Kotba | Tard wisq

Belgħa Te ta’ Paul P. Borg iqanqal riflessjoni dwar dak li forsi missu nkiteb fi żmienu u li llum jinħass kemxejn staġnat. Mark Vella jistħarreġ dan ir-rumanz minn ottika storika, anki bħala riflessjoni dwar il-miti letterarji li fuqhom spiss insejsu l-apprezzament letterarju tagħna

L-aħħar offerta tal-Horizons taf tkun l-aktar avveniment editorjali kurjuż tas-sena. L-istalla dejjem tikber ta’ din id-dar tal-kotba terġa’ toħroġ wieħed miż-żwiemel l-aktar magħrufa, Paul P. Borg, b’rumanz li għandu limiti evidenti fil-ħila u l-valur letterarju kumplessiv, imma li mqiegħed f’kuntest differenti jaf jippreżenta interess għall-friegħi anċillari tal-kritika, bħal dik tal-istoriku letterarju jew tas-soċjoloġu tal-letteratura. 

Belgħa Te – Kif Bniedem Ikun Kelb ma’ Bniedem Ieħor huwa ġa isem partikolari fl-inkongruenza tiegħu, li bejn jispjega l-għan ta’ ġrajja li donnha tissuġġerixxi l-ħrafa morali, kif ukoll it-titlu ewlieni li fil-prożajċità tiegħu jintroduċi l-fus narrattiv prinċipali tal-ġrajja. In-nuqqasijiet tal-kitba, fosthom ir-ripetizzjonijiet u l-investiment limitat fl-istrateġija narrattiva — anki f’livell bażiku fejn l-alternanza mill-ewwel għat-tielet persuna bejn it-taqsimiet tinħass mhux ġustifikata jew inkella mhux maħduma kif xieraq — imma anki l-analiżi limitata li ma tafx x’art se taqbad, narahom jafu jmorru lil hinn mill-awtur partikolari, imma huma wlied ġenerazzjoni. Għax dan il-ktieb, li xorta waħda għandu l-potenzjal li jkun qarja popolari ta’ livell ogħla mis-soltu, anki minħabba l-argument u l-impenn preċiż tal-kittieb, tista’ tgħid li ħareġ almenu erbgħin sena tard. 

Borg huwa wieħed miż-‘żgħażagħ’ tal-kittieba ta’ tmiem is-sittinijiet u tal-Moviment Qawmien Letterarju, magħruf għall-opra importanti dal-lejl ġie alla, u anki bir-rakkonti tiegħu studjati minn ġenerazzjoni riċenti. Huwa tant ieħor magħruf għal impenn soċjo-letterarju partikolari għall-aħħar, li ddiskutejna hawn ukoll, u dar-rumanz huwa tista’ tgħid il-kontinwazzjoni fizjonalizzata ta’ maqful fil-ħabs ta’ ġbini, il-bijografija ‘sentimentali’ ta’ sieħbu l-poeta Carmel Attard. Konna semmejna l-importanza ta’ dan ix-xogħol l-aktar fil-każ tal-kundanna ta’ soċjetà kattiva fil-konfront tal-omosesswalità u l-kundizzjonijiet mentali, u r-rumanz tista’ tgħid jerġa’ jinviżta l-ġrajja ta’ Attard b’mod li jidher li huwa riproduzzjoni eżatta ta’ dak irrakkontat fil-bijografija. 

Storja li hija espressa anki bl-istess għadab tal-bijografu, f’sens ta’ ġrajja mgħejxa trawmatika għall-akbar ħabib tal-poeta, u li donnha saret ossessjoni li hemm bżonn tiġi ssublimata sal-aħħar biex b’xi mod tissolva jew tiġi ridimensjonata għalkollox. Id-difett tal-kitba jaf qiegħed hawn: id-distanza limitata bejn l-awtur u s-suġġett tinfexx f’naturaliżmu għalih innifsu li, minkejja li ma jdejjaqx mix-xrufija tal-insult omosesswali u pedofilu, jew inkella l-wirja tal-‘bwiel u l-bqija’ (bħal ma kien sejħilhom Ellul Mercer huwa u jiddeskrivi Sqaq id-Dlam) li jipproduċi l-bniedem anki bħala xbiha tal-qżież profond tiegħu bħala essri ħaj, xorta waħda ma jagħtix aktar u ma jmurx lil hinn minn realiżmu li jaf drajnieh u anki ssuperajnieh. Il-passjoni tal-awtur hija wkoll waħda essenzjalment akritika, moħħha biss biex terġa’ tokrob dak li karbet qabel (u x’aktarx mingħajr it-tagħlima, anki editorjali, li setgħet ħadet mix-xogħol preċedenti), u hawn tbati l-espożizzjoni tal-problema, li donnha tibqa’ ddur u ddur fuqha nnifisha għaliex nieqsa mill-għodda biex tiġi analizzata. 

