Kotba | Tlieta tat-tfal

Mark Vella jagħżel tliet pubblikazzjonijiet riċenti għat-tfal, kważi kif ġie ġie, tant saret kbira l-offerta bil-Malti fil-qasam għall-bniet u s-subien sa 12-il sena.

Titfixkel tassew fil-ġid meta tara kemm qed tikber l-offerta għat-tfal fil-qasam tal-kotba bil-Malti. Kotba ta’ kull xorta u ta’ kull format possibbli, u daż-żmien anki xogħlijiet tradotti li jwessgħu l-bejgħa u anki l-orizzont disponibbli ta’ kontenuti u stili li dak li jkun jista’ jistenna u jaċċessa. Filwaqt li sa 12-il sena, it-tfal għandhom fiex jogħxew u l-ġenituri u l-għalliema jistgħu jmexxuhom progressivament tul perkors ta’ qari li dejjem jiżviluppa skont l-età, hemm umbagħad il-mument fejn din il-kitba donnha tinxef meta t-tfal jibdew deħlin fl-adolexxenza u jsiru, anki skont kif huma magħrufin bħala mira ta’ klijenti fid-dinja tal-pubblikazzjoni, adulti żgħażagħ.

Ta’ min, għalhekk, bħala kumment inizjali, naħsbu wkoll għal strateġija tal-ktieb u tal-qari, li b’xi mod anki tindirizza din il-lakuna anomala, fejn donna nwittu t-triq għall-qari u l-apprezzament tal-ktieb Malti, iżda f’xi ħin donna nwaqqfu ħesrem dan il-vjaġġ u kapaċi nkunu bdejna nħarbtu tant xogħol siewi li nkunu għamilna tul is-snin formattivi. It-tfal jikbru u jsiru żgħażagħ, u tidħol dinja oħra, mhux biss dik elettronika u viżiva, imma anki ta’ influwenzi kulturali diversi, li tibda rapidament tannulla l-effetti jew il-preżenza mhux biss tal-ktieb Malti, imma tista’ tgħid anki ta’ elementi potenzjalment attivi u effettivi tal-kultura Maltija.

Suġġett għal darb’oħra, forsi, imma għalissa ejja niċċelebraw il-ktieb Malti għat-tfal, li l-istorja tiegħu wkoll ġiet iddokumentata f’volum tal-Kullana Kulturali miktub minn Charles Briffa, Ġorġ Mallia u Trevor Żahra. Tal-aħħar, minkejja x-xorti differenti li kiteb, sinonimu mal-kotba tat-tfal u kien ktieb li mess miegħu hu li nebbaħni għar-reċensjoni ta’ din il-ġimgħa. Ġie f’idi Ilkoll Speċjali – We are all special, produzzjoni tal-Klabb Kotba Maltin (KKM), maħduma flimkien mal-iSpecial Olympics Malta, li għalkemm ktieb tal-okkażjoni, xorta waħda jinsab għall-bejgħ. Huwa ktieb li tista’ tgħid għadu frisk, maħruġ biex jiċċelebra l-Olimpijadi Speċjali li seħħew Malta dis-sena, u li fih għadd ta’ kitbiet u poeżiji tat-tfal li Trevor Żahra ħa ħsieb jiġborhom u jorganizzahom, u anki jaqleb għall-Malti għadd minnhom li t-tfal ipproduċew oriġinarjament bl-Ingliż.

Ktieb bilingwi, li għalhekk jixraq lil kulħadd; anki, fil-fehma tiegħi, għat-tisħiħ tal-ħiliet fiż-żewġ lingwi, kif ukoll għal esperjenza differenti tat-test, hekk kif Żahra jittraduċi, tassew ta’ surmast, ix-xogħlijiet tat-tfal, billi jieħu l-libertà li jdawwar fihom għal skop ta’ rima, ritmu jew xbihat, filwaqt li jżomm l-ispirtu tat-test oriġinali. Lil hinn minn dan kollu, hemm umbagħad il-messaġġ siewi tal-ktieb, li huwa fl-aħħar mill-aħħar l-għan ewlieni tiegħu: l-idea li lkoll indaqs anki għax ilkoll speċjali, bil-logħba intelliġenti fuq il-kelma li, minn dak li forsi beda bħala ewfemiżmu pożittiv għad-diżabilità, tista’ tiġi estiża għall-għarfien li kulħadd għandu xi ħaġa li tiddistingwih u tagħmlu uniku. Ktieb li tassew għandu valur edukattiv, sew lingwistiku u testwali, iżda fuq kollox ta’ valuri: l-isportività u l-ideal Decoubertjan, l-aċċettazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni tad-differenza u d-diversità, l-idea li t-tfal ikunu komdi f’ġildthom, huma min huma, huma x’inhuma.

