Il-Port il-Kbir u t-Tieni Gwerra Dinjija: Heritage Malta torganizza dawriet fuq il-baħar
It-tema tat-Tieni Gwerra Dinjija ntgħażlet billi din is-sena timmarka t-80 anniversarju minn meta Malta ngħatat il-George Cross mir-Re Ġorġ VI
Dan is-sajf, Heritage Malta se terġa’ torganizza d-dawriet popolari tagħha fil-portijiet, bl-enfasi din id-darba tkun fuq it-Tieni Gwerra Dinjija u l-effetti li ħalliet fuq il-Port il-Kbir, il-Port ta’ Marsamxett u l-inħawi tagħhom.
It-tema tat-Tieni Gwerra Dinjija ntgħażlet billi din is-sena timmarka t-80 anniversarju minn meta Malta ngħatat il-George Cross mir-Re Ġorġ VI. Miżgħuda b’fortifikazzjonijiet, infrastruttura militari u strutturi importanti oħra, l-inħawi ta’ madwar il-Port il-Kbir u l-Port ta’ Marsamxett kienu mira ovvja għall-qawwiet tal-għadu matul il-gwerra.
Id-dawriet fuq il-baħar għaldaqstant se jsegwu l-ġrajjiet storiċi li seħħew bejn l-1940 u l-1943 u li jistgħu jiġu deskritti bħala t-Tieni Assedju Kbir ta’ Malta. It-tagħrif storiku matul dawn id-dawriet se jingħata minn Matthew Balzan, Kuratur Ewlieni – Fortifikazzjonijiet fi ħdan Heritage Malta.
Se jsiru żewġ dawriet fuq il-baħar – waħda t-Tlieta 19 ta’ Lulju u l-oħra l-Ħamis 21 ta’ Lulju. Id-dgħajsa titlaq mix-Xatt ta’ Tas-Sliema (Luzzu Cruises Point) fis-6.30pm. Dawk li se jixtru l-biljetti għandhom ikunu fuq il-post nofs siegħa qabel. Kull dawra tieħu siegħa u kwart.
Il-prezzijiet tal-biljetti huma kif ġej: L-adulti jħallsu €17, l-anzjani u l-istudenti jħallsu €15, it-tfal u l-membri ta’ Heritage Malta jħallsu €10. Il-biljetti jinxtraw online minn https://heritagemalta.mt/store/e1076/ u minn https://heritagemalta.mt/store/e1077