Kotba | Kelma ta’ mara

Mark Vella ma tantx jaqraha l-poeżija, u llum l-ewwel darba li jipprova jikteb dwarha. U l-kuraġġ jingħatalu minn boton nisa li qed jiktbu dawk li fil-fehma tiegħu huma l-aktar xogħlijiet poetiċi kontemporanji importanti, b’milja ewlenija minnhom milħuqa mill-aħħar ġabra ta’ Claudia Gauci

Claudia Gauci
Claudia Gauci

Ma nifhimx fil-poeżija. Jew forsi kont, b’xi mod, qabel ma għażilt li niffoka fuq in-narrattiva u tista’ tgħid ma bqajtx insegwiha. Mela ma bqajtx nifhem fiha, għax kif ngħidu, m’għandix biżżejjed il-grammatika biex nifhimha sew dil-lingwa u nitkellem dwarha bis-serjetà. Naħseb ukoll, jekk niftakar kif kont inħares lejn ix-xena lokali, kont ukoll ħadt id-deċiżjoni li niffoka fuq in-narrattiva għaliex kont rajtha bħala l-ġeneru li kien l-aktar potenzjali għall-ħolqien ta’ kontenuti u tifsiriet ġodda, attivi u qawwija; filwaqt li l-poeżija, mhux biss ħobż mimgħud, imma dħul u rtir ’il ġewwa mill-qoxra fejn il-kittieb jinqala’ għalkollox mid-dinja (mhux is-soċjetà, għax dak forsi mhux obbligu, imma mid-dinja), u jispiċċa f’eżerċizzju solipsistiku ikellem lilu nnifsu. Forsi, f’ġieħ il-polemika u biex inqanqlu l-ilma qiegħed, il-liċenzja tal-vulgarità tippermettili ngħid li jispiċċa jilgħab b’ġismu. 

U jekk mhux hekk, jibqa’ fid-dinja, jew fis-soċjetà, bħala makkjetta ta’ protesta, immexxi mill-aħbar tal-ġurnata, jagħġen l-għadab skont id-daqqa tal-ġeopolitika: illum il-Palestina, għada l-Ukrajna. U x’aktarx Malta tibqa’ ssaffar. Tintebħu, m’għandniex xi ngħidu, li hawn qed noqrob għall-karikatura, pinzellata ħoxna li żgur ma turix il-qagħda kif inhi tassew, għax anki jien u nikteb, niftakar fil-mumenti importanti ta’ bħalissa tal-poeżija, minn Immanuel Mifsud sa Adrian Grima u John Aquilina. Il-poeżija li ma naqrax u ma nikkunsmax, kif għidt fuq, imma li donni xorta nittawlilha kull tant żmien, u li bil-ftit li nilmaħ, nasal biex nabbuża minn din l-istampa grotteska. 

Il-midja soċjali, madankollu, bdiet tbiddilha dil-qagħda, u ili, tista’ tgħid jum iva jew le, nilmaħha aktar il-poeżija. L-ewwelnett, hemm min fiċ-ċirku tiegħi jippubblika poeżiji barranin ta’ poeti li jiswew, u nibda, anki jekk mingħajr wisq kuntest jew informazzjoni, naġġorna lili nnifsi dwar kif qed tidher u tinstema’ l-poeżija tal-lum, speċjalment tad-dinja Anglo-Amerikana li ilha tinfurmalna parti ewlenija tal-lehma poetika, almenu fil-prinċipju ta’ fejn mingħalina rridu naslu, sa mis-sittinijiet. U b’xi mod, dal-ġeneru li abbandunajt donnu jerġa’ jintrigani: pinzellata ħoxna oħra, mingħajr ma nagħmel sforzi ulterjuri, li jtuni idea ta’ kif għandha tiġi ppoetizzata d-dinja u l-esperjenza, u li anki nista’ nużaha bħala kejl għal dak li qed isir hawn. 

