Kotba | Barra minn fuqna

Mark Vella jaqra l-aħħar xogħol ta’ Sergio Grech, riflessjoni personali dwar il-mewt u l-paternità, sforz kuraġġuż ta’ ħolqien letterarju mill-ġrajja personali 

Inqas minn xahar ilu, mitilna Pluto, kelb ġibnieh sentejn ilu minn santwarju, għadma u ġilda mimli mard, u li raddejnielu lura saħħtu biex gawdejnieh għal sentejn qosra wisq. Din razza għomorha twil, kulħadd kien jgħidilna. Kelb b’saħħtu dan, jidher li tieħdu ħsiebu. U rasna mimlija li se jixjieħ magħna, fassalna ħajjitna skont ir-rieda tiegħu, sakemm kont ħassejtlu żewġ nefħiet strambi u tawna l-verdett tal-linfoma, kanċer mill-ħafna li kieku jolqot lilna, mill-ottika neċessarjament antropoċentrika tagħna, tkun traġedja mill-kbar. 

The ‘Big C’, il-marda tħuf madwarna u li ħadd ma jrid isemmiha, ma jmurx iġibha lejh. Fittex waħda Google u jitlagħlek verdett skjett inixxfek: persuna minn tnejn se tiżviluppa xi forma ta’ kanċer tul għomorha.  Il-klieb x’aktarx aktar prevedibbli mill-bnedmin, għax rari jaqbadhom fl-età tenera ta’ Pluto. Il-veterinarja għandha l-limiti tagħha, imbagħad, anatomija komparata li qisha qed ittella’ t-tombla hija u tiżen il-mard, u li, għax tittratta ħajjiet meqjusa aktar dispensabbli u inqas prezzjużi, x’aktarx mhix daqshekk mgħammra biex tindaga fil-fond il-kawżi u l-kuri l-kbar. Pluto miet qasir il-għomor, bilkemm ħames snin, qisek qed tgħid raġel li għadu kemm qabeż it-tletin. Inbaram xahar wara l-bijopsija, u l-mument tad-deċiżjoni biex inraqqduh ġiena ċar daqs il-kristall. 

Ħallejtna bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa (Merlin, 2022) huwa l-aħħar xogħol ta’ Sergio Grech, li juża forma ta’ awtofinzjoni biex jifli mument traġiku ta’ ħajtu — il-mewt ta’ missieru meħud mill-marda qerrieda — u b’xi mod jaqleb ta’ taħt fuq il-perspettiva ferrieħa ta’ U tisbaħ missier... (Merlin, 2021) li ċċelebra t-tlugħ u l-inżul tal-paternità. Ktieb li bħalu qed naraw aktar, xhieda ta’ maturità letterarja ġdida, li jittrattaw il-wirt li jibqgħalna mit-trobbija, kif anki naraw f’xi Immanuel Mifsud jew Nadia Mifsud. L-ommijiet u l-missirijiet, li naqsmu l-ġenetika magħhom, u li tagħhom inġorru timbri li jew nixtiequ nħassruhom jew nirrivalutawhom, jew inkella nagħmlu minn kollox biex inħalluhom bla mittiefsa. 

It-timbru ta’ missier Grech (fis-sens ukoll tal-missier tan-narratur) huwa wieħed indelibbli, li r-rakkont jagħmel minn kollox biex iżommu ħaj, u hawnhekk jinftiehem it-titlu li jindika tluq ħesrem u mhux mistenni, jitbandal bejn l-inkredulità tal-mument li lkoll nistennewh imma li jaħsadna xorta meta jasal, imma wkoll l-għadab għal tluq mhux ippjanat li xorta jħalli bosta ħjut imdendla. Ħjut li b’xi mod jintrabtu u nsibulhom xi forma ta’ rkaptu bir-riflessjoni, anki dik tal-kitba letterarja: biex nagħmlu sens minnhom, biex niġbru album ta’ sensazzjonijet li nerġgħu nġanntuhom f’narrattiva ġdida li forsi tibda trodd is-sens għall-misteru ineffabbli.  

