Kotba | Tal-iskola - Inħarsu lejn riċerka dwar l-istorja tal-iskola Maltija

Mark Vella jifli b’interess L-edukazzjoni pubblika f’Malta kolonja (1880-1964) ta’ George Cassar, riċerka interessanti dwar l-istorja tal-iskola Maltija li taf toffri wisq aktar minn sempliċi rendikont ta’ ħwejjeġ li mingħalina li għaddew u daqshekk

Offerta riċenti tal-Kite, fost bosta kotba speċjalizzati, hija l-istorja tal-edukazzjoni pubblika ta’ George Cassar li tkopri l-perjodu kolonjali, u li bi stil mexxej u aċċessibbli għall-aħħar, turi l-għeruq, sew dawk imxettla sew, sew dawk kemxejn zopop, ta’ dak li għandna llum fit-tagħlim tal-istat, u forsi anki lil hinn. 

Ma nafx jekk hemmx kotba simili ppubblikati, apparti kumpann ideali bħall-istorja tat-tagħlim prekolonjali ta’ Frans Sammut. Imma suġġett li mal-ewwel daqqa t’għajn għandu mnejn jidher xott u mingħajr potenzjal ta’ qċaċet t’interess, jieħu l-ħajja f’idejn Cassar. Lil hinn miċ-ċifri u l-istatistika neċessarji, frott ir-riċerka rigoruża, il-kittieb iżomm idu fuq il-polz tal-kuntest soċjali u politiku li fih tiżviluppa l-edukazzjoni Maltija, u dejjem itektek, eventwalment f’moħħ il-qarrej, huwa kemm l-edukazzjoni kienet dejjem dik il-lasktuwa mġebbda sa ma tinqasam fit-taqbidiet politiċi lokali u fil-pjanjiiet kolonjali għal Malta fortizza. 

Ktieb qasir, fil-qofol, imma miżgħud fatti, bi ġrajja rrakkuntata b’ritmu ddettat mill-awtorevolezza tar-riċerka u tal-fehim tas-suġġett, L-edukazzjoni pubblika f’Malta kolonja (1880-1964) (Kite 2022) huwa maqsum f’kapitli ċari li jittraċċaw l-iżvilupp mill-wasla tal-Ingliżi — fejn l-iskola kienet essenzjalment ma teżistix — sal-perjodi tat-tisdiq kolonjali, it-Tieni Gwerra u l-mixja kostanti lejn Malta indipendenti. Fost l-oħrajn, huwa xogħol li jikxef protagonisti u eroj ġodda, jew inkella magħrufa bl-isem imma mhux skont xogħolhom u l-viżjoni tagħhom, u għalhekk is-siwi ta’ ktieb speċjalizzat bħal dan hu li xorta waħda jżomm il-bilanċ bejn dak li jrid il-qarrej kurjuż u dak li jeħtieġ ir-riċerkatur akkademiku. 

Fost l-oħrajn, nagħtu kas, jispikka l-profil interessanti tal-Kanonku Paolo Pullicino li kien l-ewwel li wettaq pjan, anki jekk ikkritikat qatigħ u mġebbed ’l hawn u ’l hinn mill-fazzjonijiet politiċi, għal edukazzjoni nazzjonali fuq bażi rispettabbli u soda: sies li essenzjalment inbena mix-xejn li kien hemm qabel u li kien jolqot għal kollox lill-maġġoranza tal-poplu, qiegħed, miġwieħ u illitterat. Cassar isemmi wkoll, fil-bidu tal-ktieb, għadd interessanti ta’ skejjel ‘privati’, li kienu jaqdu taqsimiet partikolari tal-klassijiet għolja u medji: bqajt forsi sorpriż li ma ssemmewx, anki bħala edukaturi ċelebri anki f’dan il-kuntest, Mikiel Anton Vassalli u Manwel Dimech, iżda dan forsi seħħ minħabba l-kontribut apparentament minoritarju fil-kuntest ta’ dan ix-xogħol, minkejja l-piż storiku ta’ dawn il-protagonisti. 