Tant hu hekk li, kieku dan il-ktieb inkiteb meta kellu jinkiteb, b’għadab puntwali li seta’ jissarraf fi stqarrija politika dwar l-ipokrisija strutturali tas-sistema Maltija, kien ikollna, jekk mhux kapolavur jew opra klassika, mument letterarju xieraq li seta’ anki jiġġustifika l-mit tal-impenn u r-ribelljoni li bena tiegħu nnifsu l-Moviment. Anki jekk suġġett mill-aktar affaxxinanti, kif naraw mill-bijografija stess, fejn toħroġ l-istorja mhux magħrufa tal-persekuzzjoni tal-omosesswali u l-atroċitajiet tal-manikomju f’Malta tal-bieraħ, Borg qiegħed daqsxejn tard, speċjalment f’dawn l-aħħar snin ta’ rebħiet ta’ drittijiet ċivili u diskussjonijiet wisq aktar kumplessi dwar is-saħħa mentali. 

Fl-istess ħin, il-kitba ta’ dan ir-rumanz tidher sorprendentement nieqsa minn ċertu teknika bażilari, speċjalment għal awtur ta’ esperjenza bħal Borg (kważi kważi, anki nuqqas akut ta’ qari), imma anki minn għodod politiċi misnuna biżżejjed biex jistgħu jinkwadraw problema tant interessanti fi ħdan il-kuntest artistiku li qed tiġi ppreżentata fih. Is-saħħa mentali, għalhekk, tibqa’ l-babaw spjegat biss bil-korsiv tal-ismijiet it-twal tal-kundizzjonijiet u l-abbundanza ta’ primli bla isem, filwaqt li l-omosesswalità ma tinqalax mill-ħarsa eżotika, voyeuristika u kważi patetika, bħallikieku hija biss l-għażla duwalistika bejn jekk tippreferix in-nisa u l-irġiel. Tfakkarni wkoll f’xogħol minimu li nzertajt qrajt bħal ġurat għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, Ossessjoni ta’ Alfred Palma (Wise Owl, 2019) fejn il-ħarsa lejn l-omosesswalità ta’ ġenerazzjoni li daż-żmien insejħulha boomer, tispiċċa ssir titilazzjoni pornografika, minkejja l-influwenza ddikjarata ta’ Mewt f’Venezja ta’ Thomas Mann (!). Bħal fil-każ tal-eżempju minn bosta ta’ Palma, l-omosesswalità tibqa’ xorta waħda mgeżwra fil-midneb, l-iskabruż u anki l-marid, fejn ġenerazzjoni li bl-aħjar intenzjonijiet trid teqred preġudizzju, xorta waħda tibqa’ tħares lejh mill-ottika mċajpra ta’ dak l-istess preġudizzju. 

Borg jirnexxilu fir-realiżmu li jiddefinixxi l-mentalità ta’ perjodu storiku, fejn il-manikomju huwa ħabs ieħor li jfakkarna f’Foucault imma li l-idjoma Maltija kienet donnha ġa ppreċediet il-ħassieb Franċiż bil-qawl ironiku dwar li l-imġienen proprja barra ssibhom. Bl-istess mod, id-dramm tal-omosesswalità fi żmien ieħor jintwera bl-assoċjazzjoni mal-pedofilija u saħansitra mal-kriminalità, u l-protagonista huwa tassew maqbud f’dilemmi li għandhom mill-kultura li trabba fiha, speċjalment ħtija Kattolika li tkissru. Nerġgħu nsaqsu, anki b’kurżità kritika, x’post jista’ jkollu rumanz bħal dan, speċjalment illum, fl-analiżi queer, meta jidher biċ-ċar li anki s-sekulariżmu u l-liberaliżmu jinħassu timidi jew saħansitra assenti fit-tentattiv li b’xi mod tintnifed kultura samma u dominanti. Jibqa’ biss Alla li suppost jista’ kollox, li jista’ jsib tarf dil-kobba mħabbla: superego li jaqtagħlek nifsek u ma jħallikx taħseb, tant li jżommok fejn qiegħed u ma jwasslek imkien. 