Il-Merlin, umbagħad, dar storika oħra bħall-KKM, tispeċjalizza f’kotba bħal dawn. Kienu fost l-ewwel tip ta’ xogħlijiet li ħarġu, u għadhom wieħed mill-aqwa prodotti tagħhom li fihom jinvestu ħafna ħin u xogħol. Dan l-aħħar, laqtuni Orkubellu u Ana u Żak isalvaw il-pjaneta!, it-tnejn maħruġa dis-sena. Filwaqt li tal-ewwel, traduzzjoni ta’ Claudia Gauci, l-ieħor, oriġinali ta’ Audrey Friggieri: indikazzjoni tal-investiment immirat tal-Merlin f’dan it-tip ta’ xogħol fejn iżomm ekwilibriju bejn it-traduzzjoni/l-addattament u x-xogħol oriġinali, u dan kollu f’idejn ismijiet magħrufa u li jtuk garanzija ta’ kwalità.

Orkubellu, traduzzjoni mit-Taljan ta’ Fabrizio Silei u diġà rebbieħ ta’ diversi premjijiet f’pajjiżu, jimxi wkoll fuq il-linja tad-diversità. F’belt il-koroh, is-Sindku u martu jinħasdu meta jitweldihom tifel il-ġmiel tiegħu, bjond u għajnejh ħodor bl-akbar tbissima li qatt eżistiet. Ħaġa iebsa tkun differenti, imma divertenti wkoll. U l-isfida tal-ktieb, il-ħasda tax-xogħlijiet interessanti, hija kif it-tfal se tiġihom mill-ewwel il-kurżità tas-sitwazzjoni xejn tas-soltu, fejn is-sabiħ qiegħed fi żvantaġġ f’dinja fejn in-normalità hija l-kruha. Ktieb li jolqot l-etajiet ta’ bejn 9 u 12-il sena, u li jlaqqa’ d-daħq tal-praspura klassika Maltija mas-sottokurrent qawwi tad-diversità, l-idea ta’ kif l-għażla ta’ x’inhu “differenti” hi fl-aħħar mill-aħħar arbitrarja. Xogħol li se jingħoġob żgur, u li anki se jkollu s-segwitu tiegħu.

Ana u Zak, umbagħad, huwa tassew xogħol Malti, żgur imnebbaħ mill-qagħda preżenti tal-ambjent Malti, u allaħares qatt, nittamaw li mhux qed ibassar il-qagħda li se jkollhom iħabbtu wiċċhom magħha t-tfal li se jkunu qed jaqrawh. Jibda, fil-fatt, b’nota fil-preżent li lit-tfal tavżahom li din storja mill-futur: xi ħaġa li lili mhux biss qajmitli l-interess, imma f’ċertu sens inkwetatni... u allura ġegħlitni nkompli naqra!

Ktieb interessanti wkoll għal diversi fatturi: huwa għal etajiet tal-ewwel qari ‘komplut’, jiġifieri bejn ħames u tmien snin, li jżomm l-ekwilbriju bejn il-ktieb tal-istampi u l-introduzzjoni għall-qari bil-mod ta’ storja sħiħa bil-Malti, u anki bit-tema ekoloġija, dejjem aktar attwali, bix-xejra maġika mogħtija mill-pinna ta’ Friggieri. Lil hinn minn dan il-livell ta’ qari bażiku, jidħol ukoll l-input siewi tal-pubblikatur: l-iskoperta ta’ disinjatriċi ġdida u brava, Vincianne Scerri, bl-ewwel xogħol tagħha, kif ukoll l-użu ta’ tipa speċjali għal qari faċli, li hija wkoll dħulija għad-dislessiċi.

Tliet kotba reċenti u friski, ilkoll bil-merti tagħhom, iżda żgur togħmiet ċkejknin għad-dinja wisq akbar tal-kotba bil-Malti. Żgur li l-edukaturi u l-ġenituri għandhom firxa tassew mill-isbaħ minn fejn jagħżlu, kif ukoll pubblikaturi ħabrieka li jistgħu jagħtu l-pariri x-xierqa dwar il-qari ġdid għat-tfal tagħna.

More in Arti