel Gerada, li kien Koadjatur tal-Arċidjoċesi, kien mar hu stess biex jagħti l-permess li jitwaqqa’ dan il-ħajt. Fl-aħħar snin, l-Arċisqof Charles Scicluna, waqt quddiesa fl-Għid tal-Imwiet, kien ħareġ u bierek ukoll dawn l-oqbra.