Kotba | Disinn għal arazzi ġodda

Mark Vella ħerqan għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb iżda jagħti xi suġġerimenti għall-industrija tal-ktieb fi żmien ta’ kriżi f’bosta setturi ekonomiċi 

John Boyne, il-mistieden speċjali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb
John Boyne, il-mistieden speċjali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Dan it-titlu, poeżija ċelebri ta’ Daniel Massa, ilu jakkumpanjani tul ħajti. Nużah, sew fil-kitba sew bejni u bejn ruħi, meta jasal il-waqt għall-bidla jew għad-deċiżjoni, mument fejn tkun wiżint dak li għandek quddiemek u tkun faqqast il-pjan li ġej. Il-poeżija ta’ Massa fil-fatt tittratta l-mument storiku ta’ Malta ħierġa mill-ħakma u l-kolonjaliżmu lejn era ġdida ta’ ħelsien madankollu mimlija inkonjiti. L-arazzi ġodda donnhom il-manifesti spiritwali għal ċittadin u pajjiż ġdid, mod biex l-istorja jkollha biex u fejn tinkiteb.

Jaf hemm bżonn manifesti ġodda anki għad-dinja tal-ktieb Malti. Meta nitkellmu dwar il-ktieb, madankollu, qed nitkellmu dwar artefatt kulturali, xi ħaġa li trodd it-tifsir, u għalhekk, minkejja li kommodità oħra, f’sens ekonomiku, li tinxtara u tinbiegħ, għandha valur li jmur lil hinn minn dak monetarju u tolqot bosta aspetti, sew konkreti sew astratti, li huma indispensabbli għal xi forma ta’ eżistenza soċjali. Lil hinn mill-karatteristiċi prattiċi tal-għarfien, l-edukazzjoni u l-kultura, huma r-reġistru, flimkien mal-arti kollha l-oħra, tal-umanità u ta’ ħsusha.

Imma dan kollu għalxejn. Il-ktieb huwa prodott bħall-oħrajn, li qed jikkompeti ma’ kull ħaġa oħra konsumabbli. Iżda hija industrija li l-paradossalità tagħha trid tiġi rikonoxxuta: filwaqt li ‘aħna tal-kotba’ ma nistgħux noqgħodu nlumu lin-nies li ma jixtrux jew jaqraw xogħlijietna u jippreferu jikkunsmaw xi ħaġa oħra, fl-istess ħin l-amministrazzjoni tal-pajjiż trid xorta waħda tagħraf il-valur, lil hinn minn dak ekonomiku, tal-ktieb. U hawn jinħoloq il-bżonn urġenti ta’ diskussjoni ġdida dwar fejn qegħdin, fejn sejrin u lejn fejn irridu mmorru. Iżda anki l-ħtieġa daqstant pressanti li nispjegaw aħjar min aħna u x’nagħmlu.

Dawn il-ħsibijiet jiġuni f’moħħi hekk kif smajt it-tħabbira reċenti tal-mistieden barrani speċjali għall-edizzjoni tal-Festival tal-Ktieb li se jsir, bħal kull sena, f’Novembru. Awtur ieħor magħruf, ta’ kalibru u mibjugħ, John Boyne tar-rumanz The Boy With the Striped Pyjamas, li anki sar film ċelebri: il-ġrajja ta’ żewġt itfal fi żmien il-gwerra jħarsu lejn xulxin mill-barbed wire tal-kamp tal-konċentrament il-mifred bejn l-ikkalzrar u l-libertà. Ġrajja editorjali interessati u b’kontenuti qawwija li nittamaw li tattira għadd sabiħ ta’ nies għad-diskussjoni dwarha. U kisba kbira oħra għall-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, li żamm mat-tradizzjoni li jġib awtur magħruf kull sena, u li jagħmel minn kollox biex kull edizzjoni tkun akbar u aħjar mill-oħra.

Il-Festival huwa mistenni mill-komunità tal-kotba: mill-qarrejja u l-awturi, imma wkoll mill-pubblikaturi u l-bejjiegħa. Xi kultant iebsa taqbeż għal kollox lil hinn mill-idea antika tal-Fiera, fejn tara x’tagħmel biex tbigħ daqsxejn aktar mis-soltu, għall-idea tal-Festival li timplika ċelebrazzjoni wisq usa’ u ambizzjuża. Madankollu, l-industrija tal-ktieb hija, bla tlaqliq, industrija fi kriżi, mhux biss f’Malta imma f’ħafna partijiet tad-dinja, kif ukoll tgħaddi mill-istess diffikultajiet preċiżi li jgħaddu u qed jgħaddu minnhom setturi oħrajn. Setturi li lkoll qalgħu d-daqqiet tal-Covid, il-gwerra tal-Ukrajna, u ż-żieda attwali fl-inflazzjoni.

Fis-settur tal-ktieb, din qed tidher l-aktar fiż-żieda tal-prezz tal-karta, li għalhekk eventwalment tgħaddi lill-konsumatur bħala prezz ogħla tal-ktieb, apparti l-ispejjeż ġeneralment insostenibbli għal min jipproduċih.  Hija sfida li rajna wkoll li qed tolqot kull tip ta’ negozju ieħor, speċjalment fejn tidħol il-materja prima u l-importazzjoni minn barra. U naħseb li hawn għandna każ fejn l-industrija tal-kotba fl-aħħar tassew għandha argument ekonomiku tanġibbli, u tista’ wkoll tingħaqad ma’ setturi oħrajn li għandhom weġgħa komuni. Bl-istess mod, nemmen li min jaħdem fil-kotba għandu jfittex alleanzi ma’ negozjanti oħrajn u assoċjazzjonijiet diversi: anki fiż-żmien tal-Covid, kien hemm istanzi fejn il-kotba u l-professjonijiet assoċjati magħha ntesew jew ġew miftakra tard, wara l-pressjoni neċessarja, fil-każ tas-supplimenti għall-paga u għajnuniet oħra.