Interessanti wkoll il-pjan kontinwu, xi darbi sottili drabi oħra le, tal-forza kolonjali biex essenzjalment trabbi ġenerazzjonijiet favur l-Imperu, sikwit bl-għajnuna tal-funzjonarji Maltin kif ukoll bl-għajn ta’ seqer dejjem tissorvelja tal-Knisja Maltija dejjem imbeżżgħa mit-theddia Protestanta. Cassar, fil-fatt, jagħti dettall pjuttost estensiv dwar is-sillabi u anki l-kotba standard għall-istudenti pubbliċi, kif ukoll ħafna ġrajjiet ta’ wara l-kwinti ta’ kif tfassal kurrikulu li għaġen l-imħuħ ta’ tant Maltin sa almenu lbiraħtlula. 

Hemm imbagħad ħwejjeġ li ma jinbidlux, u forsi dak l-akbar xokk li jista’ jagħti dan il-ktieb. Minkejja kull mit dwar kemm setgħu kienu rrispettati l-għalliema fil-komunitajiet żgħar ta’ dari, il-brain drain mill-kategorija li naraw illum, fejn għalliem ifittex ibiddel l-industrija biex jaqla’ paga aħjar (u hawn min jgħidlek, paga diċenti), anki billi jmur f’industriji ġodda bħal tal-gaming, kienet problema dejjiema anki aktar minn seklu ilu. Ġa min-nofs is-seklu 19, il-klassi tal-għalliema kienet tfittex, ngħidu aħna, opportunitajiet aħjar maċ-ċivil, bħal fil-każ ta’ Ferdinando Inglott li malajr dabbar rasu, minkejja l-istudji barra, għal paga aktar mid-doppju ta’ dik li kien qed jaqbad. 

L-istess għal bosta kundizzjonijiet oħra, bħal fil-każ tal-infrastruttura imma anki tad-dell politiku fuq is-sillabi, speċjalment fil-perjodu qabel il-gwerra taħt it-tmexxija pro-Taljana tal-Partit Nazzjonalista. Tispikka wkoll anki r-raġuni għala l-koedukazzjoni – li bdejna ndaħħluha tikka tikka issa – rabbiet l-għeruq sammi tagħha: l-enċiklika tal-1929 ta’ Piju XI rat it-taħlit tal-bniet u s-subien bħala falz u ta’ deni, u aħna mxejna ad litteram mat-twissija Papali. 

Fl-essenza, dan il-ktieb huwa, bħalma għidna, dawl anki fuq l-eroj iż-żgħar, esklussivament Maltin, u speċjalment ma’ tmiem il-gwerra, li bdew aktar u aktar jippruvaw joħolqu kuntest u identità tassew Maltin għall-iskejjel, u li bdew ukoll jitfgħu pedamenti aktar sodi għad-dinja ġdida u mhux magħrufa tal-pajjiż li bil-mod il-mod beda dejjem riesaq aktar lejn li jaqdef għal rasu u jsawwar kif irid id-destin tiegħu. 

Apparti l-produzzjoni dejjem ta’ kwalità tal-pubblikatur Kite, b’sensiela ta’ ritratti interessanti, hemm ukoll l-appendiċijiet utli u anki kurjużi, miżgħuda bi statistika perjodika dwar l-attendenza u t-tipi differenti ta’ skejjel, kif ukoll orarju tal-1883 li juri kif kienu jitqassmu l-lezzjonijiet u x’suġġetti kienu jintgħalmu fil-klassijiet primarji. 

Storja sabiħa, siewja u xierqa, imma wkoll, dejjem għaddejja minn taħt, storja ta’ inkwiet kemm-il darba, li żgur ma jbattix jekk Cassar joħroġ volum dwar x’għaddiet minnha l-iskola mal-kisba tal-Indipendenza sa ftit qabel żmienna. L-iskola bħala l-laboratorju fejn jintgħaġnu l-imħuħ torja, u bħal fabbrika fejn jinħolqu ċittadini sudditi, jaf ma nbidlitx daqshekk, kolonja jew le.  

More in Arti