Kotba | Jagħmel li jrid

L-aħħar xogħol tiegħu Alfred Sant żgur ħa gost jiktbu. Imma Mark Vella ma ħax daqshekk gost jaqrah, forsi anki għax iħoss li seta’ nkiser il-kuntratt bejn l-awtur u l-qarrej.

Għal Sant, il-letteratura hija logħba. Għal kull awtur, essenzjalment, li mill-materja prima mxerrda fis-sulari tal-Babel tal-lingwa, isawwar ġugarell uniku u ġdid għal kollox. Imma Sant l-enigma perenni. Bħal fil-ġrajja politika ewlenija tiegħu, huwa anki awtur li jikkalkula, fil-każ speċifiku forsi b’riħet l-għarfien maniġerjali u ekonomiku li jista’ jitkejjel u jinħadem bl-islide rule calculator, aġġeġġ rari daqs il-Kus Qaddis, li fil-bijografija tiegħu Sant isemmih b’għożża meta jirrakkonta li xtrah l-Amerika u li għenu biex jaħdem diversi proġetti bih. 

Id-divertiment mhuwiex biss l-għoġba personali tal-awtur waqt xogħlu. Elevah saħansitra għal ġeneru, fid-dieher temporanju, bħal fil-każ tal-ġabra Pupu Fil-Baħar (SKS, 2009), anki reminixxenti tad-divertissement teatrali jew letterarju, intermezz ħafif bejn ħwejjeġ forsi aktar impenjattivi. Sant, fil-fatt, jaf jieħu gost bil-kitba u ma jiddejjaqx jistqarrha: il-postmodernità ilna li għarafna l-aspett lagħbi tagħha bix-xbihat u t-tifsiriet, li jistgħu wkoll jiskulaw għall-awtur reali, mhux biss għall-imġiba tad-demm u l-laħam tiegħu, imma anki għax-xbiha li tinħoloq jew joħloq hu deliberatament tiegħu nnifsu. 

Mhux biss, għax Sant dejjem iżżerżaq ħafif mill-qafla tad-definizzjonijiet u d-denominazzjonijiet. M’intix se ttih tikketta letterarja kif ġieb u laħaq, speċjalment wara li ħeles mir-rumanz żagħżugħ antierojku biex jaqbad it-triq unika tiegħu. Sant l-istramb, kif anki ttrattajna xi żmien ilu fir-reċensjoni taż-żewġ bijografiji tiegħu, iterraq waħdu t-triq li jagħżel hu, u ħadd mhu sidu jekk jaqtagħha li jilwi ħesrem. F’dan l-aspett, jibqa’ dejjem frisk u dejjem tistenna xi ħaġa ġdida mingħandu: tista’ tgħid m’hemmx ktieb tiegħu li ma joħloqx stennija u ma jippremjahiex, bħal fil-każ ta’ Western (SKS, 2016) u Bħal f’Dizzjunarju (SKS, 2011), divertimenti deliberati u garantiti. Sant imur lil hinn mill-obbligi imposti fuq il-figura awturjali: żgur ma jatteġġjax ta’ qalbu perżuta mehdi fis-sħab kapriċċjuż li joħloq moħħu, u anki l-ftit analiżi letterarja li ppubblika tinfed wisq aktar minn oħrajn stabbiliti li donnhom dejjem jieħdu l-istess dawra biex jerġgħu lura minn fejn ġew. 

Fi ftit kliem, Sant jagħmel li jrid. Jittraduċi r-rumanz tiegħu stess u joħorġu hu, bħal fil-każ tat-traduzzjoni għall-Ingliż ta’ L-Għalqa tal-Iskarjota, u llum jerġa’ jawtopubblika, b’Ir-Rumanz tal-Fieres Safran bħala l-ewwel offerta mid-dar ġdida Quinque. Milli jintqal, l-isem, ħamsa bil-Latin, huwa wkoll enigma oħra ta’ Sant, mitfugħa bħala għadma oħra għall-klieb imġewħa, imma mhux se naħlu ħin nippruvaw insolvuha. Is-sit elettroniku tagħha jirreklama x-xogħlijiet l-oħrajn tal-awtur u donnu jistieden vagament għall-manuskritti biex jinħadmu b’mod koperattiv u bl-awtur iżomm aktar kontroll fuq xogħlu. Xi ħaġa li ġiet ripetuta mill-awtur anki waqt il-webinar tat-tnedija, xorta vaga, fejn issuġġerixxa short-circuiting tar-relazzjoni bejn il-pubblikatur u l-awtur ħalli, sabiex nużaw verb ossessiv tiegħu, il-proċess ‘jittellaq’ aktar malajr. 

