Kotba | Bit-twila u bil-qasira

Mark Vella jagħti ħarsa lejn il-finalisti għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, wara rekord ta’ sottomissjonijiet għas-sena 2022 

F’dinja fejn il-kotba għaddejjin minn kriżi ġenerali, mill-għeluq tal-ħwienet sal-għoli tal-prezz tal-karta u tat-trasport post-Covid u minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, u s-soltu lmenti dwar il-livellament kulturali ġenerali, il-bniedem xorta jħoss il-bżonn tal-ktieb. L-istess f’Malta, fejn huwa evidenti l-istat prekarju tal-industrija, xorta tibqa’ mgħaġġeb għall-ammont u l-kwalità tal-kotba li jibqgħu jinħarġu, kif mixhud mir-rekord ta’ sottomissjonijiet għall-edizzjoni 2022 tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Minn 199 ktieb sottomess, il-lista l-qasira tal-finalisti għandha 63 ktieb fuq il-kategorji kollha tal-premju. 

Fuq dawn il-paġni, ġew reċensiti 14-il pubblikazzjoni minn dawn, fil-biċċa l-kbira narrattiva, imma anki ktieb għall-adulti żgħażagħ, kif ukoll letteratura mhux fittizja. Il-premji għan-narrativa, jiġifieri r-rumanzi u n-novelli, jibqgħu fost l-aktar kategoriji prestiġġjużi, anki għaliex l-aktar li kapaċi jqanqlu diskors lil hinn mill-pubblikazzjoni, u dis-sena t-taqtigħat huma sostanzjali u interessanti. Fil-każ tar-rumanz, għandna tliet kotba bil-Malti u wieħed bl-Ingliż: il-pinna prolifika tal-veterana Lou Drofenik, flimkien ma’ żewġ rumanzi storiċi mod ieħor, Camerata ta’ Aleks Farrugia u Varjetà ta’ Toni Sant, u fl-aħħar Tyrone Grima bi Frammenti. Għażla li turi anki l-versatilità tal-kitba Maltija bħalissa, u li tkompli tixhed il-produttività tagħha fil-kategorija ffullata tan-novelli, b’mhux inqas minn tmien ġabriet, u taħlita interessanti ta’ kittieba stabbiliti u emerġenti. Fost is-sorpriżi, almenu għalija, tal-kotba li m’għamluhiex għal-lista finali, insemmi tnejn li rreċensejt: l-awtoppublikat Nyctophilia ta’ Daniel Schembri — li jaf forsi tqies xieref wisq biex jagħmilha ma’ tal-aħħar — u Perfettament Imperfetta ta’ Kirsten Spiteri, li forsi għandu identità ġenerika li tqarrbu aktar lejn il-letteratura adolexxenzjali.  

Il-kategorija tal-poeżija tippreżenta tliet kittieba mill-ġenerazzjoni l-ġdida, b’taqtiegħa interessanti bejn Nadia Mifsud u Norbert Bugeja, kif ukoll l-esperiment taż-żagħżugħ Matthew Schembri b’Ħassartek – it-tħassir tar-rumanz Stessi tal-istess awtur – u l-outsider Richard England b’ġabra bl-Ingliż. Id-drammi jibqgħu jzappu f’sens ta’ kotra ta’ produzzjoni, u dis-sena l-kategorija tara lis-soliti Vincent Vella u Alfred Buttigieg f’kompetizzjoni anki bejn l-Ingliż u l-Malti. Taqtiegħa tajba oħra se tkun dik tan-non-finzjoni letterarja: lil hinn mit-titlu kemxejn qarrieqi tal-kategorija, għandna żewġ bijografiji — it-tieni volum tal-qrariet ta’ Alfred Sant kontra l-memorji miċ-ċivil ta’ Joseph R. Grima. Interessanti, f’dan il-każ, x’ser ikunu l-kriterji tal-kejl tal-ġudikanti. 

Ma nistgħux madankollu ninsew l-assenti l-kbar, partikularment fil-kategorija tal-letteratura mhux fittzija, fejn donnu l-ġudikanti ħallew barra għalkollox il-politika u s-sensazzjonaliżmu tal-attwalità kontroversjali. Ma narawx, mal-finalisti, la l-edizzjoni ta’ Manuel Delia u Alessandra Dee Crespo ta’ ktieb ieħor dwar il-każ Caruana Galizia, imma l-anqas dak li mid-dehra kien bestseller bit-tieni ristampa u magna bla heda ta’ kontroversji anki ġuridiċi, A Rent Seeker’s Paradise ta’ Mark Camilleri. Tħallew għalhekk iż-żewġ bijografiji li semmejna qabel u, fuq livell personali, jiddispjaċini għan-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ U Tisbaħ Missier ta’ Sergio Grech. 