Għalhekk, fl-istennija għall-avveniment li jgħaqqad id-dinja tal-ktieb Malti, u fid-dawl tal-kriżijiet oġġettivi li qed jiffaċċjaw bosta negozji u setturi, dawn huma l-ewwel ftit pinzellati għal kif nara l-arazzi ġodda fid-dinja diffiċli li qed ngħixu fiha bħalissa.

1. L-industrija tal-kotba tingħaqad, fiha nfisha u mal-oħrajn

Filwaqt li jingħarfu l-għanijiet komuni tal-industrija, iridu jsiru konnessjonijiet aħjar sew bejn l-elementi differenti tal-industrija sew ma’ setturi ekonomiċi differenti li madankollu jafu qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet komuni. Iridu jinġabru l-atturi kollha fil-qasam tal-kelma: mit-traduttur u l-qarrej tal-provi sad-disinjatur u l-istampatur, u trid isseħħ azzjoni li tibda tinvestiga l-qagħda ta’ dawn l-oqsma: mis-sigurtà finanzjarja u d-drittijiet u l-kundizzjonijiet, sal-assoċjaniżmu u l-unjinizzazzjoni, fost bosta ħwejjeġ oħra.

2. Tiġi indagata l-anomalija tad-distribuzzjoni u l-monopolji 

Anomalija storikaekonomika Maltija fissret daqqa kważi mortali għal kull idea ta’ ħanut tal-kotba indipendenti, kif ukoll distributuri li huma wkoll pubblikaturi jew sidien ta’ ħwienet, bil-konsegwenza ta’ monopolji li jgħollu l-prezz tal-ktieb, jitfgħu piż fuq il-pubblikaturi u l-awturi, u mhux bilfors jiggarantixxu l-kwalità meħtieġa fit-tqassim u l-pubbliċità meħtieġa. Minkejja li din frott kif żviluppa b’mod partikolari ħafna s-suq, hija xorta waħda l-akbar problema fuq fomm minn jaħdem fil-kotba, u hemm bżonn tiġi diskussa fil-miftuħ u ttrattata b’urġenza.

3. Aġevoloazzjonijiet fiskali għas-settur tal-ktieb u tal-kelma

Il-paradossalità tas-settur tal-ktieb hija li hu industrija komparattivament żgħira ħafna, iżda li, anki għad-daqs tal-pajjiż, timpjega għadd ta’ nies, speċjalment mill-qasam kulturali, kif ukoll għandha element ta’ ġenerazzjoni ta’ attività ekonomika lil hinn minnha, minħabba l-bosta servizzi differenti li jeħtieġ il-ktieb biex jinħadem. Is-suġġeriment għalhekk huwa li, minkejja l-issikkar neċessarju taċ-ċintorin, industrija żgħira iżda importanti bħal din tkun tista’ tgawdi minn reviżjoni ’l isfel jew rati żero ta’ ċertu taxxi u tariffi, bħal ngħidu aħna l-VAT fuq is-servizzi għas-settur tal-kotba u l-bosta setturi anċillari tiegħu, bħad-disinn, it-traduzzjoni, il-qari tal-provi u anki l-istess kitba, fejn jista’ jkun hemm anki taxxa żero fuq l-ammonti għal darb’oħra relattivament żgħar maqlugħa mill-awturi bħala jeddijiet tas-self pubbliku, ħlasijiet ta’ darba jew royalties.

4. Skemi għal intrapriżi kulturali u marbutin mal-pubblikazzjoni

L-aspetti differenti tal-pubblikazzjoni, kif ukoll il-professjonijiet marbutin mal-produzzjoni jew mal-bejgħ tal-kotba, jistgħu wkoll igawdu minn skemi ta’ start-up jew ta’ żvilupp tan-negozju, anki fid-dawl tal-kontribut soċjali importanti tal-industrija, kif ukoll f’sinerġija ma’ fondi u impriżi u proġett artistiċi u relatati oħra.

5. Ġlieda kontra l-piraterija u abbużi oħrajn

Tibqa’ tiġi miġġielda l-kultura tal-fotokopjar, il-bejgħ second-hand jew bir-ribass, bis-saħħa ta’ regolamentazzjoni aktar stretta kif ukoll edukazzjoni u infurzar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ftehimiet kuntrattwali xierqa bejn il-pubblikaturi u l-kittieba.

6. Konferenza Nazzjonali dwar il-Ktieb Malti

Li x’aktarx qatt ma saret, u wasal żmienha, fejn nitkellmu b’mod ċar u b’mod skjett dwar ir-realtajiet tal-industrija, u nfasslu strateġija għall-ktieb li tkun pjan direzzjonali ċar għal fejn irridu naslu.

Intant, nistieden lill-qarreja tagħna jkomplu jsegwu l-aħbarijiet tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb f’dawn iż-żminijiet li se jkomplu jaġġornawna kulma jmur dwar l-attivitajiet u l-avvenimenti tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022.

More in Arti