Kotba | Sempliċement tat-triq

Mark Vella jaqra d-drammi tat-triq ta’ Lon Kirkop u jara teatru ħaj u qrib in-nies, li daqs tazz’ilma jaqlibha lill-produzzjonijiet teatrali u televiżivi ‘l-kbar’ imwieżna mill-kummerċ u l-politika 

Fl-avventura intriganti tal-Merlin Publishers fil-pubblikazzjoni ta’ testi teatrali ġodda — fil-każ tal-lum, anki bl-għajnuna indispensabbli tal-Fond għall-Ktieb Malti tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb  — jixref talent ieħor li ġa rajna xi jsarraf bir-rumanz Mitt Elf Isem Ieħor: HappyVeganGirlJules (Merlin 2021). F’dan ix-xogħol, Lon Kirkop kien irnexxielu jpinġi d-dinja taż-żgħażagħ kontemporanji b’mod li faċilment jittraxxendi l-kategorizzazzjoni inizjali u kummerċjali tar-rumanz bħala wieħed għall-adulti żgħażagħ. Bl-istess mod, il-ġabra tad-drammi Fil-Ħajja li Jmiss(Merlin 2022) tista’ tattribwixxi s-suċċess tagħha għal darb’oħra għal din il-medjazzjoni bejn l-għarfien tal-kontemporanjetà u l-ħeffa li biha l-awtur jagħmel aċċessibbli d-diskussjoni dwarha mingħajr ma jxejnilha l-kumplessità intrinsika tagħha.

Xi ħaġa li anki d-direttur teatrali Joseph Galea jintebaħ biha immedjatament, anki għaliex esperjenza mill-qrib it-tlugħ ta’ dan ix-xogħol fil-Cospicua Short Play Festival. Interessanti wkoll li dawn il-kitbiet teatrali huma mlaqqmin drammi tat-triq, distinzjoni importanti li mhjiex sempliċement waħda akkademika jew ta’ ġeneru speċifiku, imma x’aktarx sinjal ta’ tentattiv għal teatru tassew eqreb għan-nies, li filwaqt li jinftiehem u jagħti intratteniment, jista’ wkoll iwassal messaġġi importanti u jqanqal id-diskussjoni.

Id-drammi f’din il-ġabra nimmaġinahom diffiċli biex jinħadmu, jew inkella għandhom bżonn atturi u direzzjoni preċiża, minħabba li ftit li xejn għandhom azzjoni u inqas u inqas direzzjonijiet drammaturġiċi, u jistrieħu fuq id-djalogi bejn ftit karattri, spiss tnejn u l-massimu erbgħa. Huma fil-fatt drammi ta’ ħafna kliem, imma l-kitba hija waħda tassew mexxejja, biex nerġa’ nikkwota lil Joseph Galea u l-kumment tiegħu għad-daħla, u għalhekk il-qarrej jista’ jaqrahom narrattivament fuq il-karta imma jista’ wkoll jistħajjilhom potenzjalment maħdumin. Huma djalogi essenzjali, fis-sens li marbutin mat-temi u t-tifsiriet li jridu jittrattaw, flimkien mal-għarfien tekniku tal-bżonn tal-qosor u l-konċiżjoni, u għalhekk l-effett huwa spiss wieħed intens u kkonċentrat, fejn hemm ukoll il-post għal ekwilibriju ideali bejn il-komiċità u d-drammatiċità.

Kirkop juri wkoll aġġornament għall-polz soċjali, sew kif għamel fir-rumanz fejn ittratta l-ħajja virtwali taż-żgħażagħ u kif tkanġi u tiskula għall-ħajja reali, sew f’dawn id-drammi fejn l-ossessjoni hija dik dwar l-identità kif taslilna mid-dibattitu kontemporanju dwar il-ġeneru. Xogħlijiet li huma wkoll kontribut ieħor għall-espressjoni letterarja queer, fejn il-konċezzjoni tal-ġeneru (lil hinn mill-omosesswalità biss, u t-trattament sorpassat tagħha patoloġiku jew melodrammatikament imsejken) hija waħda li, lil hinn minn jekk hijiex mgħejxa, hija mifhuma bħala qasam tal-għarfien, bin-narrattivi u l-politiki tiegħu. Il-ħarsa ta’ Kirkop, għalhekk, hija waħda infurmata u fl-istess ħin distakkata biżżejjed biex tiġi ttrattata bis-serjetà iżda wkoll bl-ironija, għal darb’oħra b’dak il-bilanċ bejn il-leġġerezza tal-karatterizzazzjoni xi drabi neċessarjament sterjotipata u l-urġenza tad-dibattitu ttrattat.

