Kotba | L-għajta nofs il-bejgħ

Mark Vella jżur il-koppja Mallia ta’ Mallia & D’Amato, bejjiegħa tal-kotba u kuraturi tal-ixkafef, li se jiftħu ħanut temporanju l-Belt il-weekend li ġej

Il-koppja Mallia & D’Amato proprjament huma t-tnejn Mallia. Roderick u Ritianne, li jmexxu l-aktar ditta eċċitanti fil-bejgħ tal-kotba bħalissa, u żammew l-aħħar kunjom bħala tribut lil wieħed mill-ewwel fundaturi. M’ilux daħlu daqsxejn ukoll fil-polemika li tqajmet dwar il-bini propost ta’ lukanda fis-sit tal-mitiku Mireva, malli toħroġ mill-Università. Lil hinn mill-problema li l-Università ta’ Malta issa mhijiex se jkollha ħanut tal-kotba, u lanqas għandha pjanijiet għal wieħed, il-Mallijiet wissew kontra s-sempliċi nostalġija għal ħanut li darba kien u issa m’għadux, u sejħu lill-qarrejja wkoll għall-azzjoni. Fil-qofol, stqarrew bl-aktar mod skjett li ħanut possibbli biss jekk ikollu min iżuru u min jixtri mingħandu. 

Realisti Ritianne u Roderick. Imma wkoll ħabrieka u kreattivi. Fi ftit snin, bnew preżenza online, sit minn fejn tista’ tagħżel il-kotba u tordnahom, u jwassluhomlok personalment id-dar mgeżwra f’pakketti speċjali, b’markapaġna u anki messaġġ speċjali. Jaħdmu wkoll bħala, kif isejħu lilhom infushom, kuraturi tal-ixkafef, fis-sens li jagħtu l-pariri dwar il-kotba li ta’ min taqrahom u jintroduċu lill-qarrejja għal titli u awturi ġodda. Is-servizz kollox, insomma, u dik li tagħtihom l-akbar vantaġġ fuq kompetizzjoni li hija qawwija, monolitika u essenzjalment mejta li kieku mhijiex imwieżna mis-saħħa korporattiva. Bil-Malti, jafu x’qed ibigħu, u mhumiex sempliċement lavranti jfittxu t-titli fuq Google jew li l-ixkafef jidhrilhom kollha xorta. 

Imma l-bejjiegħ, minkejja kull virtwalità tad-dinja tal-lum, jibqa’ marbut mal-ħanut. Bħalma hu l-konsumatur, wara kollox, fejn id-dimensjoni tax-xiri hija wkoll waħda fiżika u emozzjonali. Tarah l-oġġett, tmissu jew tippruvah, tkellem lill-espert li jaħdem fih. U għalhekk, fost l-innovazzjonijiet diversi li qed iġibu Mallia & D’Amato, se jfaqqsu ħanut. Għal tlett ijiem, bejn id-29 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru, pop-up shop f’4 Triq l-Inġiniera, il-Belt, se jiftaħ mix-xejn biex imbagħad jagħlaq u jgħib, imma bit-tama li dan l-esperiment ikun wieħed minn ħafna u forsi jwassal għal xi ħaġa wisq aktar permanenti u vijabbli. 

Il-pop-up shop tal-kotba mhuwiex kunċett ġdid għal Malta. Mill-inqas żewġ intrapriżi tal-bejgħ tal-kotba remainders u skontati jew bir-ribass regolarment jiftħu f’siti battala jew inkella fi swali jew żoni ideali għall-kunċett ta’ fiera. Fil-każ ta’ Mallia & D’Amato, is-sit tal-Belt qed jingħata mill-AP Architects, l-istudju tal-periti prestiġjuż li huwa wkoll involut fi proġetti oħrajn mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. L-AP huma magħrufa għall-impenn kulturali tagħhom: bħalma tistqarr il-viżjoni tagħhom stess, jaraw l-arkitettura bħala ħallieqa tal-postijiet, kontenitur tat-tifsir, katalista għar-relazzjonijiet, fabbrikanta tal-miti u produttriċi tan-narrattivi. 

Storja ġdida għall-ktieb Malti, fil-fatt, li nittamaw li tkompli tiżviluppa u toktor. Ritianne tirrimarka dwar il-bżonn li d-dinja tal-ktieb f’Malta tfittex dejjem aktar sinerġiji ma’ oqsma ‘ħbieb’ u kumplimentari, u żżid ukoll li l-ilbiet u l-irħula tagħna qed jgħaddu minn bidla li miexja lejn aktar ħwienet ta’ konvenjenza u ta’ xiri agħmi u immedjat, milli postijiet, bħal ħanut tal-kotba kif nafuh u nixxenqu għalih, li huwa wkoll esperjenza. Din mhix se tkun nieqsa mill-pop-up shop tal-weekend li ġej, li se jkun miftuħ mis-sitta u nofs ta’ filgħaxija sat-tard. Id-29 se jilqa’ t-tnedija ta’ ktieb ippubblikat mill-AP, The Founding Myths of Architecture.  

