Kotba | Kull fejn taqta’, joħroġ id-demm

Mark Vella jibża’ minn No Mans Land ta’ Marie Briguglio u Steve Bonello, għaliex il-ktieb jew ma jagħtikx għażla jew inkella jimponilek deċiżjonijiet mill-aktar diffiċli. L-aktar faċli huma li tirrabja waħdek jew inkella tirtira ddisprat mill-ħajja. 

Ilkoll nagħrfuha x-xbiha klassika tal-mara tad-dar Maltija tixkupa lil hinn mill-għatba għal fuq il-bankina l-aħħar trabijiet ta’ wara t-tindifa, filwaqt li ġewwa jleqq xummiema. U kieku mmorru lil hinn, anki l-każijiet fejn il-familja tgħix fil-garaxx biex ma tkagħbarx il-bqija tad-dar mhux mittiefsa u s-sufan imgeżwer fil-plastik. F’pajjiż fejn in-nies huma relattivament ħafna u l-art oġġettivament ftit, dan il-proċess ta’ involuzzjoni jakkwista sinifikat, fejn kważi kważi nirregredixxu lura kemm jista’ jkun għall-unika toqba li hija tagħna biss u li mhux se jmisshielna ħadd.

Iżda, kważi mera tal-istess imġiba, dak li mhux tagħna għax huwa ta’ kulħadd, jidher li xorta għandna t-tendenza nittantaw nagħmluh tagħna. Bħalma stqarr sikwit Jeremy Boissevain, l-antropologu li bena l-fama akkademika tiegħu fuq l-osservazzjoni tal-Maltin, barra minn darna ma huwa ta’ ħadd, fis-sens tan-‘no man’s land’ ta’ bejn it-trunċieri fil-gwerer, u li huwa titlu inciżiv tal-pubblikazzjoni ta’ Marie Briguglio u Steve Bonello (Kite, 2018), rebbieħ tal-kategorija tal-Letteratura mhux Fittizja tal-edizzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb tal-2019.

Lil hinn mill-problematiċità ta’ isem il-kategorija tal-premju, dan il-ktieb nistgħu nsejħulu saġġ li jittratta kollox ħlief il-finzjoni. Briguglio u Bonello ltaqgħu tista’ tgħid b’ċikka frott waħda mill-ossessjonijiet ewlenin tagħhom — l-art u l-użu tagħha — u inzerta li l-karikaturi kotrana ta’ Bonello dwar it-temi ambjentali daħlu kexxun fir-riċerka u l-kunsiderazzjonijiet li kienet ilha qed tagħmel Briguglio bħal ekonomista u akkademika b’interess fl-ambjent u fil-kwalità tal-ħajja.

Steve Bonello
Steve Bonello

B’ċikka wkoll, erġajt iltqajt ma’ Marie m’ilux wara ħafna snin fuq il-katamaran minn Sqallija. Ġeddidna l-memorji ta’ malajr, imma d-diskors, flimkien ma’ żwieġna t-tnejn Taljani li għażlu ’l Malta bħala d-dar ġdida tagħhom, malajr waqa’ fuq ħwejjeġ aktar urġenti. L-istat tal-ambjent Malti, mill-bini bla rażan sal-għajbien tal-kampanja, imma anki l-problema bl-ispazji pubbliċi, jew għax jitqaċċtu s-siġar bl-addoċċ u nispiċċaw imxawtin minn xemx dejjem aktar tikwi, sal-problema biex tmur dawra fil-kampanja int u tinnegozja r-rotta bejn iċ-ċomb tas-snieter u t-tfaqqis tan-No Entry Tidħolx ma kull pass li tagħti.

Jaf min kien qed jissemmgħalna għamel wieħed minn żewġ ġudizzji. Jew “kemm huma mdejqin u ‘negattivi’, ħalluna ngħixu u ndawru lira bil-kwiet”. Jew inkella kompla jisma’ sieket u jaqbel f’qalbu, bħalma jagħmlu l-bosta li ma jafux jirreaġixxu mod ieħor, għall-karba ta’ kemm potenzjalment Malta jaf saret pajjiż tad-dwejjaq, l-aktar għal minn tassew iħobbu lil pajjiżu. U jien u naqra l-ktieb, li ftakart fih kif ukoll li qatt ma kont qrajtu, tiġik is-sensazzjoni li donnha qegħdin tassew fi gwerra, tassew moħbija fit-trunċieri nilqgħu l-attakki tal-għadu, u bil-mod il-mod nitilfu l-aptit li noħorġu niġġieldu u nattakkaw. Li qas biss nissograw naqsmu għal fuq l-art li mhi ta’ ħadd.

U hemmhekk qisha tibda tagħmel sens pervers ix-xbiha tad-dar Maltija xummiema, bunker tal-ordni, l-indafa, u l-armonija, u l-bqija jistgħu jmorru għand boxxla xjaten. Imma dan hu l-paradoss: li jaf ix-xjaten tassew ħadu l-bqija. Il-perċimes kulħadd jaf min hu: minn awtoritajiet bla snien, sa żviluppaturi egoisti u arroganti, u sistemi ekonomiċi msejsa fuq is-saltna tal-karozza, l-akkumulazzjoni individwali tal-ġid biex ilkoll inkunu sinjuri żgħar... u min jiflaħ iħawwel, l-aktar jekk kapaċi jdur mar-regoli jew, agħar minn hekk, jisfrutta n-nuqqas istituzzjonali tagħhom.