Imma, għal darb’oħra, huma affarijiet li konna nafuhom, jew, għala le, insiru nafuhom anki permezz ta’ din in-narrazzjoni, iżda jidher li n-naïvetè tal-awtur tliġġmu milli jisfrutta t-tematika b’mod tassew letterarju, fis-sens li jkun kapaċi jmur lil hinn mill-wiċċ tal-affarijiet. Kemm-il darba, is-soluzzjoni hija l-karba tal-leħen narranti, stqarrija mgħaddba msejsa fuq il-mogħdrija jew inkella fuq skemi reliġjużi tant ċkejknin u d-dikotomiji għajjiena tas-soltu bejn it-tajjeb u l-ħażin jew inkella l-interpretazzjoni para-politika ta’ xi jfissru Kristu u t-tagħlim tiegħu. Madankollu, ma nistgħux inwarrbu għadd ta’ kunsiderazzjonijiet importanti li Borg jerġa’ jirnexxielu joħroġ mill-ħajja ta’ Attard: fost l-oħrajn, l-istampa tal-ewwel Malta moderna, qiegħda titkisser u tinbena eżatt bħal-lum, bl-individwu atomizzat u maqlugħ minn għeruqu, kif ukoll, fl-istess vena, il-kapitaliżmu u l-borgeżija li jirriduċu l-bniedem għal sempliċiment numru u entità produttiva immedjatament dispensabbli. Għal dawn l-aspetti, dan ir-rumanz għandu importanza għal analiżi pjuttost rari minn dan l-aspett ta’ żmien li spiss inħarsu lejh mill-istess ftit perspettivi. 

Valur ieħor ta’ dan il-ktieb huwa l-istudji li jirfduh, li jinkludu analiżi interessanti ta’ Charles Briffa kif ukoll xhieda dwar l-istorja tas-saħħa mentali f’Malta minn żewġ speċjalisti fil-qasam. F’taqsima tajba ħafna dwar l-intertestwalità fir-rumanz, li hija aspett li Borg x’aktarx ittratta b’ċertu ħila, Briffa jsemmi dak li jiġik f’moħħok mal-ewwel battuti tar-rumanz: One Flew Over the Cuckoo’s Nest (1962) ta’ Ken Kesey, u żgur wisq aktar magħruf għall-film tal-1975 b’Jack Nicholson fil-parti prinċipali. M’aħniex se nlumu li l-kittieb tas-sittinijiet li ma kitibx il-Cuckoo’s Nest Malti, bl-iżvantaġġ storiku notorju u magħruf tal-arti Maltija, imma fl-istess ħin, jidher li ttieħdu ftit li xejn lezzjonijiet.  

Belgħa Te għandu melodrammatiċità li żgur tolqot kategorija ta’ qarrejja, imma li fuq livell letterarju, mhux biss mhijiex interessanti u twassal ukoll għal tul u ripetizzjoni bla bżonn, imma tikxef in-nuqqas ewlieni ta’ aktar minn kittieb Malti: in-nuqqas totali tal-ironija jew tal-umoriżmu qares, li l-film ta’ Milos Forman miżgħud bih, u li żgur ma jtappanx it-traġiċità ta’ dan il-klassiku. 

Imma forsi tard wisq, ta’ min nerġgħu ntennu, u jaf din l-inkongruenza storika hija wkoll riflessjoni fuq dik li setgħet kienet il-vera preparazzjoni u formazzjoni intellettwali tal-Moviment Qawmien Letterarju, u kif jaf ikollna nirridimensjonaw l-effett u l-legat tagħhom. Jaf ukoll qed naraw re-run li ma kienx hemm bżonnha tat-tmiem u l-limiti tar-rappreżentazzjoni naturalistika jew tar-rumanz ‘soċjali’ u tal-għadab. Belgħa Te donnu nkiteb dak iż-żmien, imma ftit li xejn jidher li fi żmienu stess, kien hemm biżżejjed kuraġġ u impenn minn għadd ta’ kittieba biex tassew jistħarrġu dak li kien għaddej minn taħt imneħirhom. 

More in Arti