U filwaqt li l-poeti rġiel li jippowstjaw fuq Facebook issa dejquli tikka l-bubun, minkejja li sħabi, qishom qed itellgħu l-kelmiet mill-urna tat-tiritombla u jimmiraw għar-rikonoxximenti, il-premji u r-ritratti tal-okkażjoni li jistgħu mbagħad ibossu bihom, hemm grupp ta’ nisa li xogħolhom qiegħed kontinwament nistennieh u nfittxu. Fost l-attivi, għalhekk, b’aġġornamenti regolari fuq Facebook, tiġi f’moħħi Elizabeth Grech, Leanne Ellul u Klara Vassallo, li filwaqt li qed jedukawni dwar x’hemm hemm barra, narahom ukoll iġorru x-xettru u jkomplu l-legat tan-nisa ta’ qabilhom, Maria Grech Ganado u Doreen Micallef, li bejniethom jaqsmu felli monumentali mill-aqwa waqtiet tal-poeżija Maltija, lil hinn minn kull barri sagru ieħor.  

Biex nagħti spunt għal kull waħda. Elizabeth Grech, senswalità Mediterranja li tqanqalni daqs kemm ċaqilqitni Nadia Mifsud bir-rakkonti ta’ Żifna f’Xifer l-Irdum. Leanne Ellul, ġigġifogu ta’ esperimentazzjoni lingwistika li xorta waħda jżomm polz konsistenti ta’ realtà investigata. Klara Vassallo, li għada virtwali fil-pubblikazzjoni, werrieta teknika ta’ Doreen Micallef (u rebbieħa tal-premju msemmi għall-poetessa enigmatika) u b’direzzjoni attivista li tgħaqqad b’sengħa promettenti d-dinamika kumplessa tal-poetiku, il-politiku u l-personali. Din hi l-poeżija tal-lum: kelma ta’ mara, imnixxfa mit-testosteron jgħajjat biex jixpakka u jiżbroffa, u meqjusa bejn l-istinti tal-femminilità u d-dimensjoni politika ġdida u kumplessa tal-mara fid-dinja tal-lum. 

Issa dawn, bħalma għidna, nisma’ minnhom jum ieħor jum le. Imma l-aħħar xogħol poetiku importanti ppubblikat huwa ta’ mara oħra, Claudia Gauci, li (Claudia taf) Maria Grech Ganado kienet iddeskrivithieli bħala għażżiena, bħala tifħira għal-leħen poetiku li missu jkun wisq aktar prolifiku. Gauci toqgħod aktar fid-dell minn sħabha, imma Fix-Xatt tat-Tamarisk, l-ewwel pubblikazzjoni tad-dar ġdida Kotba Calleja (ta’ Glen Calleja tal-iStudio Solipisis li ktibna dwaru u dwar kemm iħammeġ idejh), juri mhux biss ħakma ta’ idjoma poetika u oriġinali, iżda impenn sieket għat-tlestija ta’ xogħol organiku. 

Iktar milli bombi u murtali, Gauci tipproduċi dellijiet minn taħt xmux jikwu jew għabex kiebi. Mill-ftit li nifhem, mill-ġdid: teknika fejn il-vers apparentement ħieles huwa kkontrollat mingħajr ma jitlef surtu, u fejn it-timbru poetiku joqrob b’ħeffa u kunfidenza lejn ir-rakkont narrattiv. Dan jagħti lill-poeżija ta’ Gauci sens diskursiv li ma jitliġġimx mill-assunzjonijiet dwar il-ġeneru, anzi jitkellmu bl-istess leħen u attitudni ta’ dak li mid-dehra qed iseħħ barra minn Malta. Poeżiji li ximindaqqiet isejħu lilhom infushom stejjer, rakkont impespes bejn tnejn, jew inkella bejnek u bejn ruħek, fejn l-astratt tal-kelma mfittxija jew l-ikkumplikar neċessarju tat-tifsir li twassal il-metafora, jitwasslu f’qafas ta’ xbihat familjari li l-ħila tal-poeta tiddefamiljarizzahom mingħajr ma taljena lill-qarrej. Is-siġra tat-tamarisk, li tagħti t-titlu lill-ġabra u li hija waħda mix-xbihat rikorrenti ewlenin, hija fl-istess ħin rifuġju mil-longa tas-sajf langwidu Malti u dell li jħajjar ir-riflessjoni, kif ukoll karatteristika tal-belt (f’dan il-każ, Tas-Sliema fejn trabbiet Gauci) fejn it-tensjonijiet li jseħħu lil hinn mid-dell li jħarsek mix-xemx tiżreġ tiffjakkak jinfurmaw ir-relazzjonar bejnietna. 