Attivitajiet oħra huma qari organizzat minn Inizjamed, fejn se jerġgħu jiġu inviżtati l-kitbiet minn pubblikazzjonijiet diversi tal-NGO li torganizza l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta; taħdita minn Luke Galea, bħalissa l-preżentatur tal-poddata Markapaġna, dwar il-poetessa rebbieħa tan-Nobel Louise Glück; kif ukoll żewġ wirjiet. Waħda fotografika, Spaces in Suspension, ta’ Therese Debono u Joe Smith, proġett dwar is-sit abbandunat tal-Grand Hotel Verdala, kif ukoll wirja ta’ xogħlijiet tal-bronż mill-Funderija Artistika Joseph Chetcuti, rebbieħa tal-Premju Ġieħ l-Artiġjanat. 

Sinerġija tassew bejn arti u snajja’ diversi, li flimkien mal-kotba, se jokkupaw spazju battal u jġibuh ħaj għal tlett iljieli fil-Belt li qamet u ħadet ir-ruħ iżda li mhux bilfors toffri biżżejjed inizjattivi kulturali. Jien u nisma’ lil Roderick u Ritianne, nerġa’ nikkonferma kemm xogħolhom huwa ħidma mnebbħa mill-imħabba u r-rispett għall-ktieb, filwaqt li xorta waħda jibqgħu l-għajnejn iħarsu neċessarjament lejn il-karta tal-bilanċ. Bħalma għedna diversi drabi, il-kriżi tal-industrija tal-ktieb f’Malta u fil-bqija tad-dinja hija waħda akuta, speċjalment wara d-daqqiet tal-Brexit u tal-gwerra fl-Ukrajna, u l-inflazzjoni għaddejja bil-galopp li taffettwa l-prezz ta’ kollox. Bħalma jgħidli Roderick, il-ġlieda tispiċċa waħda tal-prezzijiet, iżda Mallia & D’Amato jippruvaw jagħmlu tajjeb għaliha bil-kwalità tas-servizz u l-esperjenza. 

Li qed naraw żgur, wara l-għeluq ta’ tista’ tgħid il-ħwienet tal-kotba storiċi u tradizzjonali, huwa l-kunċett tal-ħanut tal-kotba indipendenti, aġġettiv importanti li jpinġi l-qagħda preċiża tat-tentattiv li tgħajjex idea f’atmosfera toħonqok ta’ saħħa korporattiva enormi. Id-dinja tal-ktieb Malti għandha wisq aktar entitajiet indipendenti milli wieħed jaħseb, ibda mill-pubblikaturi li huma impriżi żgħar iwettqu l-mirakli kuljum, sad-diversi spazji u inizjattivi (li spiss tkellimna dwarhom hawn) li, magħqudin flimkien, jistgħu anki b’xi mod jibdew jgħattnu kemxejn ix-xatba mostruża li timblokka l-aċċess għad-dinja tal-ktieb. 

L-istedina, għalhekk, hija biex il-qarrejja jattendu, jaraw x’hemm offrut, u jixtru. Sew il-ġenerazzjonijiet bħal tiegħi, nostalġiċi u mxennqa, u sew dawk tal-lum, li żgur se jaraw kunċett ta’ ħanut li qatt ma esperjenzaw. Hija wkoll esperjenza differenti minn tal-pop-ups tas-soltu msemmija qabel: tistennewx ribass-imbarazz u kollox ħallata ballata, imma għażla kkurata tassew, minn min jifhem u jaf il-mestier tiegħu, ta’ kotba bil-Malti, bl-Ingliż u t-Taljan. Dwar tal-aħħar, ta’ min nirrimarkaw ukoll kif Mallia & D’Amato huma bħalissa x’aktarx l-uniku sors ta’ kotba bit-Taljan, partikolarment dawk li ħerġin issa, li għadhom jinqraw minn numru ta’ Maltin u spiss jinħass in-nuqqas li dak li jkun jista’ jakkwistahom faċilment minn ħanut. 

Provi ġenerali għal dak li jista’ jkun? Jalla l-ġid. Intant, nistennew il-bajda tfaqqas.  

Il-pop-up shop ta’ Mallia&D’Amato se jiftaħ f’4, Triq l-Inġiniera, il-Belt, bejn id-29 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru, mis-1830 sat-tard. Aktar tagħrif  https://www.malliadamatobooks.com/ 

More in Arti