żda l-missier ta’ Grech huwa missier li x’aktarx ftit li xejn se jiġi ddubitat jew sfidat, b’differenza, kif għandna kemm semmejna fuq, mill-missier ta’ xi Mifsud fi Fl-Isem tal-Missier...u tal-Iben. Huwa l-figura patrijarkali tipika, anki jekk bonarja, li wkoll isawwar u jsejjes il-familja Maltija immaġinarja ta’ ħafna mil-letteratura tagħna: dominanti, maħbub u rrispettat għal dik il-ħlewwa li tixref xorta minkejja s-severità drabi qalila. L-analiżi ta’ Grech hawnhekk toħroġ bħala waħda x’aktarx akritika, kważi għadha xxukkjata minn dil-mewt, minkejja li mistennija u imminenti, u dal-ktieb jispiċċa iktar lament quddiem l-impossibbiltà tal-fehim u tentattiv individwali ta’ xi forma ta’ rinegozjar u aċċettazzjoni finali, kors aċċellerat fil-famużi ħames stadji tal-luttu. 

Fl-istess ħin, hija eloġju sinċier għal figura tant importanti, li lkoll nagħmluha b’dan il-mod meta jolqotna fatt simili. Jekk din l-adulazzjoni tal-figura tal-missier hijiex limitu għall-ktieb taf tkun diskussa u anki diskutibbli. Fil-fehma tiegħi, jaf xekklet il-medda potenzjali tal-espressjoni dwar esperjenza bħal din imma, min-naħa l-oħra, it-trattament tipiku ta’ Grech, anki fil-ktieb ta’ qablu, għandu appell universali għal kull qarrej, anki dak li jaf ikun tikka aktar fitt minn oħrajn. Xogħol Grech għandu sempliċità li jaf ixxaqleb lejn in-naïve, fis-sens ta’ limitu ta’ għodod kulturali u esperjenzjali misnuna biżżejjed biex jagħtu trattament profond lill-fenomenu, imma fl-istess ħin, din-in-naiveté (apparenti jew deliberata, ma nafux bis-sew) tirriproduċi b’fedeltà awtentika u sinċiera għall-aħħar is-sensazzjonijiet bażiċi quddiem dawn l-isfidi, u b’hekk toħroġ b’dokument b’waqtiet ta’ qawwa espressiva mhux indifferenti. 

Bħalma U Tisbaħ Missier... kellimni minkejja li m’għandix tfal, imma bħal kulħadd, jien iben missier, u jekk għandi istint patern, inħaddmu fuq in-neputijiet u l-klieb, Ħallejtna... interpellani wkoll, forsi anki għax l-ewwel kapitlu xrobtu ftit ġimgħat wara mewt Pluto. Skoprejna li anki lill-klieb tista’ tagħtihom il-kimoterapija, imma Malta ma ssirx u ġa konna bdejna nippjanaw maratona ta’ vjaġġi. Smajna mhux biss it-tieni opinjoni, imma tnejn oħra, saħansitra minn veterinarja Taljana b’dottorat fil-linfomi. Is-Sur Google ma naqasx milli jgħarrafna, lanqas, u sakemm Pluto kien qiegħed stendut għoddu mejjet b’ġerħa li bdejna naħsbu li aħjar ma għamluhielu xejn u ħallewh jgħix marid bla ma jaf kuntent jiġri u jinbaħ, ħallejna t-tamiet tagħna jħeġġu u jninu xorta waħda ma nafux jekk vallapena tagħtihx il-kedda tat-terapija biex tgawdih, egoistikament, għal perjodu qasir ieħor sakemm xorta jerġa’ joħroġlu t-tumur li tkun xejjintlu għal ftit. 