Id-dramm tat-triq jeħtieġ ukoll ċertu element didattiku, imma f’Kirkop dan ma jdejqekx kif spiss kapaċi jiġri. Huwa xogħol li timmaġinah tassew kapaċi jolqot komunità, speċjalment waħda li tkun b’xi mod sajma minn esperjenzi artistiċi partikolari, u għalhekk il-valur ta’ ħidma bħal din, anki bħal ma kkummentajt m’ilux dwar Tebut Isfar ta’ Clare Azzopardi (Merlin 2022), huwa wkoll wieħed potenzjalment pedagoġiku li jista’ jqarreb diversi nies lejn il-logħba letterarja u anki jbiegħed mill-astrattiżmu akkademiku ta’ kif nippreżentaw it-teatru Malti lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda.

Ħames drammi ċkejknin li kollha għandhom element qawwi ta’ oriġinalità ta’ kif jittrattaw tema kontemporanja. Forsi l-aktar waħda dubjuża hija Limbu li bqajt ma nafx jekk hijiex xi kundanna sottili tal-abort, speċjalment fid-dawl tal-liberaliżmu għaddej fix-xogħlijiet l-oħra, iżda xorta waħda tilgħab bl-idea tal-fruntiera tat-turufnament mit-tgawdija ta’ Alla għal trabi mhux imwielda jew li jmutu qasir il-għomor, f’diskursata bejn erba’ kunċetti ta’ tfal li għad iridu jitwieldu (kważi kważi tfakkrek fl-idea ta’ Ian McEwan f’Nutshell u r-rakkont fl-ewwel persuna minn tarbija mhux imwielda), li jinkludu sew it-tfajjel jismu Xejn sew Dnegel, li forsi jaf ilu daqsxejn li ġie tassew fid-dinja.

L-intertestwalità tiġi sfruttata b’mod matur u delizzjuż fi Fil-Ħajja li Jmiss, fejn il-kittieb jimraħ fost il-koppji ċelebri tal-immaġinarju kollettiv tal-bniedem, minn Adam u Eva sa Romeo u Ġuljetta, b’ironija qarsa li tittratta l-universalità tal-kriżijiet u n-nuqqas ta’ ftehim bejn is-sessi, kważi bil-malinkonija tal-koppji ta’ xi Immanuel Mifsud. Battalja minn ewl id-dinja li xorta għad għandha lok għall-fejqan u r-riżoluzzjoni, bis-saħħa tal-iżvilupp individwali imma anki tar-rivalutazzjoni tal-kunċett tas-sessi kif ingranat fina tul is-sekli u fid-dawl tad-dibattitu aktar reċenti dwar l-identità ġenerika u l-libertà tad-definizzjoni tagħna nfusna anki f’dan il-qasam fundamentali. Elektra, imbagħad, huwa djalogu mill-aktar interessanti bejn iż-żewġ naħat ta’ personalità waħda, b’waħda liebsa ta’ drag queen u l-oħra mneżżgħa mill-kostum, fejn hawnhekk tassew toħroġ il-ħila tal-awtur li jibbilanċja l-argument politiku mat-teatralità, u fejn il-ġeneru u l-asserzjoni tiegħu jintrabtu wkoll mat-tbatija għall-kisba tal-individwalità u l-ġlieda mal-passat u ma’ dak li jsawwarna soċjalment.

Liżar Roża, imbagħad, tatni kemxejn togħma ta’ A Little Life, fis-sens tal-karattru Q. ibigħ ġismu u mqaħħab mir-ruffjana jisimha Sabiħ. Minn taħt dejjem għaddejja farka mill-iċken imma xorta waħda qalila tal-vjolenza fir-rumanz ta’ Hanya Yanagihara, u s-saħħa unika ta’ dan id-dramm huwa t-tgħawwiġ kontinwu tal-ġeneru fejn jinqalbu għal kollox ir-rwoli tradizzjonali f’kull sens, u kull karattru huwa essenzjalment, kif jingħad fit-test, “żibel tas-soċjetà”, ilkoll vittmi, lil hinn mis-sess, tas-solitudni, id-diskriminazzjoni jew il-mogħdijiet fejn teħodna l-ħajja. Fl-aħħarnett, imbagħad, ’L Alla ta’ Wara l-Ħġieġ, li tinvestiga l-ħila tal-kredulità popolari u l-fenomenu tal-predikaturi fejjieqa televiżivi, biex toħroġ ruħ imsejkna tiġri wara ħolma u tama impossibbli mitmugħa lilha minn ċarlatan.

Jaf hemm, wara kollox, futur sabiħ għat-teatru Malti: futur li madankollu għandu jibqa’ jibbaża fuq il-varjetà u l-libertà tal-wiri u tal-espressjoni u, ikollna ngħidu, jinqala’ mill-korporattività u l-ippolitikar li sikwit qed joħonqu dan il-ġeneru. Jeħtieġ nagħrfu min tassew qed jikteb, b’mod konsistenti u b’viżjoni, filwaqt li nagħtuhom l-għodod u l-opportunitajiet, u nħarsu lil hinn mill-kontijiet tal-produzzjoni, in-negozju u r-riklamar

More in Arti