Ma tridx tkun tal-mestier biex tinduna, imma Fieres jolqtok mill-ewwel bl-istradikatezza editorjali tiegħu. Apparti tipografija tgħajjik, reminixxenti ta’ meta l-kotba konna nagħmluhom b’saqajna, l-għeltijiet ortografiċi u tipografiċi juru li din it-tellieqa biex jinqabeż is-sensar bejn l-awtur u l-pubbliku ma ntrebħitx, jekk bdiet, wara kollox. Hemm bħallikieku konsistenza fl-għelt, ras iebsa li ma tridx taf bir-regoli u bil-korrezzjonijiet, liema żbalji jinfirxu anki fuq unitajiet tat-tifsir bażiċi bħal ċertu ismijiet tal-karattri. Il-ktieb kaxxa magħluqa: minkejja kull agħa dwaru, ma tkunx taf x’fih sakemm tiftħu u taqrah. U għad m’hemmx polza li biha tista’ tieħdu lura l-bejjiegħ għax b’xi mod sibtu difettuż. Nerġgħu għaliha din, għax jaf hemm konsegwenzi aktar serji. Lil hinn milli ninsinwa xi forma ta’ skorrettezza jew traskuraġni tal-ksuħat, din li nkomplu nillappazzaw bil-Malti ma jistax ikun inkomplu għaddejjin biha. 

L-immaġinazzjoni fertili ta’ Sant, madankollu, ma tiddiżappuntax. Ġa l-fatt li kapaċi jġedded lilu nnifsu kull darba huwa penz ieħor fuq il-pavru, b’kuntrast għal waqtiet fejn donnu kulħadd ma jafx jikteb ħlief fuq l-istess ħaġa u fi ħdan l-istess sqaqien. Did-darba, joħorġilna bi storja msejsa fuq il-mit Arturjan, fejn kavallier jintbagħat fuq missjoni biex isib is-Santu Graal, il-plattin li Ġużeppi ta’ Arimatea kien laqa’ fih id-demm ta’ Kristu msallab. Jasal Malta, fil-periferija mhux magħrufa tad-dinja, u Malta ssir iċ-ċentru tagħha, bla ma taf, f’logħba ironika u intelliġenti li tgħaqqad il-misteru dwar l-istorja pre-Medjevali ta’ Malta ma’ elementi tar-rumanzi storiċi tax-xwabel iċemplu u l-imħabba kortiġġjana, b’medda ta’ għarfien letterarju li tieħdok mil-letteratura Provenzali sa Walter Scott, u kollox mirfud mill-postmodernità tad-dokumentazzjoni u s-sorsi extra-letterarji, u n-narratur li jxidd u jinża’ maskra wara l-oħra.  

Issa, il-paraguni odjużi, u trid tqabbel mas-simili, imma l-ambjentazzjoni storika u l-intenzjoni, bit-tiftixa tal-kus qaddis u s-sekli mbiegħda tal-umanità Ewropea, bilfors jiħduk għal Umberto Eco u Baudolino, u forsi wkoll, l-aktar għall-kuntest tekniku, lejn Il Nome della Rosa bħala eżempju miċ-ċelebri tal-iżvolta postmoderna, bil-logħbiet ġodda tal-intertestwalità u t-taħlit tal-mezzi u r-reġistri. Il-wegħda interessanti ta’ Sant, li jitfa’ l-ġrajja tat-tiftixa mitika f’Malta li tista’ titgħabba b’allużjonijet ambigwi u oblikwi għal qagħdiet preżent, tisfuma malajr u kull ma jibqa’ huwa rakkont lineari bi ftit mumenti memorabbli, u li jintilef fi gzuz ta’ deskrizzjonijiet ambjentali dettaljati u elenku jgħajjik ta’ ġesti bażiċi (wisq kinetiku, ftit li xejn mimetiku) li ma jroddux wisq lill-istorja. 