Żgur mhux paragun odjuż dak bejn annimal u bniedem, speċjalment meta t-traġitt tal-mard u l-mewt huma identiċi. Bħal fil-każ tan-narrazzjoni ġa mill-ewwel kapitlu, hemm ir-rabja u l-inkredulità, u hemm ukoll l-għadab għall-professuri bl-ittri wara isimhom li jgħidulek li m’hemmx fejqan. Grech jirnexxilu jolqot bil-preċiżjoni l-mumenti li lkoll ngħaddu minnhom fi ġrajjiet bħal dawn, u r-riproduzzjoni fidila, kważi verista, hija waħda li tiskomodak. Huma ħwejjeġ li ilna nisimgħuhom minn ewl id-dinja, anki jekk mhux qed jiġru lilna t-traġedji. Il-kelb għalija kien l-ewwel luttu kbir tiegħi, u jħabbarli l-lutti li għad irrid ngħaddi minnhom; marti, li ommha għaddiet mill-istess triq ta’ missier Grech, qaltli li ġewha l-mewġiet tas-sensazzjonijiet kollha li għaddiet minnhom dak iż-żmien. 

It-talb. L-istennija tal-miraklu. L-inkomprensjoni quddiem il-limiti tax-xjenza. Il-mitt opinjoni li tisma’, anki minn min ma jifhmix, jew inkella t-tiftix għall-kura mirakoluża. (Anki aħna waqajna għaliha biż-żjut essenzjali u l-faqqiegħ mediċinali kollha mibżuqa mill-kelb moribond.) Dawn kollha kapaċi jgħarbilhom Grech, filwaqt li jirriproduċi b’fedeltà dak li jinħass u jingħad minna lkoll f’dawn il-mumenti, u din żgur kwalità u saħħa li se tkompli tressaqlu l-qarrejja. 

Hemm xi imma? Jista’ jkun, bħal fil-każ tal-akritiċità msemmija aktar fuq, iżżiġġ tul il-ktieb li f’diversi waqtiet ikun biss eżerċizzju nostalġiku dwar familja Maltija tipika tal-ġenerazzjoni tiegħi u ta’ Sergio, b’referenzi kulturali li jdoqqulek għal widnejk. Imma kien dan l-iskop? Hemm donnu l-paradoss ta’ personalizzazzjoni żejda li filwaqt li għandha appell universali immedjat, tibqa’ xorta donnha l-fehma privata, leġittima kemm trid, li xorta waħda ma ttantatx tmur wisq lil hinn. U hawn tidħol is-Sinjorina Callus, figura għaddejja tul in-narrazzjoni kollha, li Grech jużaha b’diversi mod interessanti fir-rwol tagħha ta’ għalliema stretta u antipatika li tikkoreġilu l-użu tal-idjomi u l-fantasija lingwistika żejda li seta’ kellu bħal tifel. 

L-idjoma u s-similitudnijiet huma essenzjali f’dan il-ktieb. Jagħtuh it-titlu, u jintużaw spiss minn Grech sew bħala reċipjenti ta’ għerf antik, sew bħala, meta joħloq it-tixbih inkongrwu u personali, l-isfida kontra l-impożizzjoni ta’ struttura fissa u ma tinbidel qatt tal-espressjoni. U jaf hawn li jseħħ l-iżmakk. Min-naħa, l-idjoma antika u samma hija ġa potenzjalment akritika fiha nfisha u, minkejja l-oriġinalità tat-tqabbil li jrid jirreklama għalih innifsu n-narratur, hemm wisq mumenti fejn donnha s-Sna Callus seta’ kellha raġun tittanta żżommlu r-riedni. Hija espressjoni li drabi donnha mhux ikkontrollata u li forsi tista’ tinfantilizza jew teħfef ġrajja ta’ dulur awtentiku, bl-interpretazzjoni personali u personalizzatà li mhux bilfors jiġġustifikaw lilhom infushom meta infilzati b’dan il-mod f’xogħol li jaf qed jaspira għal-letterarjetà.  

More in Arti