Hija wkoll il-poeżija taċ-ċokon Malti, fejn xejn ma jista’ jseħħ mingħajr qrubija u kontigwità ma’ xi ħaġa oħra anki antitetika għaliha, fejn il-kafè solitarju ta’ filgħodu jew l-intimità tal-ħbiberiji importanti qed iseħħu tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mill-qerda industrijali tal-imgħoddi, tat-tifkiriet. Eventwalment, anki tat-tamarisk u tax-xatt li jilqagħlu għeruqu. Il-qofol tal-esperjenza tiegħi b’din il-ġabra kien wieħed ta’ riżonanza qawwija, fi kliem ifqar fejn kollox idoqq f’widnejk. Lajma tas-sħana li tħossha tħeddlek, il-pjaċir uniku tas-sajf Mediterranju li xorta jġorr miegħu mhux biss malinkoniji kiebja imma wkoll preokkupazzjonijiet serji, l-oġġetti u l-ħwejjeġ ta’ kull sura li donnhom isiru jikwu bit-tifsir. U, fl-isfond ta’ dan kollu, it-theddida mbiegħda, li għad trid tiġi, tal-maltempata.  

Niddevja ftit minn fuq Gauci, anki għax dil-ħaġa li tkiddni ma tantx rajtha fil-ġabra, u għalhekk ħadt gost biha. Min huwa l-‘int’ tal-poeżija femminili kontemporanja Maltija? Lil min qed tkellem? Huwa l-‘int’ tat-tieni persuna ta’ meta tkellem lilek innifsek, jew inkella, kif spiss nissuspetta, huwa ‘int’ maskili, li l-mara, ħielsa kemm hi ħielsa, xorta tibqa’ tiddependi minnu kkakmata miegħu? Hemm wisq mumenti fejn, minkejja kull stqarrija jew attitudni, sew extra-poetika sew mifhuma mill-allużjonijiet tax-xogħol stess, għad għandna mara dipendenti biss fuq is-sentimenti u-riflessjonijiet kif imqanqlin mil-laqgħa amoruża u senswali mar-raġel, mal-maskili, li xorta jinħass dominanti daqs it-tradizzjoni u li nibqgħu ma nistgħux ngħaddu mingħajru. Ir-raġel, jew dan l-‘int’ pjuttost trasparenti (almenu għalija) li, kieku ma jkunx għalih, tiżvinta almenu nofs il-qawwa tax-xogħol.  

Illum issugrajt daqsxejn aktar mis-soltu bl-idjoma vulgari u forsi anki bil-paraguni kważi skorretti. Imma ma rridx il-poeżija tal-mara Maltija tkun kanzunetta qerrieda oħra ta’ Adele. Imma, ħalluha din: kif ftaħt nagħlaq. Jien ma nifhmix fil-poeżija. Imma, għalissa, il-ġabra l-ġdida ta’ Claudia Gauci sserraħli rasi dwar fejn qegħdin u fejn sejrin. Leħiniha sabitu, leħinha sostnietu, u l-aħħar xogħol iżomm fuq pedamenti li huma għal kollox frott il-viżjoni studjata tal-awtriċi, mibnija bil-lajma kollha tal-istkennija taħt id-dell tat-tamarisk. 

More in Arti