Markald il-fieres safran huwa karattru ewlieni ċatt għall-aħħar, b’kumplessità limitata u vittma tad-dinja mingħajr ebda ironija li jqiegħdu l-awtur fiha. Il-kunflittwalità tar-rumanz, minkejja elementi interessanti tal-ħolqa bejn il-poter u t-tradiment, u anki l-fidi għamja f’ideal, hija essenzjalment dilwita għall-ġlieda elementari bejn it-tajjeb u l-ħażin, Kristu u x-Xitan, mingħajr wisq żoni griżi u wisq inqas lok għall-kriżi. Kriżi li mhijiex prevedibbli jew skontata, iżda mument li tassew iwassal lill-karattru f’salib it-toroq. 

U hawn jerġa’ jidħol il-pubblikatur-sensar, li jingħad li rridu nqaċċtuh. Rumanz potenzjali bħal dan kien mhux biss igawdi minn qarrej tal-provi bħala minimu, imma l-aktar minn editur u qarrejja strateġiċi, sew alpha sew beta (min jaqra l-ewwel abbozz u min jaqra x-xogħol lest qabel ma joħroġ). Mhux biex inqarvżu test għall-essenzjalità mitika li ġab l-editur ta’ Raymond Carver, imma biex lil-laħma naqtgħulha l-grass. Qarrejja bħal dawn żgur jindunaw mhux biss bl-azzjoni miktuba għaliha nnifisha —għalkemm din taf tkun anki intenzjoni awturjali-editorjali, li jew timita ironikament ġeneru sorpassat, jew inkella qed timmira għal ċertu qarrej — imma anki għal nisġa għażżiena fil-linearità tagħha. L-enigma tar-rumanz tissolva, u l-qarrej se jkun fehem, fl-aħħar mill-aħħar, x’ġara u ma ġarax, imma minkejja xi flashback ’l hawn u ’l hinn, u mumenti tajbin fejn in-nisġa taqbad sew, l-aktar fit-tieni nofs tal-ktieb, kull m’għandu possibbilment jintwera, minflok jintqal, bil-famuż info dump fejn dak kollu li hemm bżonn biex l-istorja timxi ’l quddiem jinxteħet f’ħalq karattru li jinfexx f’monologu ta’ rendikont ta’ fatti biex jimla l-ħofor fil-mixja tar-rakkont.  

L-istess jista’ jingħad anki għall-għażla lingwistika, li hija sfida minnha nnifisha għal dat-tip preċiż ta’ rumanz. Sant jittanta juża lingwaġġ arkajku li jixraq lil żmien l-ambjentazzjoni, iżda hawnhekk id editorjali żgur setgħet tissikkaha aħjar din l-istrateġija, fejn il-kliem mhux magħruf, u inġenerali l-lingwa maħluqa, jitqiegħdu f’kuntest narrattiv fejn ma jaljenawx u t-tifsiriet tasal għalihom xorta. Imma anki għal sintassi mill-aktar stramba fejn il-mixja loġika tat-tempi tal-verb għandha xi ħaġa nieqsa, donnu idea stilistika potenzjalment tajba b’intenzjoni strateġika, li madankollu jonqsilha element grammatikali fundamentali biex tirnexxi. 

Imma Sant jagħmel li jrid. U bħall-Papiet li ssuċċedew, imut wieħed, jitla’ ieħor, u l-kreattività tiegħu jidher li m’hemmx li tbatti. X’tagħmel biha forsi storja oħra, u jaf il-leġġerezza mistqarra għal ċertu prinċipji tal-proċess editorjali kapaċi tirrifletti fil-prodott finali.

More in Arti