Imma hemm ukoll problema oħra: aħna, jew almenu wħud minna, u l-mod kif barra nissieltu biex nagħmluh tagħna, fis-sens ta’ tagħna biss mhux tagħna lkoll. Barra mhuwiex tagħna mhux biss għax mhuwiex, imma anki għax kien tar-Reġina u issa hu tal-Gvern, u hemmhekk jiskatta d-deni postkolonjali li jeqred kull sens ta’ kburija jew appartenenza, il-famuż sens ċiviku. Għax kieku barra jkun tassew tagħna, u naħdmu biex ikun sabiħ u xieraq kif imiss, u biex naqsmuh ma’ xulxin u jgawdi minnu kulħadd. Il-perverżjoni hija li barra jista’ jkun tagħna biss jekk għandna intenzjonijiet rgħiba għalih, biex nagħmluh ta’ użu esklussiv tagħna.

U għal dan ma tridx tkun xi ras kbira tal-kostruzzjoni. Kemm iżżomm il-mużika tgħajjat u ttanbar iżżejjed waqt li qiegħed picnic taqsam għalqa ma’ nies u familji oħrajn li mhux bilfors jiggostawh id-daqq tiegħek. Il-fdalijiet tal-barbecue fuq il-bajja biex jiġborhomlok xi ħadd ieħor, il-karozza tirrevvja u twerżaq fit-toroq biex issemmgħalna s-silencer imtaqqab, l-għajat u d-dagħa minn fuq it-trakk biex turina li int ukoll qed taħdem. Il-lista ma tieqaf qatt. Issa, ma rridux ngħidu li rridu nsiru Nordiċi mil-lejl għan-nhar, u ninżgħu identità Mediterranja li fiha wkoll dak l-element tal-istorbju. Imma l-problema hi waħda aktar profonda, li essenzjalment tikkonċerna l-patti soċjali li nagħmlu bejnietna sabiex kulħadd jgħix kif xieraq mingħajr ma dak li jkun jimponi lilu nnifsu bil-forza.

Marie Briguglio
Marie Briguglio

No Mans Land huwa ktieb essenzjali anki għall-essenzjalità tiegħu, jekk taħrfuli l-logħba bil-kliem. Il-karikaturi ta’Bonello huma vjaġġ tul storja ta’ mill-inqas 30 sena ta’ abbużi ambjentali kif ukoll tal-ġlidiet kontrihom minn soċjetà ċivili dejjem aktar konxja u aktar organizzata u numeruża, u hija s-satira li tpinġilna t-traġedja wara d-daħka qarsa li tnissel. Briguglio, imbagħad, tikkwantifikaha din it-traġedja bis-saħħa tal-fatti u ċ-ċifri xotti f’idejha, ta’ ekonomista li hi. Carta canta, jgħidu t-Taljani: dak li hemm miktub, magħdud, mistħarreġ, ma tistax tmerih, minkejja li kollox jista’jitqies perċezzjoni. U dan tagħmlu bl-aktar mod ironikament xott, fis-sens li tistrieħ fuq l-aridità tan-numri biex twassal, mingħajr ebda xinxilla emozzjonali jew bikkejja, il-fatti għerja li xorta waħda jwasslu għat-tpinġija ta’ stampa li ma tistax ma tqanqalx.

Jekk tqanqalx għall-azzjoni jew għad-disprament li jkompli jħajrek taqbad u titlaq jew inkella tmur tinħeba, dak mhuwiex xogħol l-awturi. Bħalma għedna, xi kultant hemm bżonn teħles mill-emozzjoni, anki dik valida u ġustifikata, u minflok dak li huwa problematiku tkejlu u tfiehmu kif inhu. U dan kollu, lil hinn mill-kapitli ddedikati lejn il-problemi l-kbar nett, fosthom l-ossessjoni bil-ġebla, l-użu tal-art u tal-ilma, il-kaċċa, u fl-aħħarnett il-kaos — il-ġenn kollettiv li donnu se jwassal għal taħbil tal-biża’ ta’ dil-kobba miżmuma bil-bżieq li hija s-soċjetà tagħna — huwa spjegat l-aħjar fl-introduzzjoni ta’ Briguglio, imsejħa ‘The Tragedy of the Commons’.

Kunċett li mid-dehra ma sabx ruħu fid-dizzjunarju u l-vokabularju Malti, perikolożament intraduċibbli, li jiddenota dak li naqblu dwaru li huwa ġid komuni, ta’ kulħadd għall-użu ekwu u paċifiku, u li forsi nafuh daqsxejn aktar dal-aħħar bil-legaliżmu tad-‘demanju pubbliku’, li ma huwa xejn aktar minn dik ir-roqgħa ta’ mill-inqas 15-il metru tul fejn, nagħtu każ, tista’ titfa’ xugaman u fejn ħadd ma jdejjaqlek għajnejk jew inkella jżommok milli tidħol bis-saħħa ta’ xatba tiddefendi l-indifensibbli. 

Il-kitba ta’ Briguglio, mirfuda mill-kronaka karikaturali ta’ Bonello, hija urġenti fid-distakk akkademiku tagħha, u talludi għal bomba tal-ħin li se tieħu minn mument għal ieħor. Jista’ ma jkunx xogħol letterarju kif nafuh, imma għandu l-immedjatezza fattwali u fl-istess ħin dak li suppost imexxi awtur impenjat jew li jassumi identità attivista jew li inkella qiegħda qrib taħbit il-polz tas-soċjetà, bħalma għamlet daqstant tajjeb xi Lara Calleja b’Kissirtu KullimkienNo Mans Land  huwa l-kumpann essenzjali għal min tassew irid il-ġid għal artu u ma jitħalliex jagħma mill-ideoloġija tal-interessi u ta’ sens komun fażull, imma kull fejn taqta’, irid joħroġ id-demm. 

Użah sew dan il-ktieb. Għax jew iġennek bil-għadab, inkella jmarrdek bid-dwejjaq.

More in Arti