Il-kategoriji l-aktar kotrana, anki riflessjoni tad-direzzjoni tal-industrija, jibqgħu dawk tal-kotba għat-tfal u ż-żgħażagħ u tar-riċerka u tas-saġġistika. Fil-każ tal-ewwel, li jaqgħu taħt il-Premju Terramaxka, nibqgħu naraw id-dominju tal-Merlin Publishers, imma wkoll tentattivi aktar konsistenti minn djar tal-pubblikazzjoni oħra, kif ukoll it-tħaddim ta’ awturi magħrufin għal dawn il-ġeneri speċjali, sew fil-kitba oriġinali sew fit-traduzzjoni. Ismijiet bħal Leanne Ellul, Clare Azzopardi, Noel Tanti u Dwayne Ellul, fost oħrajn, imma wkoll ismijiet inqas magħrufin, bħal fil-każ ta’ Jacqueline Mizzi u Noti Blu li konna aċċennajna għalih xi żmien ilu. Jibqa’ xorta waħda żbilanċ evidenti fl-ammont ta’ kotba prodotti skont l-età, bil-kategorija tal-finzjoni għaż-żgħażagħ li għadha lura sew, anki fil-każ tat-traduzzjoni, imma li tinkoraġġina bl-isforzi konsistenti għalkemm ftit fil-għadd li jsiru kontinwament f’dan il-qasam. 

Jaf ġa hemm rebbieħ qabel ma jitħabbru r-rebbieħa. Il-kotba l-kbar, il-big books, mhux biss għal fuq it-tavolina fis-salott imma wkoll kotba li jinħadmu bir-reqqa u l-mestier u li huma minjiera ta’ tagħrif u riċerka oriġinali u impressjonanti. Hija forsi rebħa għall-industrija li tidħol għal dawn il-kotba minkejja l-kriżi, fejn donnu l-bejgħ isir kunsiderazzjoni inqas importanti mill-missjoni biex jinħoloq u jinxtered l-għerf. Lil hinn mid-dominju tas-soltu ta’ dar jew tnejn, din is-sena hemm għadd wiesgħa ta’ pubblikaturi u entitajiet li jippreżentaw produzzjoni impekkabbli ta’ kotba ta’ riċerka ġenerali, bijografika u storjografika. Jaf se jkun uġigħ ta’ ras għall-ġudikanti jagħżlu r-rebbieħa: kieku nilgħabhom, flusi nitfagħhom fuq il-Horizons b’Giuseppe Schembri Bonaci u l-Kite b’Conrad Thake u Michael Refalo. Imma attenti dejjem miċ-ċanġun ta’ Mark Montebello dwar Mintoff! 

Fl-aħħar, kategorija li dejjem qed tkun miżgħuda sew hija dik tat-traduzzjoni, fejn bosta pubblikaturi qed jinvestigaw modi kif iġibu letteratura barranija ta’ kull xorta għall-Malti, sew biex inwessgħu l-bejgħ tagħhom sew biex ikabbru l-orizzont u l-għażla tal-qarrejja. Hija l-kategorija li jkollha minn kollox: dis-sens, nagħtu każ, għandna lil Papa Franġisku li se jkollu jħabbatha mad-Divina Commedia tradott minn Alfred Palma, li jippreżenta ukoll traduzzjoni oħra ta’ Shakespeare. Jaf taqta’ qalbek għal dawn l-aħħar tnejn u għall-heavyweight tat-traduzzjoni li huwa Palma, imma ma ninsewx dis-sena lil Claudine Borg u traduzzjoni oħra mill-Franċiż, Charles Flores li jaqleb lill-awtur magħruf Jim Crace, it-traduzzjoni tad-djarju ta’ Anne Franku, min jaf, outsider oħra/ieħor, it-traduzzjoni mill-Malti għall-Ingliż ta’ Vespri ta’ Trevor Żahra minn Clare Vassallo. 

Dejjem ngħidha, u jaf ktibtha wkoll: il-premju tal-ktieb jeċitani tant li kieku nista’, f’dinja parallela, naħdimlu l-imħatri. F’sens sportiv, dejjem legali u b’għajn magħluqa għall-etika, imma għall-iskop li jixxerred il-gost tal-ktieb u li jsir magħruf aktar fil-wisa’. Kif ukoll bit-tama li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ikompli jħabrek biex dan il-premju tant importanti jkompli jieħu l-ġieh li tant jistħoqqlu u jiġi ppreżentat b’tali mod, anki bħal premji barranin, li jkun jista’ jixtered fost pubbliku wisq akbar. 

More in Arti