Affreski li tpittru mal-400 sena ilu skoperti waqt ix-xogħol ta' restawr fil-Palazz tal-Gran Mastru

Il-proġett ta' restawr hu stmat li se jiswa madwar €28 miljun u għandu jkun lest kollu sas-sena 2025

Sensiela ta’ affreski li aktarx imorru lura sa żmien il-Gran Mastru Alof de Wignacourt (1601 – 1622) ġew skoperti waqt ix-xogħlijiet ta’ restawr li għaddejjin bħalissa fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta. Qabel din is-sejba, l-eżistenza ta’ dawn l-affreski kienet magħrufa biss verbalment u ma kienx hemm evidenza tagħha.

L-affreski nstabu fil-partijiet ta’ fuq nett tal-ħitan tal-kamra tas-sodda li l-Gran Mastri kienu jużaw fix-xhur tas-sajf. Huma nkixfu meta għadd ta’ pitturi fuq it-tila, tal-bidu tasseklu 18, tneħħew minn posthom biex jiġu kkonservati.

S’issa l-affreski ma ġew attribwiti lil ebda artist, iżda hemm il-possibbiltà li huma xogħlijiet ta’ Leonello Spada (1576 – 1622) li għamel il-pitturi ta’ tliet swali oħra fil-palazz fi żmien il-Gran Mastru Wignacourt. Ir-raġuni għala hu maħsub li l-affreski jmorru lura għal dan iż-żmien hija li l-arma ta’ Alof de Wignacourt tidher b’mod prominenti fihom.

Kull waħda mill-affreski hi mifruda minn dik ta’ ħdejha permezz ta’ par kolonni Doriċi mpittrin, u turi putto bilwieqfa fuq ringiela balavostri, daqqa jżomm salib bi tmien ponot u daqqa kuruna, salib jew fleur-de-lys. Fi żmien il-Gran Mastru Jean Paul Lascaris de Castellar (1636 – 1657) kienu saru xi bidliet fin-naħa t’isfel, bl-introduzzjoni tal-arma ta’ Lascaris fuq sfond dekorattiv differenti.

L-affreski se jiġu kkonsolidati u kkonservati minn Heritage Malta, l-aġenzija li l-portafoll tagħha jinkludi l-Palazz tal-Gran Mastru u l-proġett ambizzjuż tar-restawr tiegħu. Il-President ta’ Malta, George Vella, illum ingħata tagħrif dwar issejba tal-affreski mill-ogħla uffiċjali ta’ Heritage Malta, waqt waħda miż-żjarat regolari tiegħu fil-Palazz tal-Gran Mastru – fejn huwa għandu l-uffiċini tiegħu – biex jara fhiex waslu x-xogħlijiet.

Fit-totalità tiegħu, il-proġett tar-restawr tal-Palazz tal-Gran Mastru hu stmat li se jiswa madwar €28 miljun. L-ewwel fażi tal-proġett qed tiġi kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, filwaqt li l-fażi suċċessiva, li se tiswa madwar €18-il miljun, se tkun iffinanzjata mill-Gvern Malti. L-ewwel fażi mistennija titlesta sa tmiem l-din is-sena, filwaqt li l-proġett kollu għandu jkun komplut sas-sena 2025. Dan huwa l-aktar proġett estensiv li qatt daħlet għalih Heritage Malta